Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Occidentalis Gratia!

Occidentalis Gratia!


Patri Mario Attard OFM Cap

Is-67 Festival tal-Mużika Taljana ta’ Sanremo, li din is-sena kien immexxi mid-direttur artistiku tal-kompetizzjoni, Carlo Conti, flimkien mal-magħrufa preżentatriċi Maria De Filippi, ra t-trijonf tad-diska ta’ Francesco Gabbani Occidentali’s Karma. Ta’ min jgħid li l-votazzjoni għal din is-sena f’Sanremo kienet taħlita ta’ tlett modi ta’ votazzjoni, jiġifieri il-vot pubbliku (li kien jammonta għal 40 fil-mija), l-vot tal-ġurija tal-esperti (30 fil-mija) u s-sondaġġ demoskopiku, jiġifieri l-opinjoni pubblika (il-bqija tat-30 fil-mija). Min jaf? Forsi dan għad ikun il-mod ta’ votazzjoni għall-Festival tal-Eurovision f’pajjiżna s-sena d-dieħla?

Il-kanzunetta Occidentali’s Karma mill-ewwel għoġbot il-widna. U x-xadin kbir iswed jiżfen madwar Francesco seraq l-attenzjoni ta’ ħafna. Imma x’hemm fil-fond ta’ Occidentali’s Karma?

Aktar milli ninżel fil-fond ta’ dak li qal William Shakespeare, Erich Fromm, l-Alcholocis Anonymous (AA), Eraklitu, Desmond Morris u Karl Marx, aktar jinteressani x’qal Fabio Ilacqua, il-kittieb ta’ Occidentali’s Karma: “Il-kanzunetta tfisser is-sitwazzjoni tan-nies tal-Punent, il-mudelli tagħhom u l-mod ta’ kif jsibu r-refuġju fir-ritwali tar-reliġjonijiet Orjentali għall-komfort. Din hi skuża biex nosservaw kif, aħna l-bnedmin moderni, tassew aħna. Il-bnedmin tal-Punent qiegħdin iduru lejn il-kulturi orjentali bħat-turisti li jmorru f’villaġġ turistiku. Il-kulturi orjentali huma meqjusa bħala ħarba mill-istress. Iżda dawn ir-reliġjonijiet ma ġewx imwielda għalhekk. Din hija s-superfiċjalità ta’ xi ħaġa profonda”.

Kollox sew! Fabio Illacqua u Franceso Gabbani, għandkom raġun! Id-diska tagħkom tfakkarna fil-mentalità tar-reliġjonijiet tas-supermarket. Ħu naqra minn din ir-reliġjon u naqra mill-oħra u kewwes reliġjon li takkomodak. Iżda, u hawn hu l-bużillis, Occidentali’s Karma turina l-problema iżda ma toffrilniex is-soluzzjoni. Iġġennina bil-melodija tagħha imma tħallina mċappsin bil-problema ma’ wiċċna!

Hemm soluzzjoni għal din is-superfiċjalità? Taħsibx li se nieħdok fuq xi pupltu. U lanqas ħa niftaħlek xi ktieb. Lanqas, (u dan qed nagħmlu bi sforz kbir), mhu se niftaħlek il-Ktieb tal-Kotba. Se nistiednek bil-ħlewwa iżżur il-kanzunetta kapolavur li l-pubbliku fl-Italja għoġbu jagħżel bħala t-tieni post. Il-kanzunetta big minn big, Che sia benedetta, kantata minn Fiorella Mannoia. It-test sabiħ tal-kanzunetta, xogħol ta’ Amara u Salvatore Mineo, u b’mużika li ddaħħalna f’riflessjoni kbira tiegħu, tippreżentalna, kif tfisser tajjeb ħafna Fiorella, “innu tal-ħajja”. Iva! Che sia benedetta hija innu lill-ħajja!

Ħa napprezzaw ftit il-ġmiel ta’ dan il-kliem fejqan ta’ din il-kanzunetta: “Żbaljajt ħafna f’ħajti, u min jaf kemm-il darba għad niżbalja … F’din il-waqfa qasira u bla tmiem, kemm-il darba tlabt maħfra u kemm-il darba le … Hija tellieqa li tiddeċiedi d-destinazzjoni tagħha, kemm tifkiriet ħalliet tul it-triq, kemm-il darba qlibt l-hourglass, dan iż-żmien m’hux ramel, iżda ħajtek qed tintemm, qed tintemm. Aħna eternità, aħna passi, aħna stejjer, aħna ulied tal-verità tagħna, U jekk hu veru li hemm Alla hemm fuq li qatt ma jitlaqna għal riħna, ir-rieda tiegħu tkun magħmula issa. F’dan it-traffiku ta’ ħars mingħajr tifsira, f’dak it-tbissim mdallam fit-triq kemm-il darba nikkundannaw din il-ħajja, nittamaw kontra kull tama li diġà fihmnieha, mhux biżżejjed, mhux biżżejjed. Għal dawk li sabu lilhom infushom fil-kuraġġ tagħhom, għal dawk li huma mwielda kull ġurnata u jibdew il-vjaġġ tagħhom mill-ġdid, għal dawk li dejjem baqgħu jissieltu u jissaportu l-uġiegħ, hawn ħadd m’hu differenti, ħadd m’hu aħjar. Għal dawk li tilfu kollox u jkollhom jibdew mill-ġdid, l-għaliex xejn ma jintemm jekk qed tgħix tassew, għal dawk li jinsabu waħedhom mħaddna mis-skiet, għal min jagħti l-imħabba li għandu ġewwa fih”.

Għal dawn in-nies kollha hawn hi l-mediċina li, simbolikament, titkanta tlett darbiet, imma, fir-rejaltà, hija l-mediċina li m’għandhiex tmiem: “Ħa tkun imbierka! Minkejja li tidhrilna bla sens u ikkumplikata, il-ħajja perfetta. Minkejja li tidher inkonsistenti u rasha iebsa, jekk taqa’ tistenniek. Huwa aħna li jeħtieġilna nitgħallmu kif se nħaddnuha magħna sewwa, nħaddnuha magħna sewwa…”

Mhux ta’ b’xejn li l-Kardinal, Gianfranco Ravasi, ikkummenta hekk fi tweet: “Minkejja li tidhrilna bla sens u ikkumplikata, il-ħajja perfetta”. Huwiex dan il-mod, kif għallmittna Fiorella Mannoia, li għandna naraw u ngħixu ħajjitna?

U jekk ħajjitna hija barka, Che sia benedetta, allura ħajti u ħajtek hi Occidentali’s Gratia!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: