Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Ilum fl-irxoxt ta’ Marija naraw il-glorja tal-Mulej u nemmnu fih

Ilum fl-irxoxt ta’ Marija naraw il-glorja tal-Mulej u nemmnu fih


It-Tlieta, 15 ta’ Awwissu 2017: Quddiesa Pontifikali fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema.

 

It-Tlieta, 15 ta’ Awwissu 2017, fuq stedina tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, in-Nunzju Appostoliku l-ġdid, l-E.T. Mons. Alessandro D’Errico, mexxa Quddiesa Pontifikali fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema. Il-Quddiesa kienet ikkonċelebrata mill-Arċisqof, il-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi, u numru ta’ saċerdoti. Din kienet l-ewwel okkażjoni għan-Nunzju Appostoliku biex jiltaqa’ mal-Insara Maltin.

L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta

Salve Regina, Mater Misericordiae, Salve Regina Appostolorum. Sliem għalik Sultana, Omm tal-Ħniena, Sliem għalik Reġina tal-Appostli.

Eċċ. Rev.ma Nunzju Appostoliku, aħna u nagħtuk merħba fl-Għid tal-Assunta, f’dan it-tempju maestuż iddedikat lil Santa Marija, lir-Reġina tal-Appostli, aħna nixtiequ nġeddu l-lealtà tagħna lejn is-suċċessur ta’ Pietru, lejn is-suċċessur tal-prinċep tal-appostli. Aħna rridu mhux biss inġeddu l-lealtà tagħna u d-devożjoni tagħna lejn is-suċċessur tal-prinċep tal-appostli, imma rridu nagħrfu fil-Papa, Papa Franġisku, il-pedament tal-kattoliċità tagħna, il-pedament tal-għaqda tagħna. Aħna rridu nagħrfu fik, għażiż Nunzju Appostoliku, dak li jirrappreżenta l-blata li fuqha Ġesù bena u jibni l-Knisja tiegħu. “Is-setgħat tal-infern ma jegħelbuhiex” (Mt 16, 18).

Aħna rridu nagħrfu fik, għażiż Nunzju Appostoliku, dak li jirrappreżenta l-blata li fuqha Ġesù bena u jibni l-Knisja tiegħu.

Imma illum, fil-festa ta’ Santa Marija, fl-Għid tal-Assunta, aħna rridu wkoll infaħħru lis-Sultana bħala s-Sultana tal-appostli. Hi tgħallimna nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù li qal “min jisma’ lilkom, jisma’ lili, min ma jismax lilkom ma jismax lili”. Għax dik il-kelma li ħallejtilna fit-tieġ ta’ Kana. Dak it-tieġ għażiż li fih inti kont mistiedna, O qaddejja tal-Mulej. U għax kont mistiedna inti, għat-tieġ ta’ Kana kien mistieden Ġesù. Imma Ġesù, kif jirrakontalna t-tieni Kapitlu ta’ San Ġwann, dakinhar ma ġiex waħdu, miegħu ġew id-dixxipli tiegħu (Ġw 2, 2).

Jekk ikollna nħarsu lejn l-aħħar parti tal-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, u ngħoddu ftit l-ismijiet tad-dixxipli ta’ Ġesù li kienu diġà ltaqgħu miegħu. Jiena, jekk m’inix sejjer żball, għoddejt lil Andrija, lil Pietru, lil Ġwanni, ovvjament lil ħuħ Żebedew, lil Filippu u lil Natanael. Kien hemm diġà sitta mit-tnax il-appostli li marru ma’ Ġesù għat-tieġ ta’ Kana.

Tradizzjoni qawwija fil-Lvant tgħid li l-għarus fit-tieġ ta’ Kana kien Ġuda Taddew, li kien qarib ta’ Ġesù u għalhekk tispjega l-fatt li l-Madonna kienet mistiedna. Allura anke fl-għarus tat-tieġ ta’ Kana għandna s-seba’ appostlu. U hawnhekk l-ewwel avveniment fl-Evanġelji, naraw lil Madonna tiltaqa’ mad-dixxipli ta’ Ġesù li minn dixxipli l-Mulej kellu jagħżilhom biex isiru mibgħuta: appostolos dawk li huma mibgħuta biex iħabbru l-bxara t-tajba.

Il-Papa Franġisku fil-kumment tiegħu fuq dan l-Evanġelju tat-tieġ ta’ Kana jgħid li dan ifisser kemm Alla huwa ġeneruż magħna. Ma jagħtiniex bix-xeħħa imma b’ġenerożità kbira.

It-tieni kapitlu jirrakonta l-miraklu fit-tieġ ta’ Kana, dak li l-Madonna mbuttat lil Ġesù biex jagħmel. Meta qaltlu “m’għandhomx inbid”, Hu qalilha “imma aħna x’għandna x’naqsmu, mara?” U tgħidilhom: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Hu jbiddel l-ilma f’inbid, inbid tant tajjeb li min kien responsabbli qallu: “inti l-inbid it-tajjeb tħallih għall-aħħar meta kollha xurbana dawn?” (ara Ġw 2, 3-6.10). Tant kien tajjeb l-inbid li l-Mulej għamel minn dawk il-ġarar mimlijin ilma, il-ġarar tal-purifikazzjoni, ġarar enormi. Il-Papa Franġisku fil-kumment tiegħu fuq dan l-Evanġelju tat-tieġ ta’ Kana jgħid li dan ifisser kemm Alla huwa ġeneruż magħna. Ma jagħtiniex bix-xeħħa imma b’ġenerożità kbira. U kienet Sidtna Marija li qanqlet mill-qalb ta’ Ġesu “dan l-ewwel sinjal”, kif isejjaħlu l-evanġelju San Ġwann. U l-konklużjoni hija “u d-dixxiplu tiegħu raw il-glorja tiegħu u emmnu fih” (ara v. 11).

Aħna qegħdin niċċelebraw l-Għid tal-Assunta bl-istess motivazzjoni. Ilum fl-irxoxt ta’ Marija naraw il-glorja tal-Mulej u nemmnu fih. “F’lemintek is-Sultana fid-dawl tal-glorja”. F’Marija Assunta mtellgħa s-sema, illum tidher il-glorja tal-Mulej. Kif il-Missier fit-tnissil tagħha ħarisha minn kull tebgħa tad-dnub, il-glorja ta’ Binha fi tmiem tal-kors ta’ ħajjitha ħarsitha mit-taħsir tal-qabar. Mhux destin tagħna dan, aħna jidfnuna u nsiru ttrab. F’Ras ir-Randan ifakkruna: trab kont u trab għad issir. Imma aħna nemmnu fix-xirka tal-qaddisin, fil-qawma mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem, u f’Marija jingħatalna sinjal kbir fis-sema li jgħidilna l-wegħda li jagħtikom Ġesù, “min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”, “min ikun ħaġa waħda miegħi, jiena nqajmu fl-aħħar jum”. Mhuwiex diskors fieragħ u vojt.

Dan l-avveniment ta’ fidi imma avveniment fl-istorja, iqawwi l-fidi tagħna f’Ġesù s-sid tal-glorja, is-sid tal-ħajja, “is-sewwa, it-triq u l-ħajja” (Ġw 14, 6), li aħna wkoll għad nirxuxtaw. Kif jgħidilna l-appostlu Missierna fit-Tieni Qari tal-lum: “Jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ukoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu” (1 Kor 15, 21-23). Sidtna Marija ġiet magħżula minn Binha biex tgħaddi minn din l-esperjenza qabilna ħa tkun għalina tama. Hekk insejħulha wkoll fis-Salve Reġina: sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna, spes nostra, salve, tama tagħna, sliem għalik.

Kien hemm mument ieħor meta l-Madonna ltaqgħet mad-dixxipli fil-ministeru pubbliku ta’ Ġesù. Kien mument ta’ nkwiet għax it-tifel baqa’ jinkwetaha sal-aħħar, bħal kull iben. Kif tafu, Ġesù meta telaq minn Nazzaret u ħalla lil ommu armla ta’ Ġużeppi f’idejn il-qraba tagħhom, issetilja fil-belt ta’ Kafarnahum fuq ix-xtajta tal-għadira ta’ Tiberijade jew il-Baħar tal-Galilija, u waslilha li t-tifel iġġennen (Mk 3, 21) u ġġennet hi. U marret tfittxu. L-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li għaddewh b’miġnun. U l-omm x’tagħmel? Tmur ħa tara xi ġralu Binha u mal-qraba marret biex tieħdu d-dar, nimmaġinaha jien. U Ġesù jgħidilha kelma li għal widnejna tinstema’ iebsa u jgħidha quddiem id-dixxipli tiegħu: “Ommi u ħuti min huma?”. Għax qalulu “hawn ommok u ħutek ifittxuk” biex jiġbruk, ħa jieħdu ħsiebek. “Ommi u ħuti min huma? Huma dawk li jisimgħu l-kelma u jagħmluha” (vv. 32-33).

U d-dixxipli fehmu li l-ewwel iridu jkunu dixxipli li jisimgħu l-kelma, imbagħad jingħataw il-grazzja li jkunu appostli li jintbagħtu biex isiru aħwa ta’ Ġesù

U l-Madonna, kif waslilha dak il-kliem, jiena nimaġinaha li fehmet li ta’ binha Ġesù ma kienx ġenn, imma bħalma kien għamlilha meta ntilfilha ta’ tnax-il sena, kien qiegħed fil-volontà ta’ Missieru. Mhux hekk kien qalilha lilha u lil Ġużeppi? “Jiena qiegħed fil-volontà, fir-rieda, fl-għamara ta’ Missieri” (ara Lq 2, 49). “Min jisma’ l-kelma u jagħmilha dak hu ommi, u ħija u oħti” (Mk 3, 35). U d-dixxipli fehmu li l-ewwel iridu jkunu dixxipli li jisimgħu l-kelma, imbagħad jingħataw il-grazzja li jkunu appostli li jintbagħtu biex isiru aħwa ta’ Ġesù, ikunu u jsiru anke ommijiet ta’ Ġesù, inissluh fis-soċjetà tagħna li għandha għatx għas-sbuħija vera, għandha għatx għall-verità, il-verità ta’ Ġesù Kristu li ma tqarraqx bik. Għandha għatx. Kultant tfittex din il-verità u din is-sbuħija u d-dinjità tagħha ‘fi bjar miksura’ jgħid il-profeta, li mingħalik se jżommu l-ilma, tmur tfittex u ma ssib xejn ħlif ħama. Imma l-bir li minnu jiġbed Ġesù lid-dixxiplu tiegħu hija għajn ta’ ilma safi li twassal għall-ħajja ta’ dejjem.

Il-Madonna kienet preżenti ma’ Ġesù meta l-appostli telquh, barra wieħed. Ġuda kien ittradih, Pietru kien ċaħdu, Ġwanni li kien xhud tat-tradiment ta’ Xmun Pietru, baqa’ jsegwi l-imgħallem u kien ma’ omm Ġesù, ma’ Marija taħt is-salib. X’dulur ta’ din l-omm meta tfittex lid-dixxipli li quddiema kienu raw il-glorja ta’ Binha u emmnu, quddiema, li quddiemhom semgħet il-kelma: “dawn huma ommi u ħuti dawn li jisimgħu l-kelma u jagħmluha”. Tfittixhom u ma ssibhomx, ħlief wieħed: Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub.

Tisma’ lil Binha jgħid: “għandi l-għatx” (Ġw 19, 28) bħalma jibqa’ jkollu l-għatx għall-qalb ta’ kull bniedem, bħalma l-Knisja, l-għarusa tiegħu, għandha l-għatx għal kull bniedem.

Hi tieqaf hemm ħdejn is-salib ta’ Binha mnezza minn kull dinjità, bniedem ittorturat, bniedem ikkundannat inġustament. Il-kundanna tiegħu: dan hu Ġesù ta’ Nazzaret, sultan tal-Lhud. U tieqaf hemm tisma’ lil Binha jaħfer: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Tisma’ lil binha jwiegħed il-ġenna lill-ħalliel it-tajjeb: “Illum inti tkun miegħi fil-ġenna” (v. 42). Tisma’ lil Binha jgħid: “għandi l-għatx” (Ġw 19, 28) bħalma jibqa’ jkollu l-għatx għall-qalb ta’ kull bniedem, bħalma l-Knisja, l-għarusa tiegħu, għandha l-għatx għal kull bniedem. U semgħetu wkoll jagħtieha maternita ġdida: “Mara, hawn hu ibnek”. Qal lid-dixxiplu l-maħbub: “Hawn hi ommok” (Ġw 19, 26-27) u dak il-ħin huwa afdaha lilna, afdaha lil-appostlu, imma adfdaha lilna wkoll, u lilna mal-appostli afdalna lilha. Aħna bir-raġun inħarsu lejha bħala protettriċi, bħalha dik li tinterċedi għalina quddiem il-Mulej, avukata tagħna, advocata nostra, hekk insejħulha u ngħidulha biex tħares lejna f’dan il-wied tad-dmugh. Imma hi sinjal mhux biss ta’ tama, imma ta’ faraġ.

Ma nafx x’qaltilhom lill-appostli l-ewwel darba li ltaqgħet magħhom fiċ-ċenaklu. Il-ħarsa tagħha nimmaġina li kienet biżżejjed. Binha midfun. “Imma hi kellha din iċ-ċertezza”, jgħid San Ġwanni Pawlu II “li l-wegħda ta’ Binha ma kienetx se tonqos”. Ara bin il-bniedem ikollu jsofri ħafna, jiġi miċħud, isallbuh u fit-tielet jum iqum. Ma setgħux jifmhu d-dixxipli xi tfisser tqum mill-imwiet. Bħalma meta niżżilhom mit-Tabor u qalilhom: “Titkellmux fuq dak li rajtu” fit-trasfigurazzjoni “sakemm Bin il-bniedem ma jkunx qam mill-imwiet” u l-evanġelista jgħidilna ma setgħux jifhmu xi tfisser “tqum mill-imwiet” (Mk 8, 9-10). Imbagħad tiġi Marija Maddalena u tgħidilhom: “rajtu”. Żewġ dixxipli fil-fatt kienu semgħu lil Marija Maddalena, m’emmnuhiex u telqu lejn Għemmaws. Ġesù jieħu paċenzja jsegwihom fit-triq sakemm jgħarfuh fil-kelma u fil-qsim tal-ħobż (Lq 24, 35).

Sidtna Marija allura tħares lejhom huma u jgħidulha: “rajna lil ibnek Ġesù, rajnih imqajjem mill-imwiet, rajnielu l-pjagi”. Tħares lejn Xmun Pietru, lejn Ġwanni li raw il-qabar vojt, tħares lejn Tumas li ma ridx jemmen, imma mbagħad laqa’ l-istedina tal-Mulej: ‘ejja, newwel subgħajk, miss il-pjagi tiegħi, poġġi sebgħek fuq ġenbi għax int u tmiss il-pjagi tiegħi, tfieq min-nuqqas ta’ fidi tiegħek’. “Mulej tiegħu Alla tiegħi” (ara Ġw 20, 27-28). U nimmaġinaha li fil-laqgħa privata tagħha ma’ Kristu rxoxt li l-evanġeli jisktu fuqha imma li t-tradizzjoni għal sekli tirrepeti, u li hija wkoll kkonfermata minn katekeżi ta’ San Ġwanni Pawlu II li lil binha tgħidlu: “Ibni, Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Għax hi iva, l-unika li tista’ tgħid lil binha: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’. U hu jgħidilha: ‘qaddejja tiegħi, ommi, inti tissieħeb fid-destin tal-qawmien tiegħi’.

Għax hi iva, l-unika li tista’ tgħid lil binha: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’. U hu jgħidilha: ‘qaddejja tiegħi, ommi, inti tissieħeb fid-destin tal-qawmien tiegħi’.

Baqgħet titlob mal-appostli s-sultana tal-appostli u maqgħuda magħom fiċ-ċenaklu nhar Għid il-Ħamsin, tarahom ilkoll mimlija bl-ispirtu qaddis tal-Mulej, bl-ilsna tan-nar fuq l-irjus tagħhom, jitkellmu b’ilsna ġodda, joħorġu miċ-ċenaklu verament appostli, mibgħuta tal-Mulej, biex ixandru li Ġesù Kristu miet tassew, imma Ġesù Kristu qam tassew. U hi tagħmlilhom kuraġġ bħalma tagħmel kuraġġ lilna.

San Ġwann Damaxxenu f’waħda mit-tliet omeliji sbieħ tiegħu dwar l-Assunta, jirreferina li darba minnhom fis-sena 451, l-imperatur ta’ dak iż-żmien mar Ġerusalemm, kien iż-żmien tal-Konċilju ta’ Kalċedonja. L-Imperatur kien jismu Marciano u l-mara tiegħu Pulcheria, pulcheria tfisser sabiħa. Dawn, l-imperatur u l-mara tiegħu, xtaqu jkollhom bħala rigal mingħand l-Isqof ta’ Ġerusalemm il-ġisem ta’ omm Ġesù. San Ġwann Dammaxxenu jirrakonta f’waħda mill-omeliji tiegħu, li r-risposta tal-Isqof Juvenale kienet hekk: “Jiddispjaċini, imma Sidtna Marija, meta ntemm il-kors tal-ħajja tagħha, quddiem l-appostli ttieħdet is-sema. Fuq rikjesta tal-appostlu Tumas, fetħu l-qabar tagħha u l-ġisem tagħha ma sabuhx. U għalhekk l-appostli kkonkludew li kienet ttieħdet fis-sema”.

Dan huwa tagħlim preżenti fil-Knisja ta’ Ġerusalemm sa mill-eqdem żmien, u li l-ewwel dokumentazzjoni tiegħu huwa propju mis-sena 451. Imma hija tradizzjoni antika f’Ġerusalemm. Waħda mill-affarijiet sbieh tal-Art Imqaddsa – jiena nissuġġerilkom min jista’ jmur l-Art Imqaddsa – hi li tkun tista’ tmur ħdejn il-qabar tal-Madonna , Ġerusalemm, propju ħdejn il-ġnien taż-żebbuġ fit-tarf tiegħu, mhux il-bogħod minn fejn id-dixxipli kellhom ukoll l-esperjenza tat-tlugħ is-sema tal-Mulej.

Sekli wara li nkiteb rakkont ħelu, li b’xi mod jikkonferma dawn id-dettalji essenzjali tal-Isqof Juvenale lill-imperatur Marciano. Il-ktieb jismu De Transitu Virginis, It-Tlugħ tal-Verġni, u jirrakkonta li għall-mewt tagħha kienu preżenti l-appostli, bħalma jikkonferma wkoll it-titular sabiħ inkurunat ta’ dan it-tempju majestuż, bħalma jikkonfermaw tant rappreżentazzjonijiet tal-Assunta li jiddependu ħafna fuq dan ir-rakkont, li għall-esperjenza tat-tlugħ fis-sema tal-Madonna kienu preżenti l-appostli li, bħalma ġara wkoll fil-każ ta’ binha Ġesu, Tumas ikun l-okkażjoni fejn mid-dubbju jgħaddu għall-fidi, għax Tumas insista li jiftħu l-qabar u l-qabar isibuh vojt.

…il-fidi fl-Assunta hija fidi Kattolika, hija fidi konfermata mill-appostli li marru mal-ibgħat imkejjen u rkejjen tad-dinja.

Ir-rakkont jitkellem dwar estasi li kellha l-Madonna fejn tiltaqa’ mill-ġdid mal-anġlu Gabrijel qabel il-mewt tagħha, jagħtieha palma u jgħidilha: “din il-palma iġorruha quddiem il-kefen tiegħek”. U hi tibda tipprepara għall-mewt tagħha. Meta mbagħad riedu jġorruha l-qabar, jgħidu: “isma’ Pietru, inti trid iġġorrha din l-imbierka palma tal-Madonna”. Jgħidilhom: “le, jien m’inix denn, iġorrha Ġwanni”. U jġorrha Ġwanni din il-palma. Dan huwa rakkont antik. Aħna ma konniex hekk, ma nafuhx imma nilqgħuh bħala messaġġ għalina. L-appostli jridu jxandru mhux biss il-fidi fil-qawwmien tal-Iben, imma kif jikkonferma s-suċċessur ta’ Pietru fl-1 ta’ Novembru 1950, il-fidi fl-irxoxt tal-Omm, għax il-fidi fl-Assunta hija fidi Kattolika, hija fidi konfermata mill-appostli li marru mal-ibgħat imkejjen u rkejjen tad-dinja.

Għalhekk, meta llum aħna u nagħtu merħba lir-rappreżentant tal-Papa Franġisku fostna, lin-Nunzju Appostoliku, bħala Knisja f’Malta, aħna nqimuha bħala reġina tal-appostli, nifhmu li l-fidi li qegħdin niċċelebraw illum hija fidi konfermata mix-xhieda tal-appostli, hija konfermata mis-suċċessur ta’ Pietru u għalina mhemmx bżonn ta’ konferma oħra.

Dan it-tempju fuq kollox ħelisha, u jalla jibqa’ jeħlisha, minn dak kollu li jridu l-bnedmin, huwa xhieda wkoll tal-protezzjoni tiegħek…

“Isma’, binti, ħares u agħti widen…, jitgħaxxaq is-Sultan bi ġmielek; u int għax hu sidek, agħtih qima” (S 44 11-12). O Marija, aħna l-Maltin nafu kemm hi qawwija l-protezzjoni tiegħek. Dan it-tempju fuq kollox ħelisha, u jalla jibqa’ jeħlisha, minn dak kollu li jridu l-bnedmin, huwa xhieda wkoll tal-protezzjoni tiegħek, bħalma kienet xhieda tal-protezzjoni tiegħek 75 sena ilu l-miġja fil-port tal-convoy li salvana mill-ġuħ u mit-telfien assigurat. Aħna nqimuk bħala l-avukata tagħna, bħala s-sultana tagħna, aħna rridu nkunu xhieda tal-fidi tal-Knisja li inti sinjal għalina tat-tama fil-qawmien, fik il-mewt tilfet, rebħet il-ħajja, fik aħna naraw il-glorja ta’ Ibnek u nemmnu fih. Salve Regina, Mater Misericordia, Salve Regina appostolorum. Viva Santa Marija!

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: