Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Triq li twassal lejn destinazzjoni żgura

Triq li twassal lejn destinazzjoni żgura


Patri Mario Attard OFM Cap

Hekk iddeskrivieh ir-Randan Papa Franġisku fil-messaġġ li ħareġ għar-Randan ta’ din is-sena li daħal fis-seħħ minn nhar l-Erbgħa 1 ta’ Marzu u se jintemm nhar is-Sibt 15 t’April. Fil-messaġġ ta’ din is-sena, li għandu bħala titlu: Il-Kelma hi don. Il-persuna l-oħra hi don, Papa Franġisku jikteb hekk fl-ewwel sentenza tiegħu: “Ir-Randan hu bidu ġdid, triq li twassal lejn destinazzjoni żgura: l-Għid tal-Qawmien, ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt”.

Imma x’inhi din it-Triq żgura li twassal lejn destinazzjoni żgura? U x’inhi din id-destinazzjoni żgura li fuqha qed jitħaddet Papa Bergoglio? Ejjew ngħiduha kif inhi: f’dan il-messaġġ is-Suċċessur ta’ San Pietru mhu jgħid xejn ġdid. Dak li jgħid nafuh diġà. L-għaliex jinsab miktub fil-Kelma ta’ Alla. Barra minhekk dak li qed jgħid hu ħafif biex wieħed jifhmu. Sintendi l-għaliex qed jitħaddet fuq affarijiet prattiċi ħafna li, int u jien, ngħixuhom ta’ kuljum. B’daqshekk imma ma jfissirx li wieħed, dak li qed jitlobna ngħixu l-Papa, jista’ jgħixu b’faċilità. Anzi! Dak li qed jitlob il-Papa huwa impenjattiv waħda sew!

Mela fuqhiex qed jitħaddet? It-Triq m’huwa ħadd għajr Ġesù Kristu nnifsu. Dak Ġesù li, skont il-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew Straodinarju tal-Ħniena, Misericordia Vultus, “hu wiċċ il-ħniena tal-Missier” (nru. 1). La Ġesù hu l-ħniena ippersonifikata ta’ Alla l-Missier għalina bilfors li l-kelma tiegħu hija kelma ta’ ħniena bla ma taqta’. Għax ħniena hemm tiġri fil-vini tiegħu! U Ġesù jagħtina l-parabbola tar-raġel għani u tal-fqajjar Lazzru (ara Lq 16:19-31). Il-Papa jagħżel din il-parabbola biex fuqha isejjes il-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena. Tant u hekk li fil-bidu tiegħu jikteb hekk:

“Fil-bażi ta’ dan kollu hemm il-Kelma ta’ Alla, li f’dan iż-żmien aħna mistiedna nisimgħu u nimmeditaw iktar ta’ spiss. B’mod partikulari, hawn nixtieq nieqaf fuq il-parabbola tar-raġel għani u tal-fqajjar Lazzru (ara Lq 16:19-31). Inħallu tnebbaħna din il-paġna hekk sinifikattiva, li toffrilna l-muftieħ biex nifhmu kif għandna nagħmlu biex nilħqu l-veru hena u l-ħajja ta’ dejjem, billi ssejħilna għal konverżjoni sinċiera”.

F’din il-kwotazzjoni toħroġ ċara x’inhi d-destinazzjoni li int u jien imsejħa li naslu fiha: “l-veru hena u l-ħajja ta’ dejjem”. Imma, biex naslu għall-ħajja ta’ dejjem jeħtieġ li naqbdu t-triq ta’ Ġesù: dik tal-imħabba lejn il-proxxmu tagħna batut. Il-messaġġ tar-Randan għal din is-sena huwa prattikament tħeġġiġa f’din l-arti.

F’din il-parabbola l-fqir għandu isem. Jgħidilna l-Papa: “Ix-xena ssir iżjed drammatika meta tqis li l-fqir jismu Lazzru: isem mimli wegħdiet, li litteralment ifisser ‘Alla jgħin’. Għalhekk dan il-persunaġġ mhuwiex anonimu, għandu karatteristiċi preċiżi ħafna u nilmħu fih individwu li miegħu nistgħu nassoċjaw l-istorja personali tagħna” (nru. 1). Il-foqra veru, u mhux dawk li jilgħabuha ta’ foqra bil-għan li jgħixu minn fuq dahar ħaddieħor, jingħarfu. L-għaliex dgħajfa. Ma jistgħux jinħbew wara xi anonimità. Id-dgħjufija tagħhom turi quddiem kulħadd min huma tabilħaqq.

Imma l-għani huwa anonimu. Jissokta l-Papa: “Dan il-persunaġġ, bil-maqlub tal-fqajjar Lazzru, m’għandux isem, jissejjaħ biss ‘għani’. L-għana tiegħu jidher fil-ħwejjeġ li jilbes, fil-lussu esaġerat. Il-porpra fil-fatt kienet drapp ta’ preġju kbir, iktar mill-fidda u d-deheb, u għalhekk kienet tinżamm biss għad-divinitajiet (ara Ġer 10:9) u għas-slaten (ara Mħ 8:26). L-għażel kien drapp speċjali li jagħti dehra ta’ karattru kważi sagru. Mela l-għana ta’ dan il-bniedem hu bla qies, anki għax jurih ta’ kuljum, b’mod ta’ drawwa: ‘l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar’ (v. 19). Fih wieħed jista’ jilmaħ kważi traġikament il-qerq tad-dnub, li jseħħ fi tliet mumenti wara xulxin: iħobb il-flus, il-vanità u s-suppervja (ara Omelija fil-Quddiesa, 20 ta’ Settembru 2013)” (nru.2). Jekk il-għani hu aljenat fil-għana tiegħu l-għaliex għalih “il-flus, il-vanità u s-suppervja” (nru.2) jiġu qabel il-persuni, bil-fors li mhux se jara lill-persuna li tinħtieġ l-għajnuna tiegħu. Jgħid il-Papa: “F’għajnejn l-għani hu bħal donnu ma jidhirx” (nru. 1).

Imbagħad il-Papa jfisser it-tlett vizzjijiet li jagħmu lil għani bla isem. L-ewwel ir-rebgħa għall-flus. “Jgħidilna l-Appostlu Pawlu li ‘r-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen’ (1 Tim 6:10). Hi l-ewwel raġuni tal-korruzzjoni u għajn ta’ għira, tilwim u suspetti. Il-flus jistgħu jitilgħu fuq rasna, hekk li jsiru idolu aħrax (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 55). Flok ikunu strument għall-qadi tagħna biex nagħmlu l-ġid u nħaddmu s-solidarjetà mal-oħrajn, il-flus jistgħu jjassru kemm lilna u kemm lid-dinja kollha taħt loġika egoistika li ma tħallix wisa’ għall-imħabba u xxekkel is-sliem” (nru.2).

It-tieni għamad tal-għani hu l-vanità. Ifisser Papa Franġisku: “Il-parabbola mbagħad turina li r-regħba tal-għani tagħmlu vanituż. Il-personalità tiegħu jwettaqha fid-dehra minn barra, f’li juri lill-oħrajn sa fejn kapaċi jasal b’li għandu. Imma d-dehra taħbi taħt maskra l-vojt li hemm ġewwa. Ħajtu hi ħabs ta’ dak li jidher minn barra, tad-dimensjoni iżjed superfiċjali u li ttir mar-riħ ta’ din il-ħajja (ara Evangelii gaudium., 62)” (nru. 2).

It-tielet għamad tal-għani hu s-suppervja. Jissokta jfisser il-Papa: “It-tarġa ta’ isfel nett ta’ dan il-livell morali hekk baxx hi s-suppervja. Ir-raġel għani jilbes qisu kien sultan, jipprova jikkopja kif iġib ruħu alla, u jinsa li hu sempliċement bniedem tad-demm u l-laħam. Għall-bniedem li safa korrott mill-ġibda għall-għana ma jeżisti xejn iżjed ħlief il-jien tiegħu, u għalhekk dawk li hemm madwaru ma jidħlux taħt il-ħarsa tiegħu. Il-frott tar-rabta żejda mal-flus għalhekk hu xorta ta’ għama: l-għani ma jarahx lill-fqir imġewwaħ, kollu ġrieħi u mixħut fl-umiljazzjoni tiegħu” (nru. 2).

Il-Kelma ta’ Alla, f’dan ir-Randan, trid twassal lili u lilek għall-aqwa don li jeżiżti: l-imħabba lejn il-proxxmu. L-eżerċizzi li se nisimgħu u t-talb u s-sawm li se nagħmlu, jridu jwassluna biex, kif jgħidilna l-Papa, “nissaffew mid-dnub li jagħmina u naqdu lil Kristu preżenti f’ħutna fil-bżonn” (nru.3). Ir-Randan iħalli l-frott fina meta jgħinna nippromovu “l-kultura tal-laqgħa fi ħdan il-familja waħda tal-bnedmin” u meta “nagħrfu niftħu l-bibien tagħna għad-dgħajjef u għall-fqir” (nru. 3).

Messaġġ il-Papa Franġisku jfakkarni f’dak li kiteb San Girgor Nazjanzenu, f’Diskors XIV, 39-40, meta qal:

“Aqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ u daħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf, u dan għamlu bil-ferħ u bil-ħeġġa, għaliex il-bniedem li jħenn, naqraw, iħenn bil-ferħ, u l-ġid li tagħmel ikun jiswielek id-doppju minħabba l-ħeġġa u l-ħeffa li bih tagħmlu. […] Jekk, mela, tridu tisimgħuni, intom il-qaddejja tal-Mulej, intom l-aħwa u l-werrieta ta’ Kristu, ejjew inżuru ‘l Kristu, sakemm dan nistgħu nagħmluh, ejjew induru bi Kristu, ejjew nitimgħuh, ejjew inlibbsuh, ejjew inxiddulu l-qorq, ejjew nagħtuh ġieħ. […] Nuru ħniena lill-Mulej fil-fqar tiegħu, f’dawk li jinsabu mixħutin fl-art f’miżerja liema bħalha, biex, meta nħallu din id-dinja, huma jilqgħuna fl-għamara ta’ dejjem fi Kristu Sidna”.

Kemm qed nara lil Kristu fqir f’ħija u f’oħti fil-bżonn? Kemm qed narah fl-imwarrba u fl-imjassra tas-soċjetà Maltija? Kemm jien lest u lesta nagħti, anki b’sagrifiċċju, minn dak li hu meħtieġ jew għażiż għalija? Ejjew inħallu dawn il-mistoqsijiet iwassluna naqbdu t-triq li twassal lejn id-destinazzjoni żgura mhux biss f’dan ir-Randan iżda ukoll tul ħajjitna kollha.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: