Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Ngħid li jien … !

Ngħid li jien … !


Patri Mario Attard OFM Cap

Ma kulħadd ngħid li jien taz-zokkor. Li qalbi nagħtihielek. Li jiena raġel u mara sewwa. Li jien tqatta’ u tiekol minni. Insomma, li jiena raġel u mara umli!

Imma jien aktar nibża’ milli jgħidli l-bniedem u qajla nagħti każ x’jgħidli l-Mulej. U taf kemm inqabbel lili nnifsi ma’ ħaddieħor hux! U kemm infittex li nissallab biex nieħu l-għarfien ta’ dak li nagħmel. Għaliex, imwaħħal sewwa f’moħħi u f’qalbi, għandi l-ideja li rrid nimpressjona lin-nies. U allura aqta’ kemm fija għandi ambizzjonijiet li jwassluni li nagħmel, tista’ tgħid, dak li jiġi għal idejja! Jiena irrid nikkompeti ma’ kulħadd. U lest, u lesta, li nibqa’ għaddej u għaddejja daqs l-aqwa gaffa. Inkella daqs l-aktar romblu b’saħħtu. Basta ngħaffeġ fuq min insib quddiemi!

U kemm inħobb inkun iċ-ċentru tal-attenzjoni! U mela d-dinja mhux madwari iddur x’kull waħda! U x-xemx mhux għalija biss titla’? Inħobb nitħaddet. Imma nitħaddet biss fuqi nnifsi. Inkella, l-aktar li nista’ nasal, hu li nitħaddet fuq persuni jew oġġetti marbutin miegħi. Ara imbagħad biex nitħaddet fuq is-suċċess ta’ ħaddieħor, hemmhekk ma ninqalax. Għax lanqas inħoss li għandi nifraħ b’dak li wettaq ħaddieħor. Inħossni speċjali u superjuri għal kulħadd l-għaliex għandi fuq li għandi. U naħseb li bħali la kien hawn u lanqas għad ikun hawn! Kemm inħobb infaħħar lili nnifsi u nuri x’naf ma’ kulħadd hux! U kemm ngħid bit-tajjeb li nagħmel! U mela jekk nibqa’ sieket u siekta xi ħadd se jfaħħar dak li nagħmel fil-moħbi x’kull waħda tnejn?

Jiena dejjem fis-sewwa. Ma niżbalja qatt! U fil-ħajja nħossni li jixraqli. Għax ħaqqni! Dejjem ħaqqni jien! Xi kultant imma inħossni ngrat u ngrata wkoll. U kemm nibda’ nitħassar lili nnifsi! Jekk inkun naf li int għandek kapaċitajiet bħal tiegħi inkella aħjar minni, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt! Aqta’ kemm ngħir għall-kapaċitajiet tiegħek! Jew għall-pożizzjoni inkella għall-affarijiet li għandek. Ma tantx jien sensittiv u sensittiva għall-ħtiġijiet tal-oħrajn. U, biex tridni ngħidlek, fija hemm tbaqbaq l-attitudni li naf kollox! Kważi kważi nista’ ngħallem lil Dak t’hemm fuq!

Kemm insibha diffiċli li nagħti l-ħin biex nies komuni jiġu u jiftħu qalbhom miegħi. U kemm ninterrompi lin-nies waqt li jkunu qiegħdin jitħaddtu miegħi! Kemm inħossni obbligat u obbligata li nwaqqaf lin-nies kull darba li jibdew jaqsmu xi ħaġa miegħi li diġà naf. Emmnuni li m’għandix sabar nismagħhom! Imbagħad għandi oħra: kemm insibha iebsa li nammettieha meta ma nkunx naf xi ħaġa. U meta nisma’ xi kelma ta’ twiddiba nies oħra jiġu f’moħħi! F’ħajti ma nfittix le li nkun ikkoreġut u ikkoreġuta. U nsibha iebsa ġebel biex nammetti li jien żbaljat u żbaljata. L-għaliex, f’moħħi, inqis it-twiddiba bħala indħil fil-privatezza tiegħi. Għax int min int biex lili turini li żbaljajt? X’setgħa għandek fuqi? Min tahielek din? Għalhekk kif nista’ qatt nara t-twiddiba bħala strument tal-Mulej f’ħajti għall-ġid tiegħi? Jiena ma nġerrahx nies li jippruvaw jiftħuli għajnejja. U meta niġi mwiddeb u mwiddba minn ħalqi aqta’ kemm joħroġ paroli kontriehom! U, għal kull kelma li tgħidli, ngħidlek muntanja kliem. L-għaliex nibda’ nħossni irrabjat u irrabjata. Jekk mhux ukoll offiż u offiża.

Jiena għandi konflitti ta’ personalità ma’ oħrajn. U, jiġri fil-vini tiegħi, għandi bħal allerġija għal min ma jaqbilx miegħi. Għalhekk inħoss li nagħmel sewwa li ma nirrispettahomx. Għalfejn? Ilsieni dejjem għaddej. U li jiġi fih ismagħni ngħidu! Kemm inħobb nifred! U, l-għaxqa tiegħi hija li nċekken lil ħaddieħor u nwaqqa’ lin-nies għaċ-ċajt. Inħobb iva nikkritika bl-addoċċ lil min ma jinżillix. Jiena ta’ rasi. Li tgħid rasi, hu x’inhu, irrid nagħmlu! Jiena ma nitħallatx u ma rrid nimpenja ruħi f’xejn. U lanqas inħossni li għandi nkun responsabbli jew ubbidjenti lejn xi awtorità.

Ħija, oħti, x’tgħidlu int dan ir-raġunament jekk mhux dak ta’ bniedem supperv u supperva? L-umiltà jgħidlek biha ħaddieħor. Mhux ħa tiddikkjaraha int fuqek innifsek! U mela ħallik mis-suppervja u ibda’ fejjaq ħajtek billi taġixxi eżattament il-kontra ta’ dak li qed taħseb u tagħmel bħalissa!

U ħallik milli tgħid x’int! Dak jgħidulek il-Mulej!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: