Biex Twarrad it-Tama


Il-Ħadd 12 ta’ Awwissu 2017: Ittra Pastorali tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ Marija Mtellgħa s-Sema 2017 .

 

Tama u qtigħ il-qalb

Hemm persuni li jsaħħruk kemm għandhom ħila jittamaw – fihom għandhom passjoni biex jagħmlu dak kollu li jidher impossibbli. Huma nies li qatt ma jaqtgħu jieshom minn xejn, minkejja l-mewġ għoli li jkun dejjem ġej għal wiċċhom. Huma nies li kapaċi jibqgħu jaqdfu kontra l-kurrent. Huma nies li jittamaw kontra kull tama. It-tama hija l-mutur ta’ ħajjithom. Jien konvint li fis-satra ta’ ċerti djar, fis-swali tal-isptar, fiċ-ċelel tal-ħabs, fiċ-ċentri ta’ riabilitazzjoni, fil-kurituri ta’ Dar Arka u d-Dar tal-Providenza hemm esperjenzi ta’ persuni li l-ossiġnu ta’ ħajjithom huwa t-tama. Ħafna drabi dawn l-esperjenzi huma mistura għalina, imma żgur li jnisslu tbissima fuq fomm Alla li qatt ma huwa indifferenti quddiem dawn is-sitwazzjonijiet tqal.

Nies bħal dawn jagħmlulna ħafna kuraġġ; imma mhux kulħadd huwa qawwi. Naf b’dawk li qatgħu qalbhom quddiem l-isfidi tal-ħajja personali, familjari u soċjali. Naf b’dawk li tilfu kull tama fihom infushom u f’dawk ta’ madwarhom. Għax intfielhom il-mutur tal-ħajja, ħajjithom saret tqila, miżgħuda bl-inċertezzi, dwejjaq, biżgħat u għeja. Illum il-bniedem flok ma jibża’ mill-mewt, sar jibża’ jgħix; tant li kultant jagħli għax jisbaħ jum ġdid! Billi kulma jmur it-tama qed issir virtù skarsa ħafna, hemm min madwaru jara biss dlam u jaħseb li kollox mar il-baħar!

Dan li qed ngħid għal kull wieħed u waħda minna, jgħodd ukoll għalina bħala nazzjon. Il-ġid tkattar u f’ċerti każi tkattar sew. Komplew jinfirxu s-servizzi soċjali b’risq il-persuni vulnerabbli. Imma l-faqar żdied ukoll u l-fqir faċli jaqta’ qalbu. Mhux qed nirreferi biss għall-faqar materjali, imma sar għandna faqar affettiv, intellettwali, emozzjonali u ta’ valuri. Żmienna hu mmarkat b’għadd ta’ kriżijiet personali, familjari, ekonomiċi u istituzzjonali. Dawn il-qagħdiet imwiegħra ġabu magħhom tbatija, dipressjoni, pessimiżmu u sfiduċja fil-futur. Fil-fatt, illum issib min jibża’ jidħol għall-impenn taż-żwieġ u jifforma familja. L-inċertezza u nuqqas ta’ stabbiltà fid-dinja tax-xogħol qed jolqtu ħażin liż-żgħażagħ tagħna għax imewtu fihom ir-rieda li jieħdu impenji fit-tul. Donnu nħolqot kultura ta’ suspett f’kollox u f’kulħadd, li kapaċi tagħmel ħsara lill-istituzzjonijiet tad-demokrazija u lill-istess ekonomija. Pajjiżna għandu bżonn urġenti tat-tama.

Nuqqas ta’ tama fil-ħajja tagħna l-Insara

L-agħar diżgrazzja li tista’ tiġrilna hija meta naqtgħu qalbna minn Alla. Mhux daqshekk diffiċli li nsibu ruħna fil-lejl mudlam tal-fidi u nissuspettaw li Alla jkun insiena u telaqna, l-aktar meta nkunu taħt id-deffa. Xi drabi negħjew nistennew intervent mis-Sema. Barra minn hekk, jista’ jiġrilna li nitilfu tamitna f’Alla għax nibżgħu li quddiem id-dgħufija tagħna hu ser jagħtina dahru. Naf b’individwi li meta ġew wiċċ imb wiċċ mad-dnub tagħhom, inġibdu lura minn Alla għax ħasbu li sejjer jistmerrhom! Hemm oħrajn li jaħsbu li għandhom jagħlqu l-ktieb ma’ Alla għax jinsabu f’qagħda li mhix konformi mal-liġi morali, imma minħabba ċ-ċirkustanzi ma jistgħux joħorġu minnha. X’ma tninx fina l-fiduċja f’Ġesù jekk għadna naħsbu li huwa aħrax u li jaħsad fejn ma żerax u jiġbor fejn ma xerridx (ara Mt 25:26)?

Anki fi ħdan il-komunità Nisranija jaf ikun hemm min jaqta’ qalbu. Hawn min huwa deluż għax ma rax jitwettqu l-ħafna tamiet li sittin sena ilu kien qanqal fil-Knisja l-Konċilju Vatikan II. Taqta’ qalbek meta tara reżistenzi biex iseħħu ċerti riformi f’diversi aspetti tal-ħajja tal-Knisja. Imbagħad hawn min jitfixkel quddiem ċertu aġġornament li qed tagħmel il-Knisja fl-approwċ pastorali tagħha. B’xorti ħażina, jeżistu l-profeti tal-qerda, li fil-ħeġġa reliġjuża li għandhom aktar ħsiebhom biex jinnutaw it-tebgħa milli l-ħafna tajjeb li hemm fil-bniedem; aktar jeħlu fl-iżball milli japprezzaw l-isforzi, anki żgħar imma sinċiera, li persuna tipprova tagħmel biex tqum fuq saqajha; aktar jimpurtahom li jiddefendu l-ittra tal-liġi milli lill-bniedem. Biex iħarsu s-Sibt, huma jittraskuraw il-bniedem; biex jiżguraw il-perfezzjoni, jeskludu dak kollu li huwa imperfett; biex jaffermaw il-ġustizzja ta’ Alla, jikkontrollaw il-ħniena tiegħu. Atteġġjamenti ta’ din ix-xorta jxejnu kull tama fil-bnedmin u jagħmlu mill-Knisja dak li mhijiex, li qatt ma għandha tkun. Fuq l-eżempju ta’ Kristu, li “qasba mġelġla ma jiksirhiex u musbieħ inemnem ma jitfihx, sa ma jkun ġab ir-rebħa tal-ġustizzja u f’ismu jittamaw il-ġnus” (Mt 12:20-21), il-Knisja hija u teżisti biex toffri tama vera lill-umanità.

Kulħadd għandu d-dritt għat-tama

Huwa minnu li min jittama jmut bil-piena, jew l-akbar ħsara li tista’ tiġrilna hija meta nitilfu kull tama? Il-virtujiet tal-fidi u tal-imħabba huma meħtieġa, imma t-tama hija kollox. Il-poeta Charles Péguy ixebbah dawn it-tliet virtujiet ma’ tlett ibniet aħwa. It-tlieta dejjem joħorġu flimkien u jimxu id f’id: iż-żewġ aħwa adulti (il-fidi u l-imħabba) iżommu minn idejha lil oħthom iż-żgħira (it-tama). Skont dan il-poeta Franċiż, mhux il-kbar imexxu liċ-ċkejkna, imma ċ-ċkejkna tiġbed lil ħutha l-kbar warajha. Jekk tieqaf hi (it-tama), jieqfu t-tnejn l-oħra – jekk tispiċċa hi, jispiċċa kollox! Għalhekk ma għandna nħallu lil ħadd jisirqilna dan id-dritt għat-tama. Huwa impossibbli li wieħed jgħix mingħajr tama. Imma fil-ħajja hemm ħafna tamiet żgħar u kbar, u għalhekk il-mistoqsija l-kbira hija liema hija t-tama li ma tqarraqx.

Il-kisbiet li għamlu t-teknoloġija, ix-xjenzi, l-ekonomija u l-politika huma bla tarf u għandna għalfejn inkunu grati għat-tamiet li jixegħlu fil-qlub ta’ ħafna. Ħasra li mhux kulħadd jista’ jgawdi mill-kisbiet li l-bniedem jagħmel bis-saħħa ta’ dawn l-għodod, għax saħansitra hemm min jiġi sfruttat biex iduq il-frott tagħhom, bħal fil-kamp tas-saħħa jew meta jiġi bżonn ta’ servizzi professjonali! Imma daqskemm dawn l-għodod jistgħu jgħinu biex ħafna tamiet jitwettqu, daqstant ieħor din “it-tama soċjali” taf tkun fattur ta’ delużjonijiet kbar! Anki meta dawn l-għodod huma mħaddma bil-qies u b’responsabbiltà, xorta waħda ma jissodisfawniex għalkollox. Spiss jiġri li meta l-ħajja tidħkilna, minkejja li nkunu komdi materjalment, xorta tkun tonqosna xi ħaġa! Fil-fatt, but imħaxxen mhux bilfors ifisser li l-qalb hija mimlija. Għalhekk, nistaqsi liema hi dik it-tama li tista’ toffri serħan il-moħħ u l-qalb?

It-tama tagħna f’Alla

Kif jistqarr Santu Wistin, il-qalb tal-bniedem tistrieħ biss f’Alla. Alla huwa s-sies ta’ kull tama. Dan ma jfissirx li l-bniedem jittama li jikseb “xi ħaġa” mingħand Alla, imma jittama li Alla jkun qribu u miegħu. “Ħafna jittamaw li jiksbu xi ħaġa mingħand Alla, imma ma jixtiqux lilu. Int ixxennaq biss għal Alla”. It-tweġiba ta’ Alla għax-xewqa tiegħek hija l-persuna ta’ Ġesù Kristu.

Huwa għalhekk li Missierna San Pawl jikteb: “Ġesù Kristu huwa t-tama tagħna” (1 Tim 1:1). Fil-Vanġeli niltaqgħu ma’ diversi ġrajjiet fejn naraw lil Ġesù jakkumpanja u jagħmel il-qalb lil dawk li kienu tilfu t-tama, kemm f’kuntest soċjali u kemm spiritwali. Meta darba lemaħ raġel agħma minn twelidu, id-dixxipli staqsewh: “Dan twieled agħma għax dineb hu stess jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?” (Ġw 9:1-2). Għall-kuntrarju tad-dixxipli, Ġesù ma jitfixkilx fid-dnub, ma jintilifx f’diskussjoni dwar ir-responsabbiltà morali; minflok, jipprova jqabbad il-fjamma mitfija tat-tama f’dak ir-raġel billi japprezza l-potenzjal qawwi tiegħu u ta’ dawk kollha dgħajfin bħalu; fil-fatt, Ġesù wieġeb hekk: “Ġralu hekk mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma biex l-għemil ta’ Alla jidher fih” (ibid.). Filwaqt li dawk ta’ ma’ djul Ġesù waqfu fuq il-ħtija morali, Ġesù ġietu ħniena minnu għax kien bla ebda tama; dak li s-soċjetà ċivili u l-komunità reliġjuża kienu jqisu bħala skart, f’għajnejn Kristu kien opportunità biex Alla jikkomunika lilu nnifsu; dak li fil-ġudizzju tal-bniedem kien manifestazzjoni tad-“dnub”, għal Kristu sar manifestazzjoni tal-grazzja ta’ Alla.

Imma l-aqwa mument fil-ħajja ta’ Ġesù li jimliena b’tama soda huwa l-ġrajja tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Fit-Tridu tal-Għid ta’ Kristu “warrdet it-tama”. It-twemmin tagħna huwa mixja ta’ fidi li titlaq minn fatt li seħħ fl-istorja: Ġesù miet għal dnubietna, ġie midfun, u fit-tielet jum qam u deher lil Pietru u lit-Tnax (ara 1 Kor 15:3-5). “Mela Ġesù huwa ħaj!”. Dan huwa s-sigriet tat-tama tan-Nisrani. It-tama Nisranija hija tama fil-qawmien. Dawn iż-żewġ termini huma tant marbuta ma’ xulxin li ma jeżistux mifruda minn xulxin. M’hemmx tama jekk ma hemmx qawmien, u l-qawmien ngħixuh fit-tama. Kieku Kristu ma qamx, kieku t-tama tagħna hija fiergħa.

Fid-dawl tal-qawmien mill-mewt, anki l-Imsallab huwa għelm ta’ tama. Kif ikompli jgħallimna l-Papa Franġisku, Ġesù Kurċifiss huwa għajn ta’ tama li warrdet sewwasew bil-qawwa tal-imħabba: għax l-imħabba li “kollox tittama, kollox tissaporti” (1 Kor 13:7), l-imħabba li hi l-ħajja ta’ Alla, ġeddet dak kollu li messet miegħu. Hekk, fl-Għid, Ġesù bidel id-dnub tagħna f’maħfra, il-mewt tagħna f’qawmien, il-biża’ tagħna f’fiduċja. Huwa għalhekk li fuq is-salib twieldet u dejjem titwieled mill-ġdid it-tama tagħna; għalhekk li ma’ Ġesù kull dalma tagħna tista’ tiġi mibdula f’dawl, kull telfa f’rebħa, kull qtigħ il-qalb f’tama.

Meta wieħed jittama, ikun qed jistenna li titfaċċa xi ħaġa li mhix fil-preżent. It-tama tagħna f’Alla mhix l-istess, għax Alla diġà qiegħed wara l-bieb tagħna: “Ara, jien qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli, jien nidħol għandu” (Apok 3:20). Il-ħabbata f’idejh, imma ma jistax jidħol jekk ma niftħulux. Billi aħna nitnikkru fil-ħwejjeġ ta’ Alla, it-tama tagħna hija li Alla jibqa’ jittama li niftħulu biex jidħol. Alla jibqa’ jistenniena anki meta nittraduh. Kieku mhux għax il-bniedem huwa ħieles fil-konfront ta’ Alla, kieku xi bżonn għandu Alla li jittama? Alla jibqa’ jittama għax jafna tajjeb – jaf li aħna dgħajfin u faċli nagħmlu għażliet ħżiena. Hu għalhekk li, filwaqt li hu ma jehdiex jibqa’ barra “wara l-bieb”, ikun ġeneruż magħna u jagħtina d-don tat-tama.

Għalhekk huwa skandlu meta aħna l-Insara naraw kollox minn nuċċali iswed. Inħoss li tgħodd ukoll għalina llum iċ-ċanfira li jagħmel wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja: “Insara, fejn hi t-tama tagħkom?”. U fi kliem San Ġwann Kriżostmu, “mhux id-dnub iwassalna għat-telfien, imma n-nuqqas ta’ tama”. Ma hemm ebda ċirkustanza, negattiva kemm hija negattiva, li għandha żżommna lura, għax kif qal ftit jiem ilu l-Papa Franġisku, “l-Insara mhumiex nies tad-dlam imma jgħixu fid-dawl; ma jċedux għal-lejl imma jittamaw fiż-żerniq; mhumiex mirbuħa mill-mewt, imma jixxennqu għall-qawmien; mhumiex mgħawġin taħt it-toqol tal-ħażin, għax dejjem jafdaw fil-possibbiltà bla għadd tat-tajjeb. Din hija t-tama Nisranija”.

Għalhekk irrid nagħmlilkom kuraġġ. Ikunu kemm ikunu kbar id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom, inkluż ukoll il-qasam spiritwali, ladarba Alla qed joffri li jkun sieħeb tagħna fil-mixi tagħna, qatt ma għandna nċedu l-armi. “L-etika tal-biża’” tara biss il-kriżijiet, imma l-“l-etika tat-tama” tfittex il-possibbiltajiet moħbija fil-kriżijiet. Niftakru li fejn hemm il-periklu, jaf jikber ukoll dak li jista’ jeħlisna; taf tkun fil-qalba tax-xitwa u tintebaħ li fik diġà jgħammar is-sajf.

Id-dixxerniment

Meta wieħed jittama, ma jfissirx li dan joqgħod jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu! It-tama hija frott ta’ dixxerniment għaqli li wieħed jagħmel biex isib triqtu. Bil-kelma “kriżi” ma nifhmux biss xi ħaġa li rridu negħlbuha; din il-kelma tfisser ukoll tinvestiga, tgħarbel u tiġġudika. Għalhekk, meta wieħed, fi żmien ta’ kriżi, jibqa’ jittama, dan ifisser li wieħed jgħarbel l-essenzjal u jibni fuqu. Id-dixxerniment, li huwa eżerċizzju li jieħu ż-żmien, huwa meħtieġ, għax ir-realtà mhix dejjem dik li tidher mal-ewwel daqqa t’għajn. Il-bniedem huwa xi ħaġa aktar minn dak li nosservaw bis-sensi tagħna. Barra l-bniedem li jidher, hemm il-bniedem interjuri li kapaċi jkollu ġawhar prezzjuż mistur. Il-bniedem li jittama kapaċi joħroġ fid-deher dan it-teżor; imma biex jirnexxielu, irid jimpenja ruħu. Għalhekk Santu Wistin jgħid li t-tama għandha żewġt ibniet ħelwin: ir-rabja u l-kuraġġ; ir-rabja lejn l-affarijiet kif inhuma u l-kuraġġ biex l-affarijiet jinbidlu. Dawn iż-żewg emozzjonijiet isuquna biex nagħmlu d-dixxerniment li “għandu jgħinna nsibu t-toroq miftuħa quddiemna biex nagħtu tweġiba lil Alla u nikbru permezz tal-limiti tagħna. Meta nemmnu li kollox hu abjad jew iswed, xi drabi nkunu nagħlqu t-triq għall-grazzja li minnha l-bniedem irid jgħaddi biex jikber, u naqtgħu qalb dawk li jridu jagħmlu mixjiet ta’ qdusija li jagħtu glorja lil Alla. Niftakru li pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti”.

Tamiet qarrieqa

Għall-komunità Nisranija, id-don tat-tama huwa responsabbiltà, fis-sens li huwa dmir tagħna li ngħinu biex fis-soċjetà jinfetħu orizzonti u proġetti ta’ tama għall-oħrajn. Għalkemm it-tama Nisranja ma sserraħx fuq xi sistema ta’ ħsieb jew ideoloġija imma fuq Alla, xorta hija tama umana. Għalhekk għandna nippruvaw nintegraw l-aspett teologali tat-tama ma’ dak tat-tama soċjali. Imma biex nissodisfaw ix-xewqat tal-bniedem, ma għandniex noffru tamiet bi prezz irħis. Dan huwa l-każ meta noffru droga għar-rikreazzjoni jew dik legalizzata. Lill-bniedem ma nissodisfawhx billi nagħtuh dak li jitlob, imma billi nipprovdulu dak li jixraqlu. Huwa tajjeb li wieħed jagħti tama lill-immigranti billi jipprovdilhom xogħol, imma li dawn jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena u jirċievu paga inqas minn dik li jistħoqqilhom, dan huwa għamla ġdida ta’ jasar.
Għalhekk, kulħadd skont il-kompetenza tiegħu, huwa msejjaħ jgħin biex in-nazzjon jiddixxerni t-toroq tat-tama. Inħoss li huwa ta’ min jixtarr id-diskors li ftit xhur ilu l-Papa Franġisku għamel lill-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, fejn indika ċerti toroq li jistgħu jwasslu biex l-Ewropa terġa’ tkun “għajn ta’ tama”. Is-soċjetà terġa’ ssib it-tama: (1) meta l-bniedem ikun fiċ-ċentru u l-qalba tal-istituzzjonijiet tagħha; (2) meta tissaħħaħ is-solidarjetà li ġġib magħha l-għarfien li aħna lkoll parti minn ġisem wieħed u fl-istess ħin kull ċittadin jissimpatizza mal-ieħor u ma’ kollox; (3) meta ma tingħalqax fil-biża’ ta’ ċertezzi foloz; (4) meta tinvesti fl-iżvilupp u fil-paċi; (5) meta tinfetaħ għaż-żgħażagħ, toffrilhom perspettivi serji ta’ edukazzjoni, possibbiltajiet ta’ inseriment fid-dinja tax-xogħol; (6) meta tinvesti fil-familja; (7) meta tirrispetta l-kuxjenza u l-ideali taċ-ċittadini tagħha; (8) meta tħares il-ħajja fil-qdusija kollha tagħha u tbarri l-abort u l-ewtanasja.

L-Assunta: għelm ta’ tama

Ftit jiem oħra niċċelebraw is-Solennità ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, ġrajja importanti fin-narrattiva tat-tama Nisranija. Fil-fatt, l-Għid tal-Assunta jinftiehem biss fid-dawl tal-Għid il-Kbir ta’ Kristu. Bit-Tlugħ tagħha fis-Sema, f’Marija jitwettaq b’mod sħiħ il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Jekk l-Għid ta’ Kristu huwa l-pedament tat-tama Nisranija, l-Assunzjoni ta’ Marija hija l-konferma tad-destin pożittiv li hemm għalina u għall-istorja – hija konferma li l-imħabba ta’ Alla tirbaħ fuq dak kollu li hu ħażin u fuq il-mewt.
Dik li aħna nsejħu “l-Kwindiċina ta’ Santa Marija”, fil-Knisja Biżantina tissejjaħ “ir-randan qasir tal-Verġni Mbierka”. Kif fir-Randan aħna nitħejjew għall-Għid il-Kbir ta’ Kristu, hekk matul dawn l-erbatax-il ġurnata, bit-talb u l-penitenza, huma jistennew l-Għid ta’ Marija, il-“festa tal-festi” f’ġieħ Omm Alla u Ommna. Biex tidher aktar ir-rabta sinifikattiva bejn l-Għid ta’ Kristu u l-Għid tal-Knisja antiċipat fil-persuna ta’ Marija, kif il-Knisja għandha l-Velja tal-Għid, huma jiċċelebraw il-Velja tal-Assunta: kif fil-lejl mis-Sibt għal Ħadd l-Għid il-Knisja ma torqodx biex tistenna lil Kristu jqum mill-mewt, hekk lejlet il-Festa ta’ Santa Marija l-komunità Nisranija bit-talb u l-kant tishar biex mas-sebħ tal-15 ta’ Awwissu hija timtela bit-tama li ġġib magħha l-Assunta.

Għal kważi għoxrin sena, il-Knisja f’Għawdex ilha tiċċelebra din il-Velja tal-Assunta quddiem is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu. Hija xewqa tiegħi li din is-sahra Marjana tkompli tkun ċelebrazzjoni liturġika speċjali fil-kalendarju tal-ħajja tal-komunità Nisranija, li tgħinna nżommu ħarsitna fuq l-Assunta, “sinjal jiddi ta’ tama u ta’ faraġ għall-poplu ta’ Alla fil-mixja tiegħu lejn is-Sema”. Fil-ħajja hemm ħin għal kollox, imma neħtieġu ċerti għażliet biex innaqqu l-ispiritwalità mondana li trawmet mas-snin. Għalhekk inħeġġeġ lilkom il-familji, gruppi taż-żgħażagħ, komunitajiet parrokkjali, komunitajiet ta’ ħajja kkonsagrata u ħuti saċerdoti biex iżżommu l-appuntament annwali ta’ dan l-Għid tas-sajf.

Minn qalbi nerġa’ ntennilkom: Agħmlu l-qalb! “Bħalissa ħajjitna hija t-tama, ’il quddiem tkun fl-eternità”. Daqskemm aħna “l-poplu tal-Għid u l-għanja tagħna hija l-Hallelujah”, daqshekk ieħor aħna “l-poplu tal-Assunta u l-għanja tagħna hija l-Hallelujah”!
“Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (Rum 15:13).
Illum, 11 ta’ Awwissu 2017, Tifkira liturġika ta’ Santa Kjara ta’ Assisi.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: