Jagħmlilna tajjeb naħsbu fil-waqt li nħallu din il-ħajja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 19 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Ġesù jinfired biex imur għand il-Missier u jibagħtilna l-Ispirtu s-Santu. San Pawl isellem qabel ma jitlaq lejn Ġerusalemm u jibki flimkien mal-anzjani li ġew biex isellmulu minn Efesu.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=MOUu-sItpnY&w=560&h=315%5D

 

Il-Papa Franġisku għamel omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta li fiha, imnebbaħ minn dawn l-episodji fil-liturġija tal-lum, spjega xi jfisser tgħid ‘addio’ għan-Nisrani.
Niftakru ftit, qal Franġisku, f’dawk li jkollhom bilfors jaħarbu minħabba l-persekuzzjonijiet. Ġesù jinfired, Pawlu jinfired u dan jgħinna nirriflettu fuq il-‘firdiet’ tagħna. F’ħajjitna, osserva l-Papa, insibu ħafna firdiet kbar jew żgħar li wħud minnhom iġibu t-tbatija u tant dmugħ.

Niftakru llum f’dawk l-imsejkna Rohingya ta’ Myanmar. Fil-mument li ħallew arthom biex jaħarbu mill-persekuzzjoni ma kinux jafu x’se jiġri minnhom. U baqgħu fuq dgħajsa xhur sħaħ. Jaslu f’belt fejn ituhom l-ilma u l-ikel imma jgħidulhom: ‘Itilqu minn hawn.’ Hija firda. Illum, żied Franġisku, din il-firda eżistenzjali għandha dimensjoni kbira.

Niftakru fil-firda tal-Insara, tal-Yażidi, li jaħsbu li forsi qatt m’huma se jerġgħu jaraw pajjiżhom għax imkeċċijin minn djarhom. Dan qed iseħħ illum, żied josserva.

Fil-ħajja hemm ħafna mumenti ta’ firdiet bħal dik tal-omm li ssellem lil binha li sejjer għall-gwerra u kuljum tqum bil-biża’ li jiġi xi ħadd jgħidilha: ‘Nirringrazzjaw ħafna l-ġenerożità ta’ ibnek li ta ħajtu għal pajjiżu.’

U hemm ukoll il-firda aħħarija li lkoll irridu ngħaddu minnha meta l-Mulej isejħilna għax-xaqliba l-oħra. Jien qed naħseb f’dan?

Dawn il-firdiet tul il-ħajja, anke l-aħħar waħda, mhumiex tislima bħal ‘narak aktar tard’, ‘arrivederci’, tislim li jimplika li dak li jkun se terġa’ tiltaqa’ miegħu ġurnata, ġimgħa wara, imma huma firdiet ta’ ‘ma nafx meta u jekk nerġax lura’.

U, innota l-Papa, dawn il-firdiet insibuhom ukoll fl-arti, fil-kanzunetti. Qed tiġini f’moħħi dik il-kanzunetta tal-Alpini li fiha l-kaptan isellem lis-suldati tiegħu: it-testment tal-kaptan. Imma jiena naħseb dwar il-firda l-kbira, il-firda l-kbira tiegħi, mhux meta ngħid ‘niltaqgħu ma ndumux’, imma meta jkun ‘addio’?

Il-qari tal-lum ikellimna dwar il-kelma ‘addio’. Pawlu jerħi lil tiegħu f’idejn Alla u Ġesù jerħi f’idejn Alla lid-dixxipli tiegħu: ‘Mhumiex tad-dinja, imma ħu ħsiebhom.’ Li nafdaw fil-Missier, li nafdaw ruħna lil Alla: din hi l-oriġini tal-kelma ‘addio’.

Aħna ngħidu ‘addio’ meta nsellmu kemm fil-ħajja u kemm fl-aħħar firda. Nemmen, żied jgħid Franġisku, li dawn iż-żewġ ikoni, dik ta’ Pawlu li jibki għarkupptejh fuq ix-xatt, u Ġesù mnikket quddiem id-dixxipli tiegħu għax kien sejjer lejn il-Passjoni u kien qed jibki f’qalbu, jgħinuna niftakru fl-‘addio’ tagħna. Jagħmlilna tajjeb. Min se tkun il-persuna li tagħlaqli għajnejja? X’se nħalli warajja?

Kemm Pawlu kif ukoll Ġesù, f’dawn is-siltiet jagħmlu speċi ta’ eżami tal-kuxjenza: ‘Jien għamilt hekk, jew hekk…’ Jiena x’għamilt? Jagħmilli tajjeb nimmaġinani f’dak il-waqt li ma nafx meta se jasal, imma se jasal żgur, il-waqt li ‘niltaqgħu għada’ jew ‘minn hawn u ftit ieħor’, isiru ‘addio’.

Jien lest biex inħalli lil tiegħi f’idejn Alla? Lest li nħalli lili nnifsi f’idejn Alla? Lest ngħid dik il-kelma li biha l-Iben jafda kollox f’idejn il-Missier?

Il-Papa għalhekk ta parir lil kulħadd biex jimmedita l-qari tal-lum u jaħseb li għad jasal il-jum li fih anke aħna rridu ngħidu l-kelma ‘addio’. Inħalli ruħi f’idejn Alla, inħalli l-istorja tiegħi f’idejn Alla, inħalli lill-familja, lil ħbiebi f’idejn Alla, inħalli kollox f’idejn Alla.

Jalla, temm Franġisku, Ġesù li miet u rxoxta jibagħtilna l-Ispirtu s-Santu biex nitgħallmu dik il-kelma, il-kelma tal-aħħar: ‘addio’.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading