Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > L-attitudni tal-paċi

L-attitudni tal-paċi


Patri Mario Attard OFM Cap

Is-Sena t-Tajba lil kulħadd! U, b’mod speċjali, lilek ħija, lilek oħti! Ir-raba’ numru issa dar! Arah! Minn sitta sar seba’! Addijo s-sena ta’ qabel. U merħba bik! għas-Sena l-Ġdida!

Il-bidla tan-numru taf tfisser ħafna affarijiet għal ħafna nies. Jiddependi minn dak li huma ħejjew u qegħdin jaspiraw għalih. Iżda fil-ħajja l-aktar affarijiet li huma tant meħtieġa għall-bidu ma jagħmlux ħoss. Għalkemm wara itarrxu kull m’hawn. Hekk, ngħidu aħna, ma tagħmilx ħoss li wieħed, minn persuna irrabbjata jibda’ jieħu lil ħaddieħor bil-ħlewwa. Anki jekk il-bidla, almenu f’dawk li jiġi f’kuntatt magħhom, tibda issir bil-mod. Iżda, meta jibda’ għaddej iż-żmien u dik il-persuna, għal raġuni jew oħra, ma tibqax tidher, kemm titla’ fil-wiċċ dik l-imġieba fejqana li tkun għaddiet lil ħaddieħor! L-istess bħal meta jmut xi ħadd li, ħlief ġid ma jkunx għamel. U wara, ma’ kull min tiltaqa’, arah isemmilek il-ġid li jkun għamel miegħu u magħha. Bħalissa jiġini l-eżempju mqaxxar ta’ ħija Patri Joe Saliba OFM Cap. Kemm ħabbhom lin-nies Joe!

Fil-bidu ta’ din is-sena l-ġdida Papa Franġisku, sewwasew fil-ħamsin Jum Dinji tal-Paċi, qed jagħtina messaġġ mill-aktar sabiħ. Messaġġ li, fil-kontenut tiegħu, huwa attwalissimu! Dan il-messaġġ jitħaddet dwar in-nonvjolenza. Hija rejaltà li f’pajjiżna għandna numru ta’ nies li, minħabba għadd ta’ raġunijiet, huma persuni irrabbjati bil-kbir. Ma tistax tkellimhom l-għaliex iqattgħuk. Xhieda ta’ dan li qed ngħid hija l-imġieba fit-toroq ta’ uħud mix-xuffiera. Minix le qed ngħid għal dawk li jkunu mgħaġġlin u jippanikjaw. Lanqas għal dawk li jkollhom xi ħaġa li qed tinkwetahom. Mill-ewwel qed neskludiehom ħa nolqot il-musmar fuq rasu. Qed nitħaddet għal dawk li huma irrabbjati. U, il-mod tas-sewqan perikoluż tagħhom, qed jipperikola l-ħajjithom u dik ta’ ħaddieħor. Għax għadhom imwaħħla fir-rabja.

Ir-rabja hija vjolenza per eċċellenti. Wieħed jista’ ikun irrabbjat bl-għażla tal-kliem li mbagħd ilissen u bl-intensità ta’ kif jgħidu. Barra minhekk wieħed ikun irrabjat ukoll anki bil-mod kif jaġixxi, speċjalment bil-ġesti li jagħmel. Ġieli wieħed juri li huwa mifqugħ bir-rabja l-għaliex jagħżel tip ta’ skiet li, minflok iġib il-paċi, aktar ibaqbaq it-tensjoni.

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa Franġisku jgħid, ċar u tond, li “jekk il-vjolenza għandha, bħala għajn tagħha, il-qalb umana, allura huwa fundamentali li nonvjolenza tista tiġi ipprattikata fil-familji”. Fl-istess messaġġ Papa Bergoglio issokta jgħid li “l-familja hija l-post indispensabbli li fih il-miżżewġin, il-ġenituri u t-tfal, l-aħwa subjien u bniet, jitgħallmu jikkomunikaw u juru attenzjoni ġeneruża għal xulxin”. Fil-familja iseħħu “n-nuqqas ta’ qbil u anki l-konflitti”. Biss, dawn “għandhom jiġu riżolti mhux bil-forza iżda bid-djalogu, bir-rispett, bil-kura għall-ġid tal-ieħor, bil-ħniena u bil-maħfra. Mill-familji l-hena tal-imħabba tfur fid-dinja u iddawwal lis-soċjetà kollha” (nru. 5).

Kemm hu mportanti li, f’dan l-Ewwel Jum tas-Sena 2017, nerġgħu naqbdu t-triq tad-djalogu, tar-rispett, tal-kura għall-ġid ta’ ħaddieħor, tal-ħniena u tal-maħfra! Għall-grazzja ta’ Alla, meta ikkumparati ma’ pajjiżi oħra, dan il-pajjiż, taħt kull gvern, żviluppa, kiber u tkattar fil-ġid. Iżda, minkejja daqshekk ġid li kkawistajnieh tul is-snin, illum għadek issib ħafna nies imdejqin. Imħassbin. U t-tbissima ilha li tbegħdet minn fuq fommhom. Għaliex dan? Meta għandna tant affarijiet ta’ xiex għandna nkunu grati lejn il-Mulej għalihom?

Ejjew immorru lura għall-valuri sbieħ ta’ missirijietna. Ejjew nerġgħu ndaħħlu r-rispett lejn l-awtorità, aktar u aktar fil-familja. Għar-rispett li jagħmel il-familja mhux lukanda iżda dar fejn l-imħabba tista’ tinqasam u tingħex! Ejjew nerġgħu lura għad-djalogu. Kemm ilna ma nużawha l-mejda tal-Kċina biex nieħdu dik in-naqra tè jew kafè flimkien? Fejn nirrakkuntaw ftit minn xiex ngħaddu? Imbagħad naraw il-bżonnijiet ta’ min għandu bżonn l-għajnuna. Anki tal-ġirien! U ta’ nies oħra!
U x’hemm isbaħ milli nibdew paġna ġdida u ninsew id-diżgwit li kien hemm bejnietna! Ejjew naħfru u ninsew ħbieb! Bħalma jagħmel il-Mulej magħna meta nduru lejH! U bilħaqq, ejjew nerġgħu ndaħħlu t-talba tar-Rużarju fil-familja tagħna, it-talba tal-Paċi! Għaliex, b’Marija fid-dar, ħajjitna tkun bil-wisq aħjar!

Illum, fl-Ewwel Jum tas-Sena, agħti Kuruna tar-Rużarju lil membri tal-familja tiegħek. F’xi ħin inġabru u itolbu r-Rużarju flimkien!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: