Il-korrott jirrita lil Alla u jġiegħel lill-poplu jidneb


It-Tlieta, 17 ta’ Ġunju 2014: Il-korrott jirrita lil Alla u jġiegħel lill-poplu jidneb.  Il-Papa għamel din l-affermazzjoni waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-martirju ta’ Nabot meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten reġa’ ta lill-Papa l-okkażjoni biex jitkellem dwar il-korrotti u qal li l-unika triq biex huma jinbidlu hija l-indiema inkella tinżel fuqhom is-saħta t’Alla.

Meta wieħed jaqbad it-triq tal-korruzzjoni, ikun qed jieħu l-ħajjiet, jużurpa u jkun qed jinbiegħ.  Il-Papa Franġisku reġa’ dawwar ħsiebu fuq il-korrotti bi kliem iebes għall-aħħar.  Il-qari tal-liturġija tal-ġurnata li jdur mal-qtil ta’ Nabot minħabba l-korruzzjoni tar-re Aħab li ried l-għalqa tad-dwieli, tah l-okkażjoni biex jerġa’ jitkellem fuq il-korrotti.

Il-Profeta Elija, qal il-Qdusija Tiegħu, jgħid li Aħab biegħ lilu nnifsu.  Kien qisu nesa li hu bniedem u sar oġġett ta’ merkanzija li tinxtara u tinbiegħ.

Hekk nistgħu niddeskrivuh: merkanzija!  Imbagħad x’jagħmel il-Mulej bil-korrotti, hi liema hi l-korruzzjoni…?

Ilbieraħ għidna li hemm tliet tipi ta’ korruzzjoni, tliet gruppi: il-korrott politiku, in-negozjant korrott u l-korrott ekkleżjastiku.  It-tlieta li huma jagħmlu l-ħsara lill-innoċenti, lill-foqra, għax huma l-foqra li jħallsu l-festa tal-korrotti!  Il-kont għand il-foqra jispiċċa.  Il-Mulej jgħid ċar u tond x’se jagħmel:  ‘Jien inġib fuqek għajb kbir u nikinsek.  Kull raġel ta’ Aħab neqirdu kemm jekk hu skjav u wkoll jekk hu liberu f’Iżrael.’

Il-korrott, kompla jgħid il-Papa, jirrita lil Alla u jġiegħel lill-poplu jidneb! Dan Ġesù qalu ċar: min jagħti skandlu aħjar jintefa’ l-baħar.  Il-korrott li jiskandalizza lis-soċjetà, jiskandalizza lill-poplu t’Alla.  Il-Mulej, għalhekk, iħabbar minn qabel il-kastig għall-korrotti għax huma jiskandalizzaw, għax jisfruttaw lil min ma jistax jiddefendi ruħu, jagħmlu lin-nies skjavi: ‘L-għasafar tal-ajru jiġu jikluk!’

Il-korrott, kompla l-Papa Franġisku, jinbiegħ biex jagħmel id-deni, imma hu ma jafx: hu jaħseb li qed jinbiegħ biex ikollu aktar flus jew aktar poter.  Imma, tenna l-Papa, fir-realtà jkun qed jinbiegħ biex inissel id-deni, biex joqtol.   Għalhekk, wissa l-Papa, meta aħna ngħidu: ‘Dan ir-raġel hu korrott: din il-mara hi korrotta…’  Imma ejjew nieqfu naħsbu ftit.  Int għandek provi?  Għax meta ngħidu lil xi ħadd li hu korrott, inkunu qed ngħidulu li hu kkundannat, inkunu qed ngħidulu li l-Mulej keċċieh lil hemm.

Il-korrotti huma tradituri, imma huma aktar minn hekk.  L-ewwel definizzjoni tal-korrott hi: bniedem li jisraq, bniedem li joqtol.  It-tieni: x’inhu dak li se jirtu l-korrotti?  Din hi s-saħta t’Alla, għax huma sfruttaw lill-innoċenti, lil min ma jistax jiddefendi ruħu.  U dawn il-korrotti, dak li jagħmlu jagħmluh mill-bogħod, bl-ingwanti bojod  f’idejhom, mingħajr ma jħammġu jdejhom.

It-tielet ħaġa: hemm triq li tista’ tgħin lill-korrotti joħorġu mill-isqaq, hemm bieb li minnu jistgħu joħorġu?  Iva.  Meta Aħab sema’ dan il-kliem, ċarrat ħwejġu, libes xkora u beda jsum.  Kien jorqod bl-ixkora u kien jimxi b’rasu baxxuta. Beda jagħmel il-penitenza.

Dan, qal il-Papa, huwa l-bieb li minnu jistgħu joħorġu l-korrotti – il-korrotti politiċi, in-negozjanti korrotti, il-korrotti tal-Knisja: jitolbu maħfra.  U, żied jgħid Franġisku, lill-Mulej jogħġbu dan.  Il-Mulej jaħfer, imma jaħfer meta l-korrotti jagħmlu dak li għamel Żakkew: ‘Iva, Mulej, sraqt!  Inrodd lura erba’ darbiet aktar!’

Meta aħna naqraw fil-gazzetti li xi ħadd hu korrott, li wettaq att ta’ korruzzjoni, u li l-flus qed jgħaddu minn id għal oħra – u dan anke fost il-prelati – bħala Nsara għandna d-dmir li nitolbu maħfra f’isimhom u nitolbu biex il-Mulej itihom il-grazzja li jindmu, li ma jmutux b’qalbhom korrotta…

Iva, nikkundannaw lill-korrotti, temm il-Papa, nitolbu l-grazzja li ma nsirux korrotti aħna, imma nitolbu wkoll biex huma jikkonvertu!

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta