Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > L-Arċisqof jkellem lill-awtoritajiet:

L-Arċisqof jkellem lill-awtoritajiet:


Il-Ħadd, 30 ta’ April 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Publiju, fil-Knisja Parrokkjali tal-Floriana.

295691-740xNone“Mhux il-mument li ngergru imma li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà u jwettaqha mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd”

Il-poeta nazzjonali Dun Karm, fl-1933 kiteb sunett sabiħ bħalma kien iħobb jagħmel kull sena u bħalma għamel għal diversi snin. Dun Karm jimmaġina li fuq ix-xtajta ta’gżiritna ltaqgħu tliet personaġġi: Pawlu, Publiju u Ġensna. Hu jgħid hekk:

“Min ħadem fuq l-inwkina tal-imħabba,

il-qalb ta’ Pawlu, l-iljun minn tal-Lhudija,

u fattmu mid-drawwiet li fihom trabba

biex ikunlu qaddej f’art barranija,

ta’ Publiju wkoll il-qalb bil-ħlewwa xabba’,

Publiju, il-ħaruf imnissel fl-art Maltija,

u ’l Ġensna li bi dnewwa qatt ma tttabba’,

għanieh bi tjieba kbira kemm għaqlija.

U meta wasal dak iż-żmien li ħejja

bil-ħsieb tiegħu li bih jaħkem il-ġrajja

biex ma’ dawk li għaddew jinseġ li ġejja,

qajjem taqliba fuq il-gżira tagħna.

Iltaqgħu dawn it-tlieta fuq il-plajja

u nħalef patt u Kristu baqa’ magħna.”

Dan huwa tassew il-jum illi għamel il-Mulej u l-ewwel ħsieb li jiġina meta ntennu s-Salm li l-Knisja tkanta fl-ikbar jum solenni tagħha, Ħadd il-Għid: “Dan huwa l-jum li għamel il-Mulej, ħa nifirħu u nithennew fih, Hallelujah” huwa li aħna qegħdin niċċelebraw l-ewwel nett l-opra ta’ ħniena, ta’ grazzja u ta’ mħabba tal-Mulej.

Fil-ħsieb nobbli u profond ta’ Dun Karm fl-1933 kien il-Mulej li ħejja l-qalb ta’ dawn it-tliet protagonisti li ltaqgħu fuq ix-xtajta ta’ gżiritna. Kien il-Mulej li fuq l-inkwina tal-imħabba ħadem il-qalb ta’ Pawlu, għaliex kien il-Mulej fit-triq ta’ Damasku, lil dan ir-raġel, li kien persekutur, ittrasformah f’appostlu tal-ġnus.

Imma Pawlu kellu qalbu kbira mimlija mħabba għaliex il-Mulej ħadimhielu fuq l-inkwina tal-imħabba. Innutaw il-qari li għadna kemm qrajna mill-Atti tal-Appostli, li qrat il-E.T. il-President tar-Reppublika. Immaġinaw lil Pawlu nawfragu, għasra mill-għawma li kellu jgħum fuq ix-xatt, iterter bil-bard bħall-276 sħabu l-oħrajn, u jieħu ħsieb parti mill-ħuġġieġa li qabdu l-Maltin għal dawn in-nawfragi. Jaqbad xi zkuk u jpoġġihom fin-nar. F’Pawlu naraw bniedem li qed jaħseb għalih innifsu imma qed jaħseb ukoll għall-oħrajn. Il-lifgħa, kif ħasset is-sħana qabdet ma’ idu. Kieku qagħad b’idejh marbuta jistenna li xi ħadd jgħinu, jistenna li l-ħuġġieġa jqabbadha ħaddieħor, ma konniex x’aktarx insiru nafuh malajr daqshekk u kif sirna nafuh. Il-qalb ta’ Pawlu kienet qalb verament maħduma fuq l-inkwina tal-imħabba, imma maħduma mill-Mulej.

Hekk ukoll il-qalb ta’ Publiju. Dun Karm jgħid li qalb Publiju kienet qalb imxebbgħa bil-ħlewwa, mimlija bil-ħlewwa, u għal Publiju għandu din l-espressjoni sabiħa: “il-ħaruf imnissel f’art Maltija”. Jekk Pawlu huwa l-iljun minn tal-Lhudija, Publiju huwa” l-ħaruf imnissel fl-art Maltija.” Kif tkantaw intom, għeżież Furjaniżi, meta ssellmu lil Publiju tgħidulu “Melitae dinja protest” jiġifieri “wirt dehen ta’ Malta”.

Imma Dun Karm ma jitkellimx biss bejn il-laqgħa ta’ Pawlu ma’ Publiju, jitkellem ukoll fuq Ġensna, il-poplu tagħna, il-poplu għażiż tagħna li Dun Karm jgħidlu poplu li “bi dnewwa qatt ma tttabba’”, poplu li qatt ma ttabba’ bil-ħażen, poplu ġenwin, poplu twajjeb. U għalhekk lill‑poplu tagħna, il-Mulej “għanieh bi tjieba kbira kemm għaqlija”. Skont Dun Karm, huwa poplu ta’ tjieba u ta’ għaqal.

Dawn it-tliet protagonisti, Pawlu, Publiju, u Ġensna jiltaqgħu fuq ix-xtajta. Dun Karm jgħid: “jien ħa nirbaħ, Kristu baqa’ magħna”. Id-domanda tiegħi llum, fl-2017, hija li nistaqsi lili nnifsi u lilkom, jekk dan il-kliem għadux jgħodd, jekk dan il-kliem għadux attwali. Inħalef patt, imma Kristu għadu fil-qalb tagħna? Kristu jibqa’ magħna dejjem, “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 29), ma jabbandunaniex, il-kelma tiegħu hija kelma ta’ fedeltà u ta’ verità. Imma titlob risposta. Ir-risposta ta’ missirijietna kienet risposta ġenwina. Kien poplu li jemmen fil-ġustizzja. Meta raw li l-lifgħa qabdet ma’ id Pawlu, qalu: “dan żgur qattiel u l-ġustizzja sabitu hawnhekk ukoll” (ara Atti 28, 4). Imma mbagħad, meta farfar il-lifgħa u wrihom idu mhux mittiefsa, allura fehemu li kien messaġġier divin. Bit-tendenza tradizzjonali tagħna l-Maltin, esaġeraw xi ftit u bdew jaħsbu li kien xi alla.

Messaġġ divin: Publiju fehem il-kobor ta’ dan il-priġunier. Aħna ma rridux ninsew li l-laqgħa fuq ix-xtajta, b’Ġensna bħala xhud, hija bejn il-Protos ta’ din il-gżira, il-ħakem tagħna, dak li kellu f’idejh il-poteri ċivili, u priġunier, wieħed li kien qiegħed fi triqtu lejn proċess quddiem l-imperatur bħala ċittadin Ruman.

Imma l-Protos tagħna, Publiju, jara lil hinn minn nawfragu priġunier; jilmaħ il-verità tal-qalb ta’ Pawlu u jifhem li huwa ħaj minkejja l-gidma tal-lifgħa, bi pjan li huwa aqwa minnu. U għalhekk aħna rridu nbierku l-umiltà ta’ Publiju, li minkejja li quddiem il-pruġinier Pawlu, Publiju għandu s-setgħa, għandu d-dinjità, u għandu l-poter, għaraf it-tjubija ta’ Pawlu. Ma waqafx fuq dak li jidher minn barra, ma tfixkilx mill-fatt li ġie mingħajr ma kien mistieden, ma tfixkilx quddiem il-fatt li kien mhux biss hu nawfragu, imma 275 sħabu li kienu jinkludi ċ-ċenturjun li kienu jkunu l-kaptan tal-bastiment. Imma Publiju ftakar f’missieru li kien marid u talab lil Pawlu jitlob għal missieru. U Pawlu daħal ħdejn missier Publiju u bit-tqegħid qaddis tal-idejn tal-oppostlu tal-ġnus, missier Publiju fieq.

X’ġara wara? Il-morda kollha tal-gżira bdew jersqu lejn Pawlu u l-kelma tal-Mulej tgħidilna: “u hu fejjaqhom” (v. 9). Din il-kelma turi li Pawlu fejjaq lil kulħadd, evidentement lil kull min talab, ma sfurzax ruħu fuq il-ġens tagħna. Fejjaq lil missier Publiju u l-Maltin li kienu bħalma jgħid Dun Karm, imżejnin “bi tjieba kbira kemm għaqlija”, fehmu li dan ir-raġel li ġie f’isem Kristu seta’ jġibilhom il-fejqan.

Publiju jiġi mfakkar u jibqa’ mfakkar għall-ġest ġeneruż li laqa’ 276 persuna għandu għal tliet ijiem. Aħna tiġi persuna waħda d-dar għal tliet ijiem diġà nibdew inħokku rasna. Veru li l-oqsma ta’ qrib Burmarrad, taħt il-Wardija, kienu oqsma kbar u sbieħ. L-arkeoloġija tgħallimna li kien hemm iżjed minn magħsar wieħed taż-żebbuġ, li kien hemm ukoll art li tista’ tkabbar fiha l-qamħ. Din il-villa ta’ Publiju, għaliex id-dar tiegħu kienet l-Imdina, imma l-kbarat kien ikollhom il-villeġġjatura tagħhom imma wkoll il-villa Rumana tagħhom kienet propju fejn jagħsru ż-żebbuġ, ikabbru l-qamħ, kellhom ukoll il-qaddejja tagħhom, u kellhom fejn ukoll jiltaqgħu ħafna nies.

Nimmaġinah jiena lil Pawlu jinxteħet biex jistrieħ fuq xi qiegħa tal-qamħ imbagħad jiġi msejjaħ minn Publiju biex ikun jista’ jgħin lil missieru. Publiju jgħallimna dak li aħna qrajna fl-Ewwel Qari: li l-veru sawm huwa li aħna ninħallu mill-irbit tal-ħażen, li nqaċċtu x-xkiel tal-madmad, li nibagħtu ħielsa lil maħqurin, li naqsmu ħobżna ma’ min hu bil-ġuħ u li daħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf. Hekk għamel Publiju, daħħal f’daru lil dawn l-imsejknin nawfraġi li ma kellhomx saqaf taħt xiex jistrieħu. Li tlibbes lill-għarwien u lin-nies ta’ darek ma tinsihomx.

Għalhekk il-kelma li smajna fl-Ewwel Qari tgħodd ukoll għal Publiju. “Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek u l-glorja tal-Mulej timxi warajk”. Wara kollox, il-Mulej, meta jiġġudikana, dan hu li se jistaqsina: “Kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont il-ħabs u ġejtu ħdejja, kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni”.

Aħna u nistaqsu lilna nfusna: il-qalb tagħna l-Maltin fejn qiegħda? Dak il-patt li nħalef fuq ix-xtajta bejn Pawlu, Publiju u Ġensna, għadu jgħodd? Min-naħa ta’ Alla għadu jgħodd. Alla jibqa’ jnewwel l-idejn qaddisa tiegħu ta’ ħniena, ta’ barka u ta’ tagħlim, imma aħna lesti nilqgħuh? Lesti nimxu wara l-kmandamenti tal-Mulej ? U fuq kollox il-kmandament il-kbir, dak tal-imħabba? “Ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’ġismek kollu, bil-qawwa tiegħek kollha, u lill-għajrek, il-proxxmu tiegħek, bħalek innifsek”.

Il-bieraħ il-Q.T. l-Papa, qabel ma telaq lura lejn Ruma mill-Kajr ġewwa l-Eġittu, sellem f’laqgħa ta’ talb lill-kleru, lir-reliġjużi u lis-seminaristi. U lilna, lilna l-kleru, il-Papa kellimna fuq seba’ tentazzjonijiet. U jiena u naqrahom għidt: “dawn jixirqulna lilna l-qassisin, l-isqfijiet u l-kardinali”, imma huma wkoll seba’ kelmiet li ħerġin mill-qalb ta’ missier bħalma nimmaġina l-qalb ta’ missier Publiju lil uliedu.

Dawn is-seba’ kelmiet ta’ ċanfira ħelwa, ta’ kelma soda li l-Papa Franġisku qal lilna l-kleru, jiena nixtieq naqsamhom mhux biss ma’ ħuti l-kleru, u mas-saċerdoti tad-djoċesi għażiża tagħna, imma wkoll magħkom ħuti l-Insara. U nagħmel hekk b’responsabbiltà kbira quddiem il-President tar-Repubblika.

Ir-ragħaj it‑tajjeb, inkluż l-isqof, għandu d-dmir li jiggwida l-merħla, li jmexxiha lejn mera friska u lejn l-għajn tal-ilma. Ma jistax iħalli l-qtiegħ il-qalb u l-pessimiżmu jkaxkruh magħhom.

Il-Papa jitkellem dwar il-fatt li aħna l-Insara rridu nibqgħu dejjem nies li niżirgħu t-tama, inkunu bennejja ta’ pontijiet u operaturi ta’ djalogu u l-ftehim. “Nixtieq”, jgħid il-Papa, “insemmi xi tentazzjonijiet li ħafna drabi jfixxklu x-xhieda tagħna l-Insara”.

Il-Papa jgħid hekk: “l-ewwel tentazzjoni hija li nħallu min ikaxkarna u ma nkunux aħna li niggwidaw, li nagħtu d-direzzjoni”. Ir-ragħaj it‑tajjeb, inkluż l-isqof, għandu d-dmir li jiggwida l-merħla, li jmexxiha lejn mera friska u lejn l-għajn tal-ilma. Ma jistax iħalli l-qtiegħ il-qalb u l-pessimiżmu jkaxkruh magħhom. X’nista’ nagħmel? Dejjem u mimli b’inizjattivi u bi kreattività, bħal għajn li tibqa’ tgerger imqar fin-nixfa, dejjem għandu dik iż-żerriegħa ta’ faraġ imqar meta qalbu mkissra. Hu Missier meta wliedu jitrattawh bi gratitudni imma fuq kollox meta ma jkunux rikonoxxenti lejh. Il-fedeltà tagħna lejn il-Mulej qatt ma għandha tiddependi mill-gratitudni umana: “Missierek li jara dak li hu fil‑moħbi, irroddulek hu”.

Lill-awtoritajiet ċivili u lil kull min għandu responsabbiltà, waqt li nagħmlilhom kuraġġ, infakkarhom li mhux il-mument li ngergru imma li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu, u jwettaqha mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd.

It-tieni tentazzjoni jgħid il-Papa Franġsiku, huwa li ngergru l-ħin kollu. Din mhux għall-qassisin biss tgħodd. Faċli nakkużaw dejjem lill-oħrajn minħabba fin-nuqqasijiet tas-superjuri, minħabba il-kundizzjonijiet ekkleżjastiċi jew soċjali. Aħna bejnietna jgħidu li l-laqgħat tal-isqfijiet huma fejn jgergru kontra l-qassisin, u l-laqgħat tal-qassisi huma fejn igergru kontra l-isqfijiet. Imma din hija wkoll ir-realtà ta’ kull familja. Il-ġenituri, meta jkunu flimkien, jilmentaw fuq uliedom, u l-ulied, meta jiltaqgħu jiftakru f’xi bawxata tal-ġenituri, mhux hekk hi d-dinja? Imma l-Papa jgħid din hija tentazzjoni li ħajjtina naħluha fit-tgergir. Min dejjem igerger, fir-realtà hu wieħed li ma jridx jaħdem, għalhekk il-Mulej idur fuq ir-ragħajja u jgħidlhom: “erfgħu l-idejn merħija u l-irkobbtejn mitluqa tagħkom”. Jiena lill-awtoritajiet ċivili u lil kull min għandu responsabbiltà, waqt li nagħmlilhom kuraġġ, infakkarhom li mhux il-mument li ngergru imma li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu, u jwettaqha mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd.

L-għana qiegħda fid-diversità u fl-uniċità ta’ kull wieħed u waħda minna. Li noqogħdu nqabblu ruħna ma’ dawk li qegħdin aħjar minna, spiss iwassluna biex naqgħu fil-korla.

It-tentazzjoni l-oħra hija taz-zekzik u tal-għira. U l-Papa jgħid: “u din hi kerha”. Il-periklu serju meta s-saċerdot, jgħid il-Papa, l-ikkonsgrat, flok jgħin liċ-ċkejknin jikbru u jifirħu għas-suċċessi ta’ ħuthom, iħalli l-għira taħkmu u jsir wieħed li jidrob lill-oħrajn biz-zekzik tiegħu. Meta, flok jagħmel sforz biex jikber, jibda jeqred lil dawk li qed jikbru, flok jimxi fuq l-eżempji tajba jiġġudikahom u jipprova jġib fix-xejn il-valur tagħhom. Il-Papa Franġisku jgħid: “il-għira hi kankru li jirvina kull ġisem fi ftit ħin”. Jekk saltna tinqasam fiha nnifisha dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa u jekk familja tinqasam fiha nnifisha dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Fil-‑fatt, u Franġisku enfasizza lbieraħ, “tinsewhiex din” qal: “bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja u z-zekzik hu l-mezz u l‑arma ”.

Ir-raba’ tentazzjoni hija li nqabblu ruħna mal-oħrajn. L-għana qiegħda fid-diversità u fl-uniċità ta’ kull wieħed u waħda minna. Li noqogħdu nqabblu ruħna ma’ dawk li qegħdin aħjar minna, spiss iwassluna biex naqgħu fil-korla. Li nqabblu ruħna ma’ dawk li huma agħar minna, spiss iwassalna biex naqgħu fis-suppervja u fl-għażż. Min dejjem iqabbel lili nnifsu ma’ oħrajn jispiċċa biex jipparalizza ruħu. “Nitgħallmu minn San Pietru u San Pawl”, jgħid il-Papa, “ngħixu d-diversità tal-karattri, tal-kariżmi, tal-fehmiet fis-smigħ, fid-doċilità għall-Ispirtu s-Santu”.

Il-ħames tentazzjoni mis-seba’, hi li nagħmlu bħal tal-Fargħuni: “Imma x’jiġifieri li tagħmilha ta’ Fargħun? Li nwebbsu qalbna u nagħlquha għall-Mulej u għall-ħutna”. Fit-tentazzjoni nħossuna fuq l-oħrajn u għalhekk li fil-vanaglorja nġibuhom tapit taħtna. Li jkollna l-preżunzjoni li rridu min jaqdina flok naqdu aħna, hi tentazzjoni li kienet komuni sa mill-bidu fost id-dixxipli li jgħid l-Evanġelju “fit-triq kienu qagħdu jitħadtu bejniethom fuq min kien l-akbar”. Kontra dan il-velenu li inti tfittex il-poter biex tinqeda inti, u mhux biex taqdi, fl-Evanġelju hemm il-kliem: “jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.

Is-soċjetà hija wkoll komunità fejn it-tbatija ta’ wieħed hija t-tbatija ta’ kulħadd u hekk għandha tkun! Il-ġid ta’ wieħed għandu jkun għall-ġid komuni u mhux għall-interessi personali.

Is-sitt tentazzjoni hija dik tal-individwaliżmu. “Kif jgħid il-qawl magħruf Eġizzjan”, jgħid il-Papa, “ jien u warajja id‑Duluri, x’jimpurtani? L-aqwa li nsalva jien, x’jimpurtani?” Din hija tentazzjoni tal-egoisti li fit-triq jitilfu d-destinazzjoni u flok jaħsbu fl-oħrajn, jaħsbu biss fihom infushom u ma tiġihom ebda mistħija għal dan, anzi jiġġustifikaw ruħhom. Kliem iebes li l-Papa jgħid lilna s-saċerdoti u lill-Insara kollha. Il-Knisja hi komunità tal-fidili, il-ġisem ta’ Kristu fejn is-salvazzjoni ta’ membru hi marbuta mal-qdusija ta’ kulħadd, imma l-individwalista huwa raġuni ta’ skandlu u ta’ tilwim. U jiena ngħid li dal-kliem jgħodd ukoll għas-soċjetà, għax is-soċjetà hija wkoll komunità fejn it-tbatija ta’ wieħed hija t-tbatija ta’ kulħadd u hekk għandha tkun! Il-ġid ta’ wieħed għandu jkun għall-ġid komuni u mhux għall-interessi personali.

Is-seba’ u l-aħħar tentazzjoni hija t-tentazzjoni li nimxu bla boxxla u bla destinazzjoni. Il-Papa jgħid hekk: “l-ikkonsgrat jitlef l-identità tiegħu, jispiċċa biex ikun la laħam u lanqas ħut, jgħix b’qalb maqsuma bejn Alla u l-mondanità, li jitlef l-ewwel imħabba tiegħu, il-vokazzjoni. Fir-realtà bla identità ċara u soda, l-ikkonsagrat jimxi bla orjentament ta’ xejn u flok jiggwida lill-oħrajn, igerrixhom. L-identità tagħkom bħala wlied tal-Knisja hi dik li tkunu” – u jgħid lill-Eġizzjani Kopti – imma ngħidha lill-Maltin, li nkunu Maltin l-ewwel vokazzjoni tagħna jiġifieri li “hi mniżżla sew fl-għeruq nobbli u qodma tagħna”, u li nkunu Kattoliċi, jiġifieri parti mill-Knisja waħda u universali. “Bħal siġra li aktar ma għandha għeruq għan-niżla ’l isfel fl-art” jgħid il-Papa, “iżjed togħla ’l fuq lejn is-sema”.

X’sar minnu dak il-patt? X’boxxla għandna? X’destinazzjoni rridu nieħdu? Il-profitt akkost ta’ kollox? Il-qerda tal-ambjent akkost ta’ kollox biex ikun hemm ftit pampaluni jkomplu jibnu u jixxaħxu bil-miljuni? Din hija d-destinazzjoni tagħna?

U jiena nistaqsi lill-poplu Malti, l-istess mistoqsija li biha bdejt: dak il-patt li nħalef fuq ix-xtut tagħna, li kultant jitniġġżu – ħa ngħidha – minħabba l-egoiżmu tagħna u n-nuqqas ta’ responsabbiltà tagħna, dawk ix-xtut li qed inħammġuhom, dawk ix-xtut li suppost jagħtu xogħol fl-industrija tat-turiżmu u qed neqirduhom għall-miljuni tal-ftit. Fuq dawk ix-xtut – mhux fl-ajru – fuq dawk ix-xtut iltaqgħu Publiju u Pawlu u Ġensna u nħalef patt, imma x’sar minnu dak il-patt? X’boxxla għandna? X’destinazzjoni rridu nieħdu? Il-profitt akkost ta’ kollox? Il-qerda tal-ambjent akkost ta’ kollox biex ikun hemm ftit pampaluni jkomplu jibnu u jixxaħxu bil-miljuni? Din hija d-destinazzjoni tagħna?

San Publiju jinterċedi għalina biex aħna jkollna d-dawl u l-għaqal għax inkella bħalma jgħid il-Papa, “jekk aħna nitilfu l-boxxla, jekk aħna ma nibqgħux nemmnu fil-kmandamenti tal-Mulej, allura se nitkissru, se nkissru lilna nfusna u lil xulxin”. Min ħadem fuq l-inwkina tal-imħabba, il-qalb ta’ Pawlu, l-iljun minn tal-Lhudija, u fatmu mid-drawwiet li fihom trabba biex ikunlu qaddej f’art barranija, ta’ Publiju wkoll il-qalb bil-ħlewwa xabba’. Publiju, “il-ħaruf imnissel fl-art Maltija” u “’l Ġensna li bi dnewwa qatt ma tkabbar għani fi tjieba kbira, kenn għaqlija”. U meta wasal dak iż-żmien li ħejja fil-ħsieb tiegħu li bih jaħkem il-ġrajja biex ma dawk li għaddew, jinżeġ li ġej, qajjem taqliba fuq il-gżira tagħna. Iltaqgħu dawn it-tlieta fuq il-plajja u nħalef patt u Kristu baqa’ magħna. Ibqa’ magħna, int li f’artna sibt qalb kbira li laqgħatek għax il-Protos tagħna kien bniedem ta’ ħniena u ta’ ħlewwa, agħtina l-grazzja li tibqa’ magħna.

Viva San Publiju!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: