Dak xogħol!


Għada, l-1 ta’ Mejju, Jum il-Ħaddiem. Kollox sew! Imma issa aqtagħli kurżità, Sur Patri: min hu EŻATTAMENT il-ħaddiem? Min hi PREĊIŻAMENT il-ħaddiema? Hawn xi kategorija speċjali ta’ min hu ħaddiem u ta’ min hi ħaddiema? U, la issa ġejna għad-diskors, jeżiżtu fil-verità kategoriji li ma jaqgħux taħt l-isem jew is-sura ta’ ħaddiema? U ħaddiema?

Ma nafx imma ara taħsibiex bħali. Mela xi ġimgħat ilu xi wħud rawni għaddej. U tawni karta. Ma naħsibx li din kienet xi manifest politiku tafux! Imma ħej din l-imbierka karta kien fiha naqra waħda x’tifhem. Issa wara li flejtha mhux ħażin wasalt għall-konklużjoni li anki max-xogħol hemm marbuta l-għaxar kmandamenti. Mela! Jekk, għalli jista’ ikun ma tafhomx, ismagħhom ġejjin sieħbi:

L-ewwel kmandament: Titwieled għajjien u tmut mistrieħ. Tajjeb eh! Imbagħad, it-tieni kmandament hu dan: Ħobb is-sodda bħalek innifsek. Għax fiha x-xaħxiħ! It-tielet kmandament: Strieħ matul il-ġurnata biex torqod bil-lejl. Ħeqq! Trid tħejji naqra ruħek qabel torqod x’kull waħda! Ir-raba’ kmandament: Jekk tara lil xi ħadd jistrieħ għinu. U mela int għandek qalb tħallieh waħdu miskin! Il-ħames kmandament: Ix-xogħol hu ta’ strapazz, għamel taħtek xi ħaġa ratba. Eh ħija! Xejn ma ngħidlek, ibża’ għal dahrek! Is-sitt kmandament: Tagħmilx xi ħaġa llum li tista’ tagħmel għada. U, fuq kollox, għada min rah? Is-seba’ kmandament: Għamel l-inqas li tista’ u dak li għandek tagħmel għid lil xi ħadd ieħor jagħmlu. Ħeqq! Xejn xejn tikber fl-arti tad-delega! It-tmien kmandament: Bil-għażż qatt ma miet ħadd. Mela għar-raqda! Id-disa’ kmandament: Jekk tiġik ix-xewqa li taħdem, poġġi bilqiegħda u stennieha tgħaddilek. U ħalli lil dawk jitbagħlu! Jekk huma ħmir? U l-għaxar kmandament: Ix-xogħol salmura tal-ġisem. L-għażż balzmu tal-Madalena. Uuu! Għax l-għażż jiftħek għax-xinxilli u l-umpappa!

Hawn min jgħix b’dawn il-kmandamenti tafux! Hawn min jaħlef bihom! U hawn min jara x’jagħmel basta jadottahom f’ħajtu. Daqskemm hu skrupluż u skrupluża għalihom. Imma ħej dan it-tip ta’ skruplu tgħidx kemm iġiegħel xeba’ nies ibatu bla bżonn minħabba s-sur hu u s-sinjura hi. Mela, la dawn it-tip ta’ kmandamenti jġibu aktar tbatija milli fil-fatt jagħmlu ġid ta’ min jixkanahom ‘il barra minnufih! X’taħsbu? U issa, li xkanajniehom ‘il barra, biex ħa ngħixu? Hemm għaxar kmandamenti oħra li nistgħu nadottaw ħalli naħdmu minn qalbna u nikbru permezz ta’ xogħlna? U mela m’hemmx! Arahom ġejjin sieħbi …

L-ewwel kmandament: Titwieled ma taf xejn u tmut għaref. Għax dak li għandek fik ħaddiemtu! Tak ħamsa u qlajt ħamsa oħra! Imbagħad, it-tieni kmandament hu dan: Aħdem f’jum ix-xogħol u strieħ f’jum il-mistrieħ. Għax anki l-mistrieħ jagħtik il-ħajja! Jgħallmek tgħix f’familja. It-tielet kmandament: Aħdem matul il-ġurnata u illejl orqdu ħa tqum b’saħħtek għal jum xogħol l-għada. Ir-raba’ kmandament: Jekk xi ħadd jitolbok tgħinu xammar il-kmiem u għinu. Bħalma meta int għandek bżonn l-għajnuna tiddejjaq xejn titlobha. Għax kull qalb trid oħra fil-ħajja! Il-ħames kmandament: Ix-xogħol jiftaħlek orizzonti ġodda f’ħajtek. Jagħtik dinjità. Idħollu ħa jkabbrek! Is-sitt kmandament: Dak li tista’ tagħmel illum tħallihx għal għada. Tipprokrastinax! Għax jaf jiddispjaċik bl-ikrah! Is-seba’ kmandament: Agħti sehmek minn qalbek f’xogħlok. L-għaliex ix-xogħol ikabbar fik is-sens qawwi tar-responsabbiltà. It-tmien kmandament: L-għażż ifaqqarlek ħajtek u jiżvujtalek butek. Tgħix qatt bl-għakkarija! Imma għix b’dinjità! Għix bl-għaraq ta’ ġbinek! Id-disa’ kmandament: Jekk tiġik ix-xewqa li taħdem ara kif ħa tlaħħam din ix-xewqa. U hekk tkabbar miegħek lil ħaddieħor. U l-għaxar kmandament: Ix-xogħol salmura tal-ġisem. Imma l-għażż jneħħilek id-dinjità li għandek ta’ bniedem!
Nixtieq infakkar f’dak li kien qal Papa Franġisku meta ltaqa’ ma’ dawk li qiegħdin fid-dinja tax-xogħol matul iż-żjara pastorali tiegħu f’Turin nhar il-Ħadd 21 ta’ Ġunju 2015:

“Ix-xogħol mhuwiex meħtieġ biss għall-ekonomija imma għall-persuna umana wkoll, għad-dinjità tagħha, għaċ-ċittadinanza tagħha u anki għall-inklużjoni soċjali”.

Ejja ma niżolax ruħi fis-soċjetà l-għaliex ġib l’hawn u tieħux l’hemm! Ejja naħdem! U naħdem minn qalbi ħa nkabbar l-ekonomija ta’ pajjiżi, id-dinjità tiegħi, iċ-ċittadinanza tiegħi, li nkun ħaġa waħda ma’ ħuti l-Maltin u l-Għawdxin li jaħdmu għall-ħobżna tagħhom ta’ kuljum, u, fuq kollox, li nkun persuna tabilħaqq!

Dak xogħol!

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: