Il-korruzzjoni tas-setgħana  tispiċċa  biex iħallsu prezzha l-foqra


It-Tnejn, 16 ta’ Ġunju 2014: Il-korruzzjoni tas-setgħana tispiċċa biex iħallsu prezzha l-foqra li, minħabba r-rgħiba tal-oħrajn, ma jkollhomx dak li hu meħtieġ u li għandhom dritt għalih.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija fid-Dar Santa Marta waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu.  L-unika triq biex jingħeleb id-dnub tal-korruzzjoni hu s-servizz mogħti lill-oħrajn għax dan isaffi l-qlub.

Storja ta’ niket kbir li, minkejja li hi antika ħafna, għadha mera ta’ wieħed mid-dnubiet l-aktar li naraw qrib tagħna: il-korruzzjoni.  Il-Papa Franġisku għamel riflessjoni fuq il-paġna tal-Evanġelju li tqiegħed quddiemna l-liturġija tallum: l-istorja ta’ Nabot, proprjetarju ta’ għalqa tad-dwieli li kienet tintiret fil-familja tiegħu.

Meta r-re Aħab, bil-ħsieb li jkabbar il-ġnien tiegħu, jitolbu jbiegħlu l-ġnien, Nabot jirrifjuta għax ma jridx jinfired mill-wirt li ħallewlu missirijietu.  Ir-re jeħodha bi kbira ħafna.    Għalhekk martu Ġeżabel tħejji nassa: bil-kompliċità ta’ xhieda foloz tkaxkar lil Nabot quddiem il-qorti u dan jispiċċa kkundannat u maqtul bit-tħaġġir.

B’hekk hi tagħti l-ġnien tant mixtieq lil żewġha li, osserva l-Papa Franġisku, jieħu kollox bil-kalma qisu qatt ma ġara xejn.  Din l-istorja, ikkummenta l-Papa, għadha sejra l-ħin kollu bejn min għandu f’idejh is-setgħa materjali jew il-poter politiku jew il-poter spiritwali.

Ħafna drabi naqraw fil-gazzetti li xi politiku ttieħed il-qorti għax b’mod maġiku sar sinjurun.  Fil-qorti tressaq kap ta’ azjenda li stagħna maġikament, jew aħjar, għax sfrutta lill-ħaddiema tiegħu.

Hemm wisq rapporti dwar prelati li saru sinjuri u ttraskuraw id-dmirijiet pastorali tagħhom biex jagħtu kas tal-poter.  Hekk huma l-politiċi korrotti, in-negozjanti korrotti, in-nies tal-Knisja korrotti.  Qegħdin kullimkien.

U rridu ngħidu l-verità: il-korruzzjoni hija d-dnub l-aktar qrib tagħna, id-dnub ta’ dik il-persuna li għandha awtorità fuq ħaddieħor, kemm ekonomika, kemm politika u wkoll ekkleżjastika.  Ilkoll kemm aħna jkollna t-tentazzjoni għall-koruzzjoni.  Huwa dnub qrib ħafna tagħna.  Għax meta wieħed ikollu l-awtorità jħossu setgħan, iħossu qisu alla.

Wara kollox, kompla jgħid il-Papa, il-korruzzjoni tiġi mis-sens ta’ sigurtà li wieħed iħoss li jkollu.  Bil-ġid, bil-flus, imbagħad bis-setgħa, bil-vanità, bis-suppervja… u minn hemm… kollox, anke joqtol.

Imma, staqsa l-Papa, min iħallas għal din il-korruzzjoni?   Min itik il-flus maħmuġin?  Le, sostna Franġisku, min itik dawn il-flus hu s-sensal.  Fil-verità l-korruzzjoni jħallas għaliha l-fqir.

Meta nitkellmu dwar il-politiċi korrotti, l-ekonomisti korrotti, min iħallas għalihom?  Iħallsu l-isptarijiet neqsin mill-mediċini, il-morda li m’għandhomx kura, it-tfal mingħajr edukazzjoni.  Dawn huma n-Nabot moderni li jħallsu għall-korruzzjoni tal-kbarat.

U min iħallas għall-korruzzjoni tal-prelat?  Iħallsu għaliha t-tfal li ma jafux iroddu s-salib, li ma jafux il-katekiżmu, li huma mitluqin.  Iħallsuha l-morda li ħadd ma jmur jarahom, il-ħabsin li m’għandhomx attenzjoni spiritwali.  Iħallsuha l-foqra.  Il-korruzzjoni jħallsu għaliha l-foqra materjali u l-foqra spiritwali.

Minflok, it-triq waħdanija biex noħorġu mill-korruzzjoni, biex negħlbu t-tentazzjoni, biex negħlbu d-dnub tal-korruzzjoni, hija s-servizz.  Għaliex, spjega l-Papa Franġisku, il-korruzzjoni tiġi mill-kburija, mis-suppervja, filwaqt li s-servizz jumiljak, huwa l-karità umli li biha tgħin lil ħaddieħor.

Illum, temm l-omelija l-Papa, noffru din il-quddiesa għal ħafna u ħafna… li b’ġildhom iħallsu għall-korruzzjoni, li jmantnu l-ħajja ta’ dawk il-korrotti.  Dawn il-martri tal-korruzzjoni politika, tal-korruzzjoni ekonomika u tal-korruzzjoni ekkleżjastika, nitolbu għalihom.  Jalla l-Mulej iressaqna lejhom.  Żgur li kien qrib ħafna ta’ Nabot fil-ħin tat-tħaġġir bħalma kien qrib ħafna ta’ Stiefnu.  Jalla l-Mulej ikun qrib tagħhom u jtihom il-forza biex jimxu ’l quddiem fix-xhieda li jagħtu bix-xhieda tagħhom infushom.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta