Nitgħallmu minnu

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Issa l-arċidjoċeżi tagħna għandha r-ragħaj spiritwali ġdid tagħha. Kull ragħaj iġib miegħu l-bagalja tiegħu mimlija kif inhi bl-esperjenzi, bil-konvinzjonijiet, u b’għadd ta’ modi ta’ kif jista’ jeżerċita r-responsabbiltà episkopali li ġiet afdata f’idejh.

Dan l-aħħar, waqt li kont qiegħed naħdem fl-isptar, ġejt imnebbaħ b’din il-fehma interessanti. Illum, li missieri, Alla jaħfirlu, ħalliena, sirt aktar napprezzah. Għaliex, fin-nuqqas tiegħu, qiegħed nara kwalitajiet li, meta kien ħaj, għal xi raġuni jew oħra, ma stajtx nara. Għalkemm dejjem xtaqt li nara ħa napprezzah aktar. Kif tassew jixraqlu!

Nara li l-istess paragun joqgħod tajjeb għall-Arċisqof il-ġdid, Mons Charles J. Scicluna. Kif ikkummenta tant tajjeb l-editur ta’ ġurnal Malti, lil Charles Scicluna “jew tħobbu jew tobogħdu”. Imma jibqa hu! Se stesso! Bħalma qal il-Kardinal Ratzinger għas-suċċessur ta’ San Ġwann Pawlu t-Tieni, li l-istorja uriet li kellu jkun hu stess! Mons Charles Scicluna, fil-konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat fil-Kurja nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Frar f’nofsinnhar, fejn tħabbret il-ħatra tiegħu bħala l-Arċisqof Metropolita ta’ Malta, qal li bħala Arċisqof mhux se jxandar lilu nnifsu imma lil Ġesù Kristu. Madankollu ippreċiża: “Imma, fl-istess ħin, inkun jien. Mhux fotokopja ta’ xi ħadd ieħor. You will get Charles Scicluna u Alla jgħinni”.

Barra minhekk, fil-Messaġġ Pastorali tiegħu għal dan ir-Randan, l-Arċisqof Scicluna meta kien għadu jokkupa l-kariga ta’ Amministratur Appostoliku, kien qal hekk: “Jiena nista’ nħares lejn min ikun magħżul u ngħid ‘ma tantx jogħġobni’, jew ‘ma tantx jinżilli’, imma l-fidi matura tiegħi ġġegħelni nħares lejh u ngħid ‘Kristu qiegħed ikellimni permezz tiegħu, Kristu qiegħed imexxini permezz tiegħu, għaliex Kristu huwa r-Ragħaj’”. Mela t-titlu li ta l-editur għall-editorjal tal-Ħadd li għadda: Je suis Charlie (Scicluna)! joqgħod kexxun! Għaliex iqaxxar dan kollu li għedna.

Wara dik il-Je suis Charlie hemm dak kollu li għen biex dan l-Arċisqof, li għadu żgħir fiż-żmien, se jgħinu ħalli jaqdi l-ministeru episkopali tiegħu b’ġenerożità u responsabbiltà. Tajjeb ngħidu li l-figura tal-Arċisqof hija paterna. Fil-liturġija tagħha l-Knisja Kattolika bir-raġun kollu issejjaħlu “Missier”. Għaliex huwa b’imħabba ta’ missier li l-Arċisqof jisma’ lil kulħadd, iwissi lil min jiżbalja b’responsabbiltà u b’ġustizzja, ikun integru f’kelmtu u f’għemilu, jistabar fit-tiġrib, jgħallem ta’ evanġelista li hu, jordna l-presbiteri u d-djakni, jieħu ħsieb il-foqra, f’kelma waħda jamministra l-Knisja ta’ Alla (ara 1 Tim 5:3.19-22, 2 Tim 4:5, Titu 1:5)

Bħalma aħna għandna x’noffrulu l-Arċisqof Scicluna għandu x’joffrilna. x’jgħallimna. Forsi aktar minn dak li se jgħidilna se jgħallimna aktar mill-mod ta’ kif se jgħix fostna hu l-ewwel wieħed. Stqarrha hu stess nhar il-Ħadd li għadda fuq dan il-ġurnal: “Iżda ħaġa importanti hafna hawnhekk hi li inutli li nitkellmu jekk ma nagħtux xhieda ta’ dak li ngħidu. Huwa l-eżempju li jkaxkar”.

Ikun għaqli ħafna jekk nisimgħuh mingħajr preġudizzji. Nixtarru li jgħidilna. U fuq kollox, nitgħallmu mill-eżempju ta’ ħajtu. Ejjew nemmnu u nafdaw li mingħandu se nitgħallmu ħafna. Forsi aktar milli ħsiebna s’issa!

Leave a Reply

%d bloggers like this: