Minn Monsinjur Ġużeppi Farrugia
IT-TNEJN TAT-TIELET ĠIMGĦA
Lq 4,24-30 – II Slat 5,1-15a
“Kun dejjem twajjeb, Mulej, mal-Knisja tiegħek: żommha safja u wettaqha, u billi mingħajrek ma tistax tibqa’ sħiħa, mexxiha dejjem bil-grazzja tiegħek.”
[Il-waqfa – statio – Rumana tallum hi fil-knisja mibnija fuq il-qabar ta’ wieħed mill-martri kbar ta’ Ruma, sewwasew fil-bażilika ċimiterjali ta’ San Lorenzo fuori le Mura. Din il-knisja nobbli nbniet kemm-il darba mill-ġdid sakemm waslet dik tallum. Il-proto-djaknu martri San Lawrenz isaħħaħna fit-talba tagħna llum.]
Hija talba, din li qed nagħmlu llum, biex Alla jibqa’ dejjem “twajjeb mal-Knisja” billi jagħdirha fid-dgħufijiet tagħha għax “mingħajru ma tibqax sħiħa”.
Hija talba biex lill-Knisja Alla “jżommha safja” jiġifieri b’ħarsitha fuqu, u biss fuqu, ħa tagħraf tkun il-kontinwazzjoni effettiva ta’ Ġesù fostna.
Hija talba biex Alla “jwettaq” lill-Knisja, isaħħaħha fil-fedelta’ lejn il-fundatur divin tagħha, fit-tagħlim u fl-imħabba sħiħa tiegħu.
Hija talba sabiex “bil-grazzja tiegħu” Alla “jmexxina” qalb it-taqlib tad-dinja u t-taħbit ta’ Satana li jġarrabna billi jipprova jbeżżagħna u jaqtagħlna qalbna.
Din li qed nagħmlu llum mhix talba waħda, imma sensiela ta’ talbiet. Talbiet li l-Knisja tagħmilhom għax taf li “mingħajr [Alla] ma tistax tibqa’ sħiħa”.