Ir-raġel li jħares ‘l isfel

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Ġieli ninzertah. Meta nkun qed inqaddes. Insomma, fejn f’dak il-jum jiftagħni r-Riħ Divin. U meta, bis-serqa, għajnejja tmur fuqu, arah li dritt jitfagħni nogħdos f’oċejan fond tar-riflessjoni. Għax tassew: kemm jolqotni! Ah xi tberika hija s-serqa t’għajnejja li taqlagħni mill-Maqdes tal-imqaddes biex terġa’ imbagħad titfagħni seba’ darbiet aktar ‘l isfel fit-triq tas-sliem. Għax kull darba li nħares lejh, anki jekk għal xrara waħda ta’ ħin, dejjem insibu jħares l’isfel.

L’isfel! Li, fit-tradizzjoni għażiża tiegħi Nisranija, ifakkarna f’hemm isfel. Hemm taħt. Li l-pitturi u s-santi li juru lill-imqaddes Mikiel fuq dak l-ikrah, sewwasew mal-qagħad ta’ dan l-ikrah hemm bokka. U minnha ħiereġ in-nar. U, sintendi, il-ħruq. It-Tbatija hemm isfel hija mill-eħrex. Kemm nitolbuh bil-ħerqa lill-Mulej biex jeħlisna minn hemm isfel hux! Mela x’hemm hemm isfel? X’hemm taħt biex għandna nibżgħu daqshekk minnu? X’hemm li jġagħlna tant naħarbu niġru, ‘il bogħod ‘il bogħod minnu? Hemm isfel huwa l-post tal-kastig. Tax-xebgħa li ma tintemm qatt. Tal-għejra li qatt ma tiġi mitmuma. Tal-mibegħda li dejjem għaddejja fil-kaldarun li taħtu hemm nar bati. Tax-xilja li ma tridx taf bi sliem. Insomma, hemm isfel hemm it-tkomplija dejjiema ta’ dak kollu li hu ħażin u ta’ ħsara eterna għalija u għalik. Iva! Dak kollu qiegħed hemm. U iddestinat biex jibqa’ jbati għal dejjem! L-għaliex b’fidwa ma jridx jaf b’xejn!

U min qallek li min iħares l’ isfel m’għandux hu wkoll it-tbatijiet tiegħu? U ma jġorrx fuq spallejh it-toqol li qed jħassar lil saħħtu bil-mod il-mod? Jista’ ikun li qed jerfa’ dan il-piż tal-biża’ minħabba l-imgħoddi iebes li għadda minnu. Jew inkella qed jitgħawweġ ganġ bl-uġiegħ minħabba l-ikkankrar f’qalbu li għandu minħabba xi inġustizzja li bata tant snin ilu. U li l-uġiegħ tagħha seraqlu l-ferħ ta’ ħajtu. Inkella, u ħa ngħidha li ġejna għaliha, xi weġgħa mill-kbar nett li proprju ma stennieha qatt f’mitt sena. U din il-weġgħa, minn tant nies, kellha tmiss lilu. Issa ejja inkunu irġiel u nisa ħbieb: Mingħand min taħsbu li ġiet din l-inġustizzja? Proprju mingħand min qatt ma kien jobsorha minnu, minnha jew minnhom. L-istess bħalma jgħid is-Salmista: “M’huwiex xi għadu dak li jċanfarni; li kien hekk, kont nissaporti. M’hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; li kien hekk, kont ninħeba minnu. Imma int, wieħed bħali, sieħbi u ħabib tal-qalb, li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta’ Alla” (Salm 55:13-15).

Għalhekk mela hemm il-karba tal-weġgħa! U s-skiet tiegħu huwa għajta kbira u kontinwa. L-għaliex, dak is-skiet, imżewweġ mal-ħarsa l’isfel, huwa l-għajta kontinwa tal-weġgħa li sarietlu.

Imma din mhux l-istorja kollha tafux. L-għaliex bniedem jaf iħares ‘l isfel minħabba li hu stess ikun qed ifittex it-tweġiba l-kbira għalih nnifsu. Jaħseb li waħdu għad isib dik it-tweġiba li se ddaħħlu fil-ġenna tal-art. Fl-uġiegħ tiegħu, aktar u aktar issa li l-ħajja ittradietu daqshekk bl-aħrax, jibda’ jaħseb li t-tweġiba se jsibha waħdu. Fih innisfu. Maqtugħ minn kulħadd. F’dan il-post żgur fejn ħoloq moħħu għajjien mill-kundanni ta’ dawk ta’ madwaru. Allura jirtira aktar ‘il ġewwa, fil-bokka ta’ bla tmiem tal-għar tiegħu nnifsu, b’ħarstu ingastata mal-art, biex bħal juri li, almenu, l-art li jimxi fuqha mhux ħa tkun hi li tittradieh.

Bil-mod! Ejja ma ngħaġġlux! L-għaliex anki dik l-art, sabiħa kemm hi sabiħa, pavimentata kemm trid, hija wkoll il-post li fuqha jirfsu l-Bruti u l-Ġudiet tallum. F’kelma waħda dawk stess li, bi kliemhom jew għemilhom, ġagħluh u tefgħuh jħares l’ isfel. Ma nafx. Abbli dan huwa ħsieb tiegħi biss. Iżda fil-ħajja liema wieħed u waħda minna jista’ jmur quddiem it-Tron ta’ Dak li jista’ kollox u jgħidlu li hu jew hi qatt ma għamel il-parti ta’ Ġuda? Imqar għal waqt wieħed biss? Li qatt ma qabad b’idejh is-sejf tal-kelma jew tal-kitba biex bih jinfed bla ħniena ta’ xejn lil xi ħadd? Lil dak ix-xi ħadd li, wara li jkun qala’ d-daqqa tal-istallett, jitniehed mistagħeb u kollu demm għal dak li jkun qed ibati f’dak il-waqt: “Anki int?” “Iva int ukoll?”

L-int u l-int ukoll ifakkruna li aħna, quddiem il-Mulej, ilkoll għandna bżonn il-ħniena. Veru li, f’xi sitwazzjonijiet, forsi ħafna drabi, u jalla hekk ikun, konna l-vittma. Iżda ma jkunx sewwa jekk naqbdu u nwaħħluha f’rasna, hekk, bla kont, li aħna dejjem it-tajba. Li ħaddieħor m’għandux raġun. U li ħaddieħor kien dejjem il-kattiv magħna. Anki aħna, nerġa’ ngħid, anki jekk għall-waqt wieħed biss, ilbisna s-sejf ta’ Brutu. Ħriġnieħ minn għantu. U bih drabna. U forsi qtilna wkoll.

Għalhekk, la kif jgħid il-Malti, “staqsi lill-imġarrab”, illum nistgħu nifhmu ftit lil dawk li jħarsu ‘l isfel. L-għaliex mgħobbijjin. Imtaqqlin… Is-soċjetà tagħna hija fi ħtieġa kbira, irrid ngħid f’SOS li m’għandux waqfien, biex noffru ħarsa ta’ ħniena lejn min iħares ‘l isfel. Lejn min iħossu t-tellief f’din il-ħajja. Minkejja daqshekk avvanzi li saru u jsiru fostna numru sew minna jħossuhom imkissrin. L-għaliex iħossuhom li kollox ġej kontra tagħhom.

Jien, li l-Mulej tani l-grazzja li nisma’ tant stejjer, wara li persuna tgħidli minn xiex qed tgħaddi tiġini fuq fommi l-mistoqsija: “Imma l-għaliex din il-persuna qed jiġrilha hekk?” U dlonk, ix-xbieha tas-surfing dlonk tiġini quddiem wiċċi.

Uħud minna jaħsbu li fil-ħajja huma msejħa biex jikkontrollaw il-mewġa. Bħala ideja hija WOW! Mhijiex xi ħaġa brillanti li kieku issir? Iżda, fir-rejaltà, dan mhux possibbli. Fil-fatt, meta jkunu se jaqbdu din il-mewġa x’jiġri? Il-mewġa stess tgħarraqhom! U jien kif nista’ nikkontrolla dak il-kolp bla ma jaqta’ ta’ mwieġ li kważi jilħqu s-sema? Kif nista’ nwaqqafhom waħdi? Sulu? Sula? Mela għaliex jaħarsra qed nippoża li se nrażżanhom jien? Għalfejn qed nitfettaħ biex, bħallikieku, nagħti l-impressjoni li jien għandi s-soluzzjoni ta’ kollox? Taf x’naf ingħid li meta ippruvajt nilgħabha tal-hero mill-ewwel sibt il-qiegħ! Allura issa x’ħa nagħmel meta l-mewġa tiġi fuqi b’kemm għandha saħħa?

Isbaħ din! Nitla’ fuq is-surf u hekk nitla’ magħha. Għax jekk iseħħli nagħmel hekk żgur li ma nispiċċax imkaħħal mal-qiegħ minnha. U kif ħa nitla’ magħha? Billi ħarsti nerfagħha ‘l fuq! Bħalma jgħid is-Salm: “Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; mnejn se tiġini l-għajnuna? L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art” (Salm 121:1-2).

U x’inhuma l-effetti tal-ħarsa tiegħi ‘il fuq? Lejn l-għoljiet? Jissokta jfejjaqni b’tagħlimu s-Salm: “Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; ma jongħosx dak li jħarsek. Ara, la jongħos u lanqas jorqod dak li jħares lil Iżrael. Il-Mulej hu dak li jħarsek; il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek. Ma tolqtokx ix-xemx binhar, anqas il-qamar billejl. Iħarsek il-Mulej minn kull deni; hu jħarislek ħajtek. Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem” (Salm 121:3-8).

Mulej, ma rridx inħares ‘l isfel. Li ma mmrux nogħtor, nongħos u norqod. U hekk nidħol ġo xi ħajt. Inkella naqa’ f’xi ħofra. Mulej, dawwar għal fuqi l-ħarsa tiegħek. Imagħad jien, lejk, indawwar għajnejja, nistkenn fik u nieqaf narmi lili nnifsi. Amen.

Grazzi kemm tgħallimni ja raġel li qabel kont tħares ‘l isfel imma issa se tibda’ tħares ‘il fuq!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading