Il-Familja – Spirtu ta’ Familja

Print Friendly, PDF & Email

31. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 7 t’Ottubru 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Ftit tal-jiem ilu fetaħ is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet fuq it-tema “Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja ta’ żmienna”. Il-familja li timxi fit-triq tal-Mulej hi fundamentali fix-xhieda ta’ l-imħabba ta’ Alla u għalhekk jixirqilha d-dedikazzjoni kollha li tista’ tagħtiha l-Knisja. Is-Sinodu hu msejjaħ jinterpreta, għall-ġurnata tal-lum, din l-attenzjoni u din l-għożża tal-Knisja. Ejjew insieħbu l-mixja kollha Sinodali qabel xejn bit-talb u l-attenzjoni tagħna. U f’dan il-perjodu l-katekeżijiet se jkunu riflessjonijiet imnebbħa minn xi aspetti tar-relazzjoni – li nistgħu tabilħaqq insejħulha indissolubbli! – bejn il-Knisja u l-familja, bix-xefaq miftuħ għall-ġid tal-komunità sħiħa tal-bnedmin.

Ħarsa mill-qrib lejn il-ħajja ta’ kuljum ta’ l-irġiel u n-nisa ta’ żmienna minnufih turi l-ħtieġa li hemm kullimkien ta’ injezzjoni b’saħħitha ta’ spirtu ta’ familja. Fil-fatt, l-istil tar-relazzjonijiet – ċivili, ekonomiċi, ġuridiċi, professjonali, ta’ ċittadinanza – jidher ħafna razzjonali, formali, organizzat, imma wkoll ħafna “bla ilma”, niexef, anonimu. Xi drabi jsir insopportabbli. Anki jekk jixtieq ikun inklużiv fil-forom tiegħu, fir-realtà qed jabbanduna għadd dejjem ikbar ta’ persuni għas-solitudni u l-iskart.

Araw għaliex il-familja tista’ tiftaħ għas-soċjetà kollha perspettiva wisq aktar umana: tiftaħ l-għajnejn ta’ l-ulied fuq il-ħajja – u mhux biss il-ħarsa, imma anki s-sensi l-oħra kollha – u turi viżjoni tar-relazzjonijiet umani msejsa fuq il-patt ħieles ta’ l-imħabba. Il-familja tintroduċi għall-bżonn tar-rabtiet ta’ fedeltà, sinċerità, fiduċja, koperazzjoni, rispett; tqawwi l-qalb biex wieħed jipproġetta dinja li fiha nistgħu ngħixu u jemmen fir-relazzjonijiet ta’ fiduċja, anki qalb kundizzjonijiet diffiċli; tgħallmu jżomm il-kelma li jkun ta, ir-rispett lejn kull persuna, il-qsim tal-limiti personali u ta’ l-oħrajn. U kollha nafu li xejn ma jista’ jieħu post dik l-attenzjoni familjari għall-membri l-iżjed ċkejknin, l-iżjed vulnerabbli, l-iżjed miġruħa, u saħanstira l-iżjed diżastrużi fl-imġiba ta’ ħajjithom. Fis-soċjetà, min jipprattika dawn l-atteġġjamenti, xorobhom mill-ispirtu tal-familja, u żgur mhux mill-kompetizzjoni u mix-xewqa tar-realizzazzjoni tal-jien.

U safrattant, anki jekk dan kollu nafuh, m’aħniex nagħtu lill-familja l-piż li jixirqilha – u l-għarfien, u s-sostenn – fl-organizzazzjoni politika u ekonomika tas-soċjetà tal-lum. Nixtieq ngħid iżjed: il-familja mhux biss m’għandhiex l-għarfien xieraq, imma m’għadhiex toħloq l-edukazzjoni! Xi drabi jiġini li ngħid li, bix-xjenza kollha tagħha, bit-teknoloġija kollha, is-soċjetà moderna m’għadhiex kapaċi tittraduċi dan l-għarfien f’xejriet aħjar ta’ konvivenza ċivili. Mhux biss l-organizzazzjoni tal-ħajja komuni qed teħel dejjem iżjed f’burokrazija għal kollox barranija għar-rabtiet umani fundamentali, imma, saħansitra, id-drawwiet soċjali u politiċi spiss qed juru sinjali ta’ tifrik – aggressività, vulgarità, disprezz… –, li jinsabu sew lil hemm mill-għatba ta’ mqar l-iċken edukazzjoni familjari. F’ċirkustanza bħal din, l-estremi opposti ta’ dan it-tifrik fir-relazzjonijiet – jiġifieri l-insensittività teknokratika u l-familiżmu amorali – jingħaqdu ma’ xulxin u jgħinu wieħed lill-ieħor. Dan hu paradoss.

F’dan il-punt eżatt, il-Knisja l-lum tara s-sens storiku tal-missjoni tagħha dwar il-familja u l-ispirtu veru tal-familja: ibda minn reviżjoni attenta tal-ħajja, li tolqot qabel xejn lilha nfisha. Nistgħu ngħidu li l-“ispirtu tal-familja” hu karta kostituzzjonali għall-Knisja: hekk għandu jidher il-Kristjaneżmu, u hekk għandu jkun. Hu miktub ċar, iswed fuq l-abjad: “Intom li darba kontu ’l bogħod – jgħid San Pawl – […] ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla” (Efes 2:19). Il-Knisja hi u għandha tkun il-familja ta’ Alla.

Ġesù, meta sejjaħ għal warajh lil Pietru, qallu li kien se jagħmlu “sajjied tal-bnedmin”; u għalhekk għandna bżonn għamla ġdida ta’ xbieki. Nistgħu ngħidu li l-lum il-familji huma waħda mix-xbieki l-iżjed importanti għall-missjoni ta’ Pietru u tal-Knisja. M’hix xibka li tjassar, din! Għall-kuntrarju, teħles mill-ilmijiet kiefra tat-telqa u ta’ l-indifferenza, li qed jgħarrqu lil ħafna bnedmin fil-baħar tas-solitudni u ta’ l-indifferenza. Il-familji jafu tajjeb x’inhi d-dinjità li nħossuna wlied u mhux ilsiera, jew barranin, jew biss numru fuq karta ta’ l-identità.

Minn hawn, mill-familja, Ġesù jerġa’ jabqad il-mixja tiegħu qalb il-bnedmin biex jipperswadihom li Alla ma nsihomx. Minn hawn Pietru jitħeġġeġ għall-ministeru tiegħu. Minn hawn il-Knisja, f’ubbidjenza lejn il-kelma ta’ l-Imgħallem, toħroġ tistad fil-fond, ċerta li, jekk dan iseħħ, il-qabda sa tkun mirakuluża. Jalla l-entużjażmu tal-Padri Sinodali, imdawla mill-Ispirtu s-Santu, jgħin lill-Knisja tagħmel dik il-qabża biex tħalli x-xbieki qodma u terġa’ tibda tistad b’fiduċja fil-kelma tal-Mulej tagħha. Nitolbu bil-qalb għal dan! Mill-bqija, Kristu wegħidna u jinkuraġġina: jekk il-missirijiet ħżiena ma jiċħdux il-ħobż lill-ulied imġewħa, kemm aktar Alla jagħti l-Ispirtu lil dawk li – imqar jekk imperfetti – jitolbuhulu b’insistenza mħeġġa (ara Lq 11:9-13)!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading