Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Hekk sew! Tagħmel it-tajjeb u taqla’ fuq wiċċek!

Hekk sew! Tagħmel it-tajjeb u taqla’ fuq wiċċek!


Ġieli narah. Libes l-uniformi. Tixraqlu. Kemm hu smart biha! U meta narah qalbi tingħasar. L-għaliex, bħali u bħalek, għandu storja.

Diffiċli li tagħmel il-ġid u taqlagħha. Għidli! Tkun taf li tajt l-aħjar tiegħek. U xorta issib min igergirlek. Iparlalek fil-vojt! Min isiblek ix-xahra fl-għaġina. Min, anki b’kumment jew daħka sarkastika, iġagħlek tisplodi. U meta tispoldi, minn fuq, tibda’ tħossok ħażin ukoll!

Issa jekk il-predikatur, fi żmien ir-Randan jgħallimni li m’għandix niftaħar b’rixi, u li tagħmel idi l-leminija m’għandiex tkun tafu idi x-xellugija, ħalli jgħid ukoll li m’għandix nitfa’ botti sarkastiċi lanqas! Imma stenna ħej! Ejja ma niġrix! Ġeneralment, min jitfa’ xi botta sarkastika abbli hu wkoll ikun ġie imweġġa’ minn xi ħadd li sploda quddiemu. Mela, jekk inreġġgħu l-arloġġ lura kulħadd dineb Sur Predikatur! Inkluż int li qed taqbad il-ħuta minn denbha. Allura x’se nagħmlu? Tajba din! Kulħadd jgħid flimkien, inkluż int, Sur Predikatur, it-talba li ngħidu fil-bidu tal-quddiesa: “Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti: ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, lill-Anġli u l-Qaddisin kollha, u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.” Ajma! Għall-erwieħ! Xi ġmiel u x’kuntentizza meta kulħadd xorta! Eżatt bħalma tgħid il-Bibbja mela: “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla” (Rum 3:23).

Irridu u ma rridux d-dinja tinfluwenzana bil-bosta. Hawn min tant kemm tinfluwenzah li tħarabatlu l-wires ta’ moħħu. Isimgħu dan il-ħabib, tal-uniformi, x’jgħidli: “Hekk sew! Tagħmel it-tajjeb u taqla’ fuq wiċċek!” Issa meta jgħidli hekk anki lili qed idoqqli l-korda! U korda ta’ taħt iċ-ċintorin! Min jieħu gost li, wara li jkun ħalla l-Mulej jagħmel it-tajjeb bih jew biha, jispiċċa jaqla’ fuq wiċċu? Issa waqt id-diskursata ma’ dan ħabibi (għaliex nieħu gost nitħaddet ma’ kulħadd), il-Mulej għallmini waħda: Irrid nagħmlu differenza bejn AZZJONI u REJAZZJONI!

X’jiġifieri? Meta nagħmel il-ġid qed nagħmel azzjoni. Għaliex, l-Ispirtu s-Santu fija, qed inebbaħni biex nagħmel għemil tajba. Hu x’inhu dan l-għemil. Ħafna jħobbu jsemmuli li jekk jaraw lil xi ħadd bil-ġuħ jitimgħuh. Inkella jagħtuh xi ħaġa tal-flus. Tajjeb! Imma mhux biss! Biex tagħmel opra tal-ħniena m’hemmx bżonn titma’ bl-ikel. Inkella tiżborżja minn ġewwa. Tista’ anki tagħti kelma tajba. Tiftaħ għajnejn xi ħadd. UUU kemm hawn bżonnha din illum, f’soċjetà fejn dak li ngħid jien huwa tajjeb kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen! Meta qed nagħmel is-sewwa jiena bennej tal-imħabba. Mhux dik tas-sodda tafux! Aħna hawn qiegħdin nitħaddtu fuq in-nar u mhux fuq id-duħħan.

Imma meta inpatti bil-ħażin għall-ġid li nirċievi, inkella nivvendika ruħi, jiena żgur li nkun misjuq mix-xitan. Jiġifieri mill-imitator! Jew dak li jħobb jikkoppja. Min jikkopja veru viljakk! L-għaliex mhux oriġinali. Mela, meta nirrejaġixxi, anki għall-ħażin li jkunu għamluli, jiena ninżel fl-istess ħama tagħhom. L-għaliex huma miegħi irrejaġixxew u mhux aġixxew. Mela, il-ħażin armih! Mhux tad-ditta! Ma jiswix flus! Ta’ min jaħarqu! U tibżax għax jinħaraq!

Tistenniex li l-ħażin jinħaraq id-dinja l-oħra. Le! U ara ma jfettillekx taħseb hekk biss. Tifrustrax ruħek għal xejn jaħasra! Il-ħażin jinħaraq minn din id-dinja stess! Ħarislu naqra f’wiċċu. Tgħidlix li l-ħarsa ta’ wiċċu u l-ħabba t’għajnejh huma faqa’ ta? Kemm huma Koroħ! Qishom dak t’hemm taħt! Ħeqq! Mhux dak għandu jiġri ġo fih!
Mela issa ħa nfakkrek f’kelma li San Pawl kiteb lin-nies li kienu ġejjin mill-Belt tal-heros, ir-Rumani: “Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd. Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: ‘Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.’ Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:17-21).

FIL-ĦAJJA AĠIXXI U QATT TIRREJAĠĠIXXI! Agħmel it-tajjeb u wieġeb bit-tajjeb u qatt tagħmel u tirrispondi bil-ħażin. Jaqla’ fuq wiċċu mhux min jagħmel it-tajjeb imma min jagħmel il-ħażin. Anzi! Jaqlagħha fl-iskonku tiegħu! Bħalma qalagħha x-xitan u baqa’ taħtha għal għomru!

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: