Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-ħajja: sabiħa!

Il-ħajja: sabiħa!


Patri Mario Attard OFM Cap

“Il-ħajja!” Kemm-il darba taqbiżli din il-kelma-frażi minn fommi! U fejn naf kemm! Lanqas ngħoddhom id-drabi m’għandi l-ħila! Li naf hu li s-sitwazzjonijiet fejn din il-kelma ngħidha huma mlewna bħall-isbaħ qawsalla li toħroġ fuq il-pajsaġġ sabiħ t’artna wara xi ħalba xita żul minn hemm!

Ġieli jiġuni mumenti fejn din il-frażi tkun sempliċiment karba. Illum nifhem aktar lili nnifsi. Għalhekk nagħżel li ma nikkundannax lili nnifsi aktar meta din il-karba ngħajjtha minn qiegħ qalbi. Ħa togħla iva ‘l fuq ‘il fuq sakemm tasal quddiem it-Tron tat-tronijiet! Jiġuni mumenti fejn il-ħajja tgħajjijni. Għall-ewwel ħsibt li jien biss jiġrili hekk. Iżda meta bdejt nisma’ l-esperjenzi tan-nies ħuti bdejt nintebaħ li anki huma jiġrilhom l-istess! Għax il-ħajja hija bħall-baħar. Li, minn waqt għall-ieħor, jaf jintlaqat minn għadd ta’ rjieħ. U irjieħ ta’ kull tip. U, ma’ kull riħ, arah il-kolp tal-mewġ jibda’ ġej għal fuq l-art. Jaf jiġi bil-mod. Imma, jaf jiġi bis-saħħa ukoll. U kemm jibda’ jħabbat b’qawwietu mal-blat! Ma tazzardax tersaq lejn xatt il-baħar f’dawn il-waqtiet! Tixxarrab għasra! Aħseb u ara mela kemm se tazzarda toqgħod togħla u tinżel maż-żifna tal-mewġ f’nofs ta’ baħar fuq xi biċċa tal-baħar! Hi ta’ liema materjal hi!

Madankollu ma rridx ninstema’ li jien xi profeta tal-mewt. U wisq anqas tal-qerda. L-għaliex, bħalma jiġri fl-istorja tal-baħar, jaf ikollok baħar li jrid jibla’ l-art u mbagħad jaf ir-riħ idur u tispiċċa b’baħar żejt li jpaxxik! Baħar kajman. Li, l-kalma u s-siekta tiegħu, kważi kważi jħajruk biex tibda’ timxi fuqu! Mela anki hawn il-ħajja taf tferraħni wkoll. Taf turini s-sorpriżi sbieħ tagħha. Iva, il-ħajja taf tidħakli, titbissimli u tħeġġiġni ħa nħares lejn il-ġejjieni b’mod sabiħ u xemxi għall-aħħar. U meta jseħħilha tirbaħli u ġġennini għal warrajja? Meta ixennaqni għaliha. Meta fija nibda’ ngħid: “Mulej, nitolbok li tagħtini ħajja twila!”

Kollox ma’ kollox il-ħajja tibqa’ misteru f’żewġ dimensjonijiet. L-ewwel nett fid-dimensjoni ta’ sinjal. Din il-ħajja għandha 24 siegħa u li nsejħulhom jum. U dawn, minn naħa tagħhom, jinqasmu f’sebat ijiem li nsejħuhom ġimgħa u li huma maqsumin imbgħad fi 52 waħda biex flimkien jagħmlu sena. Issa din il-ħajja, daqshekk strutturata, hija sinjal għal dik il-ħajja li ma taqax taħt dawn il-kategoriji ta’ ħin u wisq anqas ta’ spazzju! Il-ħajja ta’ din l-art, li tgħaddi bħall-“ħaxix tar-raba’” (Salm 72:16) tfakkarna li hemm ħajja oħra li ma tintemm qatt. Iva! Hemm ħajja li ma tafx iżjed b’ “taħbit u niket” (Salm 90:10). Anzi, kif tgħidilna l-Kelma ta’ Alla stess, din it-tip ta’ ħajja hija ta’ serħan dejjiemi. Kemm jolqotni dak li jgħid “wieħed mix-Xjuħ” (Apk 7:13) li kien quddiem it-Tron fuq dawk in-nies li kienu “ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf” (Apk 7:13): “Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, u anqas ebda għomma” (Apk 7:16).

Iżda din hija faċċata waħda tal-munita tal-ħajja. Fir-rejaltà teżiżti t-tieni faċċata: il-ħajja hija misteru. U misteru fis-sens li ma nafux x’se jiġri. Il-ħajja hija ħajja l-għaliex hija mgħarrqa fl-oċejan tas-sorpriżi. Jista’ jinqala’ minn kollox. Mela, għandna kemm għandna kontroll fuq il-ħajja iżda, fil-verità, m’għandna l-ebda kontroll assolut. Is-sabiħa hi li l-ġrajjiet jiġrulna meta naħsbu li wasalna x’imkien! Meta iva naħsbu li kollox qiegħed jaħdem skont il-pjan li nkunu fassalna aħna. Mhux ta’ b’xejn mela li nieħu x-xokk. Ix-xokk wieħed jista’ jifhmu tabilħaqq. Għalkemm jipprova jinqata’ minnu kemm jista’. Għax ippjanajna ħaġa u sibna oħra!

Imma ejja issa ma naqgħtux qalbna. Ejja ma naqgħux fid-disperazzjoni li joffrilna, b’wiċċ l-aktar imqit, id-diżappunt. Meta nwessgħu ħarset moħħna, u wisq aktar, dik tal-ispirtu tagħna, il-ħwejjeġ jibdew juru tabilħaqq xorta oħra. Laqagħtni ħafna l-ħsieb li kienet għamlet l-attriċi, il-producer u l-kittieba Amerikana, Joan Rivers, meta qalet: “Ilbieraħ hu storja. Għada huwa misteru. Illum huwa don ta’ Alla. Għalhekk insejħulu l-preżent”.

Dan il-ħsieb daħħalni aktar biex napprezza bil-kbir il-fatt li l-ħajja hija, fir-rejaltà, dan il-preżent imtawwal fiż-żmien. Dan il-preżent li, kif sostniet Joan Rivers, huwa don ta’ Alla. Personalment nemmen li l-ħajja hija don u qatt problema. L-għaliex il-ħajja, f’ċertu sens, ma tistax tiġi ikkontrollata. La ġejja minn Dak li “tisma’ ħossu imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer” (Ġw 3:8), Dak li aħna nsejħulu l-Ispirtu s-Santu, li hu Alla, Dak “li jagħti l-ħajja”, allura l-ħajja tibqa’ don kontinwu ta’ Alla.

Hija din l-għamla ta’ viżjoni dwar il-ħajja li tagħha jiena nħossni vjaġġatur. Ħajja imsejsa fuq is-sorpriżi, ir-riskji, l-għajnuniet, il-fejqan, u, fuq kollox, il-barkiet bla ma jaqtgħu u li neżlin bħax-xita fuqi u fuqek mill-Mulej, li fiha jiena nħossni nterraq lejl u nhar. U l-ideja stess li jiena vjaġġatur, bħalma tgħallimni l-Ittra lil Lhud li tfakkarni li mawrieti f’din id-dinja hija bħal dik ta’ barrani (ara Lhud 11:13), tħeġġiġni biex napprezza dak kollu li ngħaddi minnu f’ħajti. U dan kollu narah u nqisu b’barka! B’direzzjoni! U bi tjubija infinita tal-Mulej!

Ir-rejaltà ta’ vjaġġ tfakkarni li f’ħajti jiena dejjem f’kuntatt man-nies. U nies ta’ kull xorta. Niltaqa’ ma’ bosta nies! L-aktar fl-Isptar Mater Dei! Kulħadd bl-idejat u bil-viżjoni tiegħu dwar il-ħajja. Illum, wara daqstant snin, bil-grazzja qed nitgħallem li dawn l-aħwa huwa l-Mulej li qed jibgħathomli f’ħajti. U jibgħathomli bi skop. Le! Mhux biex jindannawni! U lanqas biex joħolquli l-problemi. In-nies jibgħathomli biex jgħallimni permezz tagħhom. Biex jurini li, wara kollox, jiena nagħmel parti minn familja kbira u sabiħa. Familja li tissejjaħ il-familja umana. Li hija “mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna” (Lq 1:78).

Mument minnhom ħassejt li kien wasal il-waqt li dawn l-esperjenzi, li jsawwru lil ħajti, id-don li l-Mulej tani biex ngħożżu u nħaddmu, jiġu mniżżla fi ktieb. Kien hemm għadd ta’ esperjenzi mxerrda ‘l hawn u ‘l hemm. Niftehmu: kull esperjenza hija ġawhra fiha innifisha. L-għaliex fiha dejjem hemm involuti żewġ persuni kruċjali: il-Ħallieq u l-Feddej. U l-ħlejjaq. Li, f’dan il-każ, huwa jien flimkien ma’ persuni oħra. U magħhom irrid ninkludi l-annimali ukoll tafux! L-għaliex anki huma kienu strumenti f’idejn il-Mulej biex jissokta jinseġ lil ħajti bil-mod kif kien ħejja “sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja” (Efes 1,4). Ix-xewqa li dawn l-esperjenzi jiġu mdamma flimkien, biex ma jintilfux, wasslittni biex noħroġ ktieb bit-titlu Il-ħajja sabiħa. Dan il-ktieb għalhekk huwa l-ġiżirana dehebija li fih hemm miġbura dawn il-ġawhriet.

Mad-daqqa t’għajn lejh wieħed mill-ewwel jaffaxxina ruħu bil-qoxra tiegħu. Din hija xogħol ta’ Joanna Karbowniczek, tfajla Pollakka mingħajr omm u missier. Is-Say it fair trade & printing, li ħadu ħsieb jistampawh, xtaqu jinvolvu f’dan il-ktieb l-aktar żgħażagħ li qiegħdin ibatu. Dan il-fatt nobbli jagħti aktar valur lill-ktieb għaliex ilaħħmu fis-solidarjetà. Fil-fatt, is-Say it huwa ħanut tal-kummerċ ġust li, permezz tal-qliegħ li jagħmel il-membri tal-organizzazzjoni jagħmlu proġetti fost żgħażagħ Maltin u jibnu skejjel f’pajjiżi foqra biex aktar tfal inkunu jistgħu jitgħallmu u jgħinu lil pajjiżhom jimxi ‘l quddiem. Il-qligħ ta’ dan il-ktieb, li jiswa € 5, se jmur għal dan il-għan. Jekk int interessat u interessata takkwista kopja ta’ Il-ħajja sabiħa tista’ tagħmel dan billi ċċempel fuq 27131060. Inkella asal wasla sal-ħanut tas-Say it, 32, Tarxien road, Paola. Tista’ tibgħat email fuq: info@sayitmalta.com inkella żur il-website sayitmalta.com jew Facebook SAY IT

Jalla l-esperjenzi u r-riflessjonijiet li jħaddan fih Il-ħajja sabiħa iservuk ta’ stedina biex int ukoll tagħmel ir-riflessjoni fuq ħajtek. Jalla jgħinuk tara li l-ħajja u, fuq kollox, ħajtek, sabiħa!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: