Il-ħajja sabiħa


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-ħajja sabiħa. Żgur li qed tiftakar fil-film komiku ta’ Roberto Begnigni! X’film dak hux! Meta, f’daqstant tbatija u ħruxija, ir-reġista seħħlu joħroġ karattru daqshekk divertenti!

Il-ħajja sabiħa. Mhux għal Benigni biss. Imma anki għalik u għalija. Tant hu hekk li, dan l-aħħar, il-Mulej tani l-grazzja li noħroġ dan il-ktieb. Li proprju jġib it-titlu tal-film ta’ Begnigni. Kollox sew! Il-ħajja hi sabiħa. Imma l-għaliex hi hekk? Bħalissa qed jiġi quddiem għajnejja qawl li, għalkemm ma jinstabx fil-Vanġeli, xorta waħda ġiet attribwit lil Ġesù. Almenu fiċ-ċirku tal-ewwel Insara. Mela f’dan l-agraphon jew aħjar qawl mhux miktub ta’ Ġesù, insibu hekk: “Erfgħu l-ġebla u issibuni; aqsmu fi tnejn biċċa injama u jien qiegħed hemm”.

Bl-istess mod nistieden bil-qalb kollha lil dawk li se jaqraw dan il-ktieb. Aqbdu kull kapitlu u aqsmuh biċċa biċċa. U xi ssibu fih? Li l-ħajja hi sabiħa! Mela, jekk qed inwaħwaħ bis-seqi ngħidlek, … il-ħajja sabiħa! Anki jekk qbadt lili nnifsi nparla fil-vojt, u forsi nħarref ukoll. Ħa nerġa’ ngħidlek … il-ħajja sabiħa! Anki f’esperjenzi ta’ qsim il-qalb, bħalma kienet dik tal-Papa Benedittu XVI li kellu jħalli Ruma mat-tmienja bum, ngħidlek … il-ħajja sabiħa! Imbagħad, meta darba qaddist u kelli miegħi orkestra orkestrun, u, bir-raġun kollu, ħsibtni qiegħed fil-Kappella Sistina, (ħallieha li kont qed indur hawn bejn dawn iż-żewġ toqbiet), ngħidlek iva ħabib, … il-ħajja sabiħa!

Imma x’jagħmilha sabiħa l-ħajja? L-esperjenzi? In-nies? L-opportunitajiet? Ħa nibda’ minn tal-aħħar. Kemm opportunijiet ċaħħduli! Mela ma naħsibx li l-ħajja hi sabiħa għalhekk. Forsi illum nitħaddet hekk l-għaliex ma ħallewx il-ħolm tiegħi jissarraf f’rejaltà. Imbagħad x’jagħmel il-ħajja sabiħa? L-esperjenzi? Xtaqt li kelli esperjenzi ta’ dawk li jkunu fuq il-gverta. Imma ħej posti kien fl-istiva! Inkella n-nies? Anki hawn! Ġieli iltqajt ma’ nies li aktar urewni l-abbissi milli s-sbuħija tas-sema. Allura x’nagħmel?

U hawn huwa s-sabiħ! L-insara Orjentali għandhom prinċipju li lili tant jagħmilli ġid! L-għaliex, dan il-prinċipju, jiftaħli s-sema letteralement quddiemi! Anki fl-eħrex kamp ta’ konċentrament ta’ mentalità tal-waħ waħ waħx! Il-kunċett jismu hesychia, jiġifieri s-skiet tas-skiet tal-qalb. Din il-biċċa xogħol tfakkarni f’dak li kien iħobb jgħid it-teologu Daniż Søren Kierkegaard: “Li kieku kont tabib u kont niġi mistoqsi biex nagħti parir, jien kont inwieġeb: ‘Oħloq is-skiet’.”

Fis-skiet ta’ qalbi nara iva kemm hi sabiħa l-ħajja! L-għaliex hemmhekk, għas-sħana, u għas-sigurtà ta’ Kristu, nista’ nfaqqa’ daħka wara l-oħra! Id-daħka li meta naħseb li naf ħafna proprju niżloq fin-niexef. U meta naħseb li ma naf xejn arani nidħol f’misteri kbar ħafna. Anki jekk m’għandix lenti ħoxna! Is-skiet tal-qalb jgħallimni li, f’kull ċirkustanza ta’ ħajti, hemm mużika sabiħa. Mużika li tinstab lesta. Kemm jien nidħol fiha online. Kollox sew, il-ħajja għandha l-password ukoll. Inkella nibqa’ offline. U x’inhi din l-imbierka password tal-ħajja? Mhux qalb miftuħa? Jekk issa trid il-kanzunetta ħa nagħtik dik li interpretat Mary Spiteri Tfajjel ċkejken. Xi kliem smewwi ktibtilna fiha għażiż Ray Mahoney!

Il-ħajja sabiħa. Għax f’kull esperjenza hemm għażla ta’ x’wieħed jista’ jagħmel b’ħajtu. Jibki xortih. Inkella jibki fil-ferħ għal kull ħaġa sabiħa li tiġrilu. Jista’ jifqa’ kullimkien bit-tgergir. Jew tih ifaħħar lil dak u lill-ieħor. Għal min ilsienu jiġri bih dan hu laqiżmu. U, għal min hu paljazza ta’ moħħu, dan hu ġenn ukoll. Imma, għal min għaraf il-ħajja x’inhi, dan hu eżerċizzju ta’ rtubija tal-qalb. U tgħid, illum, f’Malta tal-2017, għandna bżonn irattbu qalbna? Inħalli lilek twieġeb.

Ħa nieqaf hawn. U nistiednek li tieħu int f’idejk dan il-ktieb. Li l-qoxra tiegħu saret minn Joanna Karbowniczek, tfajla orfni. U l-istampatur, sayitmalta.com, huma ħanut tal-kummerċ ġust li permezz tal-qliegħ li jsir il-membri tal-organizzazzjoni jagħmlu proġetti fost iż-żgħażagħ Maltin u jibnu wkoll skejjel f’pajjiżi oħra biex aktar tfal jkunu jistgħu jitgħallmu u jgħinu l-pajjiżhom jimxi ‘l quddiem.

Meta tixtri kopja ta’ Il-ħajja sabiħa tkun qed tgħin dan l-għan nobbli. Allura x’hemm isbaħ meta l-ħajja tingħata b’għajnuna lill-foqra? Akkwista int ukoll kopja ta’ dan il-ktieb. Anki online. Inkella ċempel fuq 27131060 biex tordnah. Ħalli ħajtek tkun sabiħa! Għax mogħtija għall-batut!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: