Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-konfessinarju mhux ‘dry cleaning’; jeħtieġ nistħu mid-dnub tagħna

Il-konfessinarju mhux ‘dry cleaning’; jeħtieġ nistħu mid-dnub tagħna


It-Tlieta 21 ta’ Marzu 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li l-maħfra hija misteru li diffiċli nifhmuh. Il-Knisja tgħinna nidħlu f’dal-misteru li hu l-opra kbira tal-ħniena t’Alla.

 

L-ewwel pass irid ikun li nistħu minħabba dnubietna, grazzja li ma nistgħux niksbuha waħedna. Jista’ jħossha biss il-poplu t’Alla mnikket u umiljat minħabba ħtijietu, kif jgħidilna l-Profeta Danjel fl-ewwel qari tal-ġurnata. Il-protagonista tal-Vanġelu ta’ dakinhar ma rnexxilux jindem u jistħi.

Kien il-qaddej li, minkejja d-djun kbar li kellu, sidu ħafirhomlu, imma hu ma kellux ħila jaħfer lil min kellu d-dejn miegħu. Ma fehemx il-misteru tal-maħfra, qal il-Papa Franġisku, li żied josserva: Jekk jien nistaqsikom: intom ilkoll midinbin? ‘Iva’, tweġbuni. U biex ikollkom il-maħfra ta’ dnubietkom? ‘Immorru nqerru.’ U kif tmur tqerr?

‘Jien immur, ngħid dnubieti, is-saċerdot jaħfirli, itini tliet Avemarijiet penitenza, u nitlaq lura fil-paċi.’ Int ma fhimt xejn, ikkummenta l-Papa. Int mort fil-konfessinarju qisek mort il-bank tiddepożita l-flus, biex għamilt xi ħaġa formali.

Int ma mortx mistħi minħabba dak li għamilt. Rajt ftit tbajja fil-kuxjenza tiegħek, u żbaljajt għax ħsibt li l-konfessinarju huwa dry cleaning biex ineħħilek it-tbajja. Ma kellekx ħila tistħi minħabba dnubietek.

Għalhekk, minbarra li nħossu l-maħfra, irridu wkoll nistħu li dnibna. Il-maħfra li jtina Alla, il-meravilja li jwettaq f’qalbek, trid tidħol fil-kuxjenza tiegħek, inkella, kompla jispjega Franġisku, toħroġ, tiltaqa’ ma’ ħabib u tibda tqassas fuq dak u fuq l-ieħor u tkompli tidneb. Jien nista’ naħfer biss jekk inħossni maħfur.

Jekk inti m’intix konxju li maħfur, qatt ma tista’ taħfer lil ħaddieħor, qatt. Dejjem tibqa’ b’dak l-atteġġjament li trid tpatti. Il-maħfra hi sħiħa. Imma nistgħu naħfru biss meta aħna nħossu d-dnub tagħna, nistħu minnu, u nitolbu maħfra lil Alla. Inkella ma nistgħux naħfru u lanqas ħila naħfru ma jkollna. Għalhekk il-maħfra hi misteru.

Il-qaddej protagonista tal-Vanġelu, kompla jisħaq il-Papa Franġisku, iħoss fih is-sens li rnexxielu jiżgiċċa, li moħħu jilħaqlu, imma ma fehemx il-ġenerożità ta’ sidu. Kemm-il darba, wara li nitilqu mill-konfessinarju, inħossu dan is-sentiment: ħlistha ħafif? Dan mhux il-mod kif nirċievu l-maħfra, osserva l-Qdusija Tiegħu, imma hi ipokrisija, l-ipokrisija li int ‘sraqt’ il-maħfra, maħfra taparsi.

Ejjew nitolbu l-Mulej il-grazzja li nifhmuha din: ‘sebgħa għal sebgħa u sebgħin darba’. Nitolbu l-grazzja li nħossuna nistħu quddiem Alla. Din hi grazzja kbira. Nistħu minn dnubietna biex nirċievu l-grazzja tal-ġenerożità li nkunu nistgħu nagħtuha lill-oħrajn, għax jekk il-Mulej ħafer lili tant, min jien jien biex ma naħfirx?

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: