Huma jiftħu u aħna nagħlqu

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 12 ta’ Lulju 2014: Qed niktiblek minn raħal ċjejken ħafna fis-Slovenia fejn ġejt ma’ marti biex ngħaddu ftit jiem ta’ mistrieh għall-arja friska tal-muntanji.  Onestament l-ismijiet ta’ dawn il-postijiet lanqas biss nippronunzjhom ma naf, aħseb u ara kemm naf niktibhom.  Imma għal dak li se ngħid, l-isem mhux daqstant importanti.

Għall-ħabta tas-seba’ ta’ filgħodu nżilna bil-mixi sa ħdejn il-knisja, imma l-bibien kienu kollha magħluqin.  Wieħed minnhom deher li kien ilu sewwa ma jinfetaħ għax sa l-għanqbut kien intiseġ mal-koxox tiegħu. Staqsejt wieħed li nzerta kien għaddej minn hemm, “It’s still too early”, qalli. “Maybe they open later”“But the shops are already open”, għidtlu jiena. “The shops have to sell”, qalli dak bi tbissima, “but the priest can open when he likes.  He’s an old man, and often very tired”.  Tbissimtlu u ħallejtu b’tislima.  Imma ġewwa fija bkejt.

Erġajt ittawwalt għal xi l-għaxra. Imbagħad erġajt illejla. Imma l-bieb kien għadu magħluq.  Forsi fetaħ x’ħin ma kontx hemm jien u rega’ għalaq. Imma l-ħwienet li kienu miftuħa fis-seba’ kienu għadhom miftuħa fl-għaxra u anke l-lejla.

Niftakar li meta sena ilu kont Milan, kont għaddejt mill-istess esperjenza; il-ħwienet kollha miftuħin il-jum kollu sa tard ħafna filgħaxija, imma l-knejjes, għajr dawk li saru aktar mużewijiet tat-turisti milli santwarji ta’ qima u talb, magħluqin kważi l-jum kollu.

Imma possibli li tal-ħwienet għandhom aktar x’joffrulhom lin-nies tad-dinja minn fuq l-ixkaffef tagħhom milli għandna aħna mill-knejjes tagħna?  Anke f’pajjiżna, ma nafx hux kullimkien, imma bosta knejjes jiftħu ftit għall-ħin tal-quddies, imbagħad daqshekk.  Matul il-jum bħal donnu m’għandhomx aktar x’joffru.

Għandu raġun il-Papa Franġisku jitkellem u jippriedka – kważi jibki –  li fiċ-ċentru tad-dinja, illum hemm l-alla falz tal-flus! Il-mammona!  U waqt li s-santwarji ta’ dan l-idolu falz qegħdin dejjem aktar jiftħu l-bibien tagħhom, aħna, li niftaħru li nqimu lil Alla veru, il-bibien tagħna aktar magħluqin milli miftuħa.  Anke din tnehieda ohra tal-Papa, “Sirna Knisja magħluqa!”.

Jum fost l-oħrajn, wieħed iben imġewwaħ u mċerċer, li bosta snin qabel kien ħalla dar missieru, sema’ leħen jidwi f’qalbu, “Ejjew għandi, intom lkoll li tinsagħbu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom.”  U ħalla, dan l-iben imġewwaħ u mċerċer, il-maqjel fejn kien, u mexa ħiemed u kiebi lejn dar missieru. 

Meta qorob sewwa ħares ‘il fuq, imma fis-setaħ ma lemaħ lil ħadd. Mexa aktar u meta wasal ra li anke l-bieb kien magħluq. Ħabbat, iżda minn ġewwa ma fetaħlu ħadd. Ipprova jiftaħ bħal dari, imma l-bieb, sabiħ u oħxon kien imbarrat.

Għalhekk, dan l-iben, kif kien imġewwaħ u mċerċer, intasab bilqegħda fuq l-għatba ta’ dar missieru. U l-leħen li kien sema’ qabel, issokta jkellmu.  Imma l-bieb sabiħ u oħxon xorta baqa’ ma nfetaħx.  Forsi dak li dari kien joħroġ biex jiftaħ, kien għajjien wisq biex jitħarrek.

 

joe farrugia

3 thoughts on “Huma jiftħu u aħna nagħlqu”

  1. Jista’ jkun, Victor. Dak li qed tghid inti jigri spiss. Imma jekk mill-banda l-ohra, ahna inhalluha maghluqa, tibqa vojta’ zgur u jkun tort taghna ghax ma ftahniex.

    Nemmen li xorta ghandna nifthu, imbaghad naraw ukoll ghaliex il-kappella qed tibqa’ vojta’. Jekk bniedem wiehed matul il-jum, ifittex il-kenn u l-komfort ta’ Gesu’ Sagramentat, ahna m’ghandnix naghlqulu l-bieb.

  2. Il-kappella fejn issir l-adorazzjoni ghalfejn nifthuha ghal aktar hin jekk tibqa’ vojta ?

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading