It-Tnejn, 30 ta’ Ġunju 2014: Hemm aktar Insara ppersegwitati llum milli kien hemm fl-ewwel sekli tal-Knisja, tenna l-Papa Franġisku llum, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Illum il-Knisja tfakkar lill-Qaddisin Protomartri tal-Knisja Rumana li kienu nqatlu b’mod krudil fuq l-Għolja tal-Vatikan b’ordni ta’ Neruni, wara l-ħruq ta’ Ruma fis-sena 64.
It-talba tal-bidu tal-quddiesa tfakkarna li l-Mulej ‘saqqa bid-demm tal-martri l-ewwel żerriegħa tal-Knisja ta’ Ruma’. Qed nitkellmu dwar it-tkabbir ta’ pjanta, afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija, u dan ifakkarna dak li kien jgħid Ġesù: ‘Is-Saltna tas-sema hi bħal dak il-bniedem li tefa’ ż-żerriegħa, imbagħad telaq lura lejn daru, u, rieqed jew imqajjem, iż-żerriegħa tikber u twarrad mingħajr ma jkun jaf kif hu.’ Din iż-żerriegħa hi l-Kelma t’Alla li tikber u ssir is-Saltna t’Alla, issir il-Knisja bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u bix-xhieda tal-Insara.
Nafu li mingħajr l-Ispirtu ma jistax ikun hemm tkabbir; Hu jagħmel il-Knisja, Hu jgħinha tikber, Hu jlaqqa’ flimkien il-komunità tal-Knisja. Imma hi meħtieġa wkoll ix-xhieda tal-Insara. U meta din ix-xhieda tasal fl-aħħar, meta ċ-ċirkostanzi storiċi jitolbu minna xhieda qawwija, hemmhekk insibu l-martri, l-akbar xhieda.
U dik il-Knisja tissaqqa bid-demm tal-martri. Dan hu s-sabiħ tal-martirju. Jibda bix-xhieda, jum wara ieħor, u jista’ jintemm bħalma ntemm Ġesù, l-ewwel martri, l-ewwel xhud, ix-xhud fidil: bid-demm.
Iżda hemm kundizzjoni biex din ix-xhieda tkun waħda vera, żied il-Papa: trid tkun mingħajr kundizzjonijiet. Smajna fl-Evanġelju li dak ir-raġel ried imur wara l-Mulej, imma jagħmillu kundizzjoni: ried imur isellem lil missieru u jidfnu… Il-Mulej iwaqqfu: ‘Le!’ Ix-xhieda hija mingħajr kundizzjonijiet. Trid tkun soda, deċiża, irid ikollha l-lingwaġġ tant qawwi li jgħidilna bih Ġesù: ‘Il-lingwaġġ tagħkom irid ikun iva, iva, le, le.’ Dan hu l-lingwaġġ tax-xhieda.
Illum, kompla l-Papa Franġisku, inħarsu lejn din il-Knisja ta’ Ruma li qed tikber imsoqqija bid-demm tal-martri. Imma hu xieraq ukoll, kompla jgħid, li llum naħsbu f’tant martri ta’ żmienna, tant martri li jagħtu ħajjithom għall-fidi. Hu minnu li kien hemm ħafna Nsara ppersegwitati fi żmien Neruni, imma llum – saħaq il-Papa – mhumiex anqas.
Illum hemm tant martri fil-Knisja, tant Insara ppersegwitati! Niftakru fil-Lvant Nofsani, fejn l-Insara jkollhom jaħarbu mill-persekuzzjonijiet, fejn tant Insara jisfaw maqtulin mill-persekuturi. Anke dawk l-Insara li jitkeċċew ’il barra b’mod aktar diplomatiku, bl-ingwanti bojod: anke dik hi persekuzzjoni.
Illum hemm ħafna aktar xhieda, aktar martri fil-Knisja milli kien hemm fl-ewwel sekli. U waqt din il-quddiesa, li fiha qed infakkru lill-antenati glorjużi tagħna, hawn f’Ruma, naħsbu wkoll dwar dawn ħutna li jgħixu fil-persekuzzjoni, li jbatu, u li b’demmhom isaqqu u jkabbru ż-żerriegħa ta’ tant knejjes żgħar li jinbtu. Nitolbu għalihom u għalina, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta