Minix xi qaddis/a!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap 

“Patri! Minix xi qaddis! Qaddisa!” Inkella “taħsibnix xi qaddis! Qaddisa!” Huma ħafna li jgħiduli hekk. Taħt diversi ċirkustanzi. F’għadd differenti ta’ ambjenti. Kollox sew ħija! Oħti! Nemmnek! U nafda f’dak li qed tgħidli! L-għaliex lanqas jien ma jien xi qaddis. Fija wkoll nagħraf id-dnubiet. In-nuqqasijiet. Id-dgħjufijiet. Mela Patri! Ibqa’ saqajk mal-art u ħalli l-Mulej itellgħek hu u mhux tiddebben fuq il-ponot ta’ subjgħajk! Għax inkella, jekk twebbes rasek u qalbek, jekk titkabbar, tibqa’ ma tidhirx! Tibqa’ daqs naqra!

Illum, il-Ħadd 1 ta’ Novembru, niċċelebraw bil-ferħ il-Festa tagħhom kollha. Tal-Qaddisin! Qaddisin fl-istorja kien hawn minn ta’ kull tip. Klassi soċjali. Edukazzjoni. Kapaċitajiet. Etajiet. U sess ukoll. Il-Mulej jaħdem b’modi differenti ħafna minna l-bnedmin. U mnalla tafux! L-għaliex kieku ċertu nies dejjem jibqgħu l-art imsieken! Mal-Mulej mhux importanti lil min taf. Lanqas lil min jista’ jgħaddilek dik il-kelma li minn xejn tagħmlek kollox. Il-Mulej għandu kriterju wieħed li bih il-persuna tkun tista’ tidħol f’Saltnatu: jekk il-persuna wettqitx, tul ħajjitha, ir-rieda ta’ Alla għaliha. Fil-vanġelu skont San Mattew Ġesù m’għandux kantunieri. Dirett tad-diretti ħbieb! “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7:21).

Faċli ħafna li, għax il-Mulej ta lil xi wħud il-ministeru li jkeċċu x-xjaten f’ismu, jafu jippriedkaw jew jiktbu, inkella jagħmlu ħafna mirakli f’ismu, dawn jistgħu jibqgħu ċerti li b’daqshekk għal ġewwa! U tgħid mhux hekk! Ejja ma nimlix rasi b’dawn l-affarijiet! Jissokta Ġesù: “F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, ‘Mulej, Mulej, m’hux f’ismek ħabbarna aħna, u m’hux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’ Mbagħad jien ngħidilhom, ‘Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’ ” (Mt 7 :22-23). Il-messaġġ huwa ċar u tond! Jidħol fis-sema mhux min, minħabba f’dawn il-kariżmi, isir magħruf jew magħrufa. Il-fatt li ħafna nies jafuni u jfaħħruni minħabba dawn id-doni mhijiex garanzija biex b’hekk nidħol fis-Saltna! Wara kollox dawn id-doni ġew mogħtija lili b’xejn biex bihom naqdi u qatt ninqeda!

Mela l-kriterju skont il-Mulej li bih nidħol fis-Saltna huwa ferm differenti! Biex nidħol fis-sema irrid inbati! U inbati ħafna minħabba Ġesù! F’San Luqa Ġesù jgħidilna: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, ‘Mulej, iftħilna.’ Iżda hu jweġibkom u jgħid, ‘Ma nafx mnejn intom.’ Mbagħad taqbdu tgħidulu, ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.’ Hu jwieġeb u jgħidilkom, ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li m’hux sewwa!’ Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ‘l barra” (Lq 13:24-28).

Meta ħaddieħor isir jobogħdna, jaqtagħna minn miegħu jew magħha, jgħid kontrina, l-għaliex aħna ta’ Ġesù Kristu, hemm inkunu tassew qiegħdin fil-qdusija! Meta ngħixu u niddefendu t-tagħlim ta’ Ġesù fuq il-bniedem, aħna ta’ Ġesù! U la qed inbatu minħabba fih ħa nibqgħu ċerti li se jiddefendina żgur. Anzi! Jagħtina l-ħajja ta’ dejjem! Fil-vanġelu skont San Mattew Ġesù jgħidilna: “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom” (Mt 5 :10-12).

Hawn bżonn il-qaddisin illum. Nies li ma jibżgħux għal ġildhom. Imma jibżgħu iva għall-Mulej li jgħix fihom! M’aħnix qaddisin. Imma ejjew inħalluħ jagħmilna! Hawn bżonn!

Leave a Reply

%d bloggers like this: