Il-Papa f’Santa Marta: Alla jagħmel l-istorja flimkien magħna u jikkoreġiha kull meta niżbaljaw

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 18 ta’ Diċembru 2014: Għandna nafdaw f’Alla anke fl-aktar waqtiet mudlama, anke jekk kultant ma nifhmux l-istorja li Hu qiegħed jagħmel flimkien magħna: imma hi dejjem storja ta’ salvazzjoni. Din kienet l-affermazzjoni ewlenija li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Alla ried isalvana permezz tal-istorja.  Is-salvazzjoni tagħna mhix salvazzjoni mibnija f’laboratorju ħieles mill-mikrobi, le!  Is-salvazzjoni tagħna hija storika.  Hu għamel mixja mal-poplu tiegħu fl-istorja, u biex wasalna fejn qegħdin illum, kien hemm storja twila u twila ħafna.

L-istorja hekk issir, pass, pass.  Alla jagħmel l-istorja u aħna miegħu u kull meta niżbaljaw Alla jikkoreġi l-istorja u jmexxina ’l quddiem billi jimxi dejjem magħna.  Jekk għalina dan mhux ċar, qatt ma nistgħu nifhmu l-Milied!  Qatt ma nistgħu nifhmu l-Inkarnazzjoni tal-Verb!  Qatt! Hija kollha kemm hi storja ta’ mixja.  F’din l-istorja, qal il-Papa, hemm il-magħżulin minn Alla, dawk il-persuni li Hu jagħżel biex jgħinu lill-poplu tiegħu jimxi ’l quddiem, bħalma kienu Abram, Mosè u Elija.  Għal dawn kien hemm waqtiet koroh:  mumenti ta’ dlam, mumenti skomdi, mumenti li tawhom fastidju.

Dawn kienu persuni li forsi riedu jgħixu ħajja kalma imma l-Mulej skomodahom biex jagħmel l-istorja.  Il-Mulej ħafna drabi jmexxina minn toroq li għalina huma skomdi, li ma nkunux irridu ngħaddu minnhom.  Tant hu hekk li, f’ħin minnhom,  Mosè u Elija tiġihom ukoll ix-xewqa li ħajjithom tintemm, imma mbagħad jintelqu f’idejn il-Mulej.

L-Evanġelju tal-lum ikellimna dwar waqt ikrah ieħor tal-istorja tas-salvazzjoni: dak li fih Ġużeppi jinduna li l-għarusa tiegħu Marija hija tqila.  Ġużeppi jsofri, jara n-nisa tal-villaġġ iqassu fis-suq, u jsofri.  Jgħid lilu nnifsu: ‘Imma din hi mara tajba, nafha sew.  Hija bniedma ta’ Alla! X’għamlitli?   Mhux possibbli.  Jekk jakkużawha, tispiċċa mħaġġra!’

Dan ma jridux iseħħ anke jekk ma kien qed jifhem xejn.  Jaf li Marija m’għandhiex ħila tonqos mill-fedeltà.  F’dawn il-waqtiet koroh, dawn il-persuni magħżulin minn Alla biex jagħmel l-istorja, jeħtiġilhom iġorru l-problema fuq spallejhom mingħajr ma jifhmu.  Hekk il-Mulej jagħmel l-istorja.

Hekk Ġużeppi, ir-raġel li jinsab fl-aktar waqt ikrah ta’ ħajtu, il-mument l-aktar mudlam, jieħu l-problema fuq spallejh.  U jakkuża lilu nnifsu biex f’għajnejn l-oħrajn jgħatti lil għarustu.  Forsi xi psikanalista jgħid li dil-ħolma hi frott ta’ stress, li Ġużeppi qed ifittex kif joħroġ mis-sitwazzjoni… imma ħalluhom jgħidu li jridu, qal il-Papa.

X’għamel Ġużeppi?   Wara l-ħolma ħa lil Marija għandu.  ‘Ma jien qed nifhem xejn imma l-Mulej qalli dan u dan se jkun jidher bħala ibni.’

Għal Alla, li jagħmel l-istorja mal-poplu tiegħu, osserva l-Papa Franġisku, ifisser mixja ta’ prova għall-maħturin tiegħu.  Imma fl-aħħar  isalvahom.  Niftakru dejjem, kompla jgħid, bil-fiduċja, anke fil-waqtiet l-aktar koroh, anke fil-mard, meta nindunaw li għandna bżonn nitolbu d-dilka tal-morda għax wasalna lejn it-tmiem, niftakru ngħidu:  ‘Imma Mulej, l-istorja la bdiet bija u lanqas se tintemm miegħi!  Int imxi triqtek u jien qiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek.’ U nintelqu f’idejn il-Mulej.

Allura x’jgħallmuna dawn il-magħżulin t’Alla?  Jgħallmuna li Alla jimxi magħna, li Alla jagħmel l-istorja, li Alla jgħaddina mill-provi u Alla jsalvana fl-aktar mumenti koroh għax hu Missierna.  U skont San Pawl, Hu l-papà tagħna.

Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dan il-misteru li Alla jimxi mal-poplu tiegħu fil-mixja tal-istorja, li Alla jgħaddi mill-prova lill-magħżulin tiegħu u jittestja qalbhom kemm hi kbira, li jkollhom ħila jieħdu fuq spallejhom it-tbatijiet tagħhom, il-problemi, anke lill-midinbin.  Naħsbu f’Ġesù biex inkunu nistgħu mmexxu l-istorja ’l quddiem, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Leave a Reply