VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
LAQGĦA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-FAMILJI
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bata Stadium
l-Erbgħa, 22 ta’ April, 2026
Għeżież żgħażagħ, għeżież familji, il-paci magħkom!
Min jibża’ mix-xita? Min irid il-barka t’Alla? Grazzi li tinsabu hawn; se nkomplu niċċelebraw! Il-Knisja għandha bżonn l-entużjażmu tagħkom! Għeżież ħuti, illum insellmilkom b’ferħ kbir u rrodd ħajr lill-Isqof għad-diskors tiegħu. Irrodd ħajr lilkom ilkoll għal-laqgħa sabiħa u għall-entużjażmu tagħkom li jesprimi l-ferħ tal-fidi tagħkom.
l-eċċellenza Tiegħu iddeskriva l-Guinea Ekwatorjali bħala pajjiż “żgħażugħ, mimli enerġija, mistoqsijiet u għatx għall-ħajja”, u fl-istess ħin ħerqan biex Kristu jkun id-dawl tiegħu. Dal-kliem hu eku tal-motto ta’ dal-vjaġġ: Kristu dawl tal-Guinea Ekwatorjali, lejn futur ta’ tama. Filfatt, kliemu tikkonfermah il-preżenza tagħkom! L-aktar dawl jgħammex hu dak li jilma f’għajnejkom, fuq wiċċkom, fit-tbissim tagħkom u permezz tal-kant u ż-żfin tagħkom. Kollox jagħti xhieda li Kristu hu l-hena, it-tifsir, l-ispirazzjoni u s-sbuħija tal-ħajja tagħna.
In-nazzjon tagħkom, il-Guinea Ekwatorjali, hu għani fl-istorja u t-tradizzjinijiet. Rajna dan ftit tal-mumenti ilu fiż-żfin, fil-kostumi u s-simboli li kull grupp uża biex jesprimi l-identità tiegħu, biex il-ħin li għandna flimkien isir aktar kommoventi u ta’ tifsir. Ġibtu magħkom oġġetti sempliċi, oġġetti ta’ kuljum – bastun, xibka, il-mudell ta’ gżira, dgħajsa, strument mużikali – li jitkellmu dwar ħajjitkom u dwar il-valuri nobbli u antiki li jsostnuhom, bħalma huma is-servizz, l-għaqda, l-ospitalità, il-fiduċja, u ċ-ċelebrazzjoni. Dan hu l-wirt radjanti u diffiċli li intom, għeżież żgħażagħ, imsejħin tħaddnu fil-fidi, bħala l-pedament tal-futur tagħkom u ta’ din l-art. Il-futur huwa tagħkom!
San Ġwanni Pawlu II kien fakkar dawn il-valuri mal-wasla tiegħu f’dal-pajjiż fejn iltaqa’ ma’ Knisja tant vibranti u dinamika. Lill-fidili li kienu nġabru biex jilqgħuh kien qalilhom: “Agħtu dejjem eżempju tal-armonija ta’ bejnietkom, tal-imħabba reċiproka, tal-ħila tar-rikonċiljazzjoni, tar-rispett ġenwin lejn id-drittijiet ta’ kull ċittadin, kull familja u kull grupp soċjali. Irrispettaw u ippromwovu d-dinjità tan-nies kollha ta’ pajjiżkom, bħala persuni umani u bħala ulied Alla” (Indirizz mal-wasla fil-Guinea Ekwatorjali, Malabo, 18 ta’ Frar, 1982). Dal-kliem baqa’ jmexxi l-qlub tagħna llum u għandu jdawwal it-toroq tagħkom intom u titħejjew għar-responsabbiltajiet li hemm jistennewkom fil-ġejjieni.
Rigward dan, Alicia tkellmet dwar l-importanza li bniedem ikun fidil lejn ir-responsabbiltajiet tiegħu u jagħti sehemu għall-ġid tal-familja u tas-soċjetà bil-ħidma ta’ kuljum. Hi qasmet magħna l-ħolma tagħha dwar art “fejn iż-żgħażagħ, l-irġiel u n-nisa ma jiġrux wara s-suċċess faċli iżda jagħżlu l-kultura tal-isforz, id-dixxiplina u x-xogħol ħawtiel – art li tapprezza dawn il-valuri”. Hi żiedet tgħid li l-fatt li int nisrani ma jfissrix biss li tieħu sehem fiċ-ċelebrzzjoni tal-Ewkaristija imma wkoll li taħdem bid-dinjità u tittratta lil kulħadd bir-rispett. Tkellmet ukoll dwar l-isfidi li jiffaċċjaw in-nisa fil-postijiet tax-xogħol. Kliemha jistedinna nirriflettu dwar l-importanza ta’ sforz produttiv u impenjat u dwar il-ħtieġa li dejjem inżommu għolja d-dinjità tal-persuna umana.
Francisco Martin ikkonferma dan għalkemm mill-perspettiva tal-vokazzjoni saċerdotali. Hu tana ħjiel tar-realtà sabiħa ta’ tant żgħażagħ li jingħataw kompletament lil Alla għas-salvazzjoni ta’ ħuthom. Ma ħebiex id-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom sakemm sab il-kuraġġ li jgħid “iva”, il-fiat tiegħu, “iva Mulej”. Madankollu minn kliemu lkoll nistgħu nifhmu li l-għotja sħiħa tal-persuna lil Alla ġġib magħha ferħ u serenità profonda. Ħajja mogħtija lil Alla hi ħajja ta’ ferħ, imma trid tiġġedded kuljum bit-talb, bis-sagramenti u ħin flimkien mal-aħwa li l-Mulej jibgħatlek fi triqtek. Fil-komunjoni tal-qlub u fl-azzjonijiet ġentili lejn min hu fil-bżonn, jibqgħu jiġġeddu bla waqfien il-mirakli tal-karità. Għalhekk, jekk tħoss li Kristu qed isejjaħlek timxi fit-triq tal-konsagrazzjoni speċjali tiegħu – bħala saċerdot, reliġjuża, reliġjuż jew katekist – tibżax timxi fuq il-passi tiegħu. Kif wiegħed Hu stess, u li jien nixtieq ngħidilkom b’enfasi llum – intom tirċievu “mitt darba aktar u … il-ħajja ta’ dejjem” (Mt 19-29).
Għeżież ħbieb, ġejtu għal din il-laqgħa mal-familji tagħkom. Huma l-art fertili li fiha t-tkabbir uman u Nisrani tagħkom, bħal siġra żagħżugħa u delikata, iniżżel l-għeruq tiegħu. Għal dir-raġuni nistieden lil kulħadd biex jiżżi ħajr lil Alla għad-don tal-għeżież tagħkom. Kif issuġġerew Purificación u Jaime Antonio, afdaw lilkom infuskom f’idejn il-Mulej, sabiex il-familji tagħkom jikbru fl-għaqda u jilqgħu l-ħajja bħala rigal li jgħożżu u jrawmu, aħna w mixjin lejn il-Mulej, il-Mulej li hu “t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14,6). Ħafna minnkom qed jitħejjew għas-sagrament taż-żwieġ. Iż-żwieġ u l-ġenitorjalità hi missjoni eċċitanti – patt li jingħex ġurnata wara oħra. B’dal-patt intom tibqgħu kontinwament tiskopru lil xulxin intom u tikkoperaw ma’ Alla fil-miraklu tal-ħajja u fil-bini tal-ferħ tagħkom u ta’ uliedkom. Kunu lesti li tħaddnu dis-sejħa bħala vjaġġ ta’ mħabba vera li tisseddaq fil-libertà; bħala vjaġġ ta’ tama, imnissel mill-għarfien li Alla qatt ma jabbandunakom; bħala vjaġġ lejn il-qdusija li fih intom tfittxu dejjem il-ġid u l-ferħ tal-oħrajn.
Irrodd ħajr minn qalbi lil Victor Antonio li qasam magħna l-istorja tiegħu b’tant sinċerità u kuraġġ. Kliemu jgħinna nifhmu aktar fil-fond il-valur ta’ dak li qed nirriflettu dwaru. It-testimonjanza tiegħu tista’ tħawwadna imma ma taqtgħalniex qalbna. Pjuttost tistedinna biex nibnu dinja aħjar – dinja mibnija fuq ir-rispett għall-ħajja li qed tiffjorixxi u fuq sens ta’ responsabbiltà lejn it-tfal u lejn l-aktar vulnerabbli fostna. Victor Antonio fakkarna li biex nilqgħu l-ħajja hemm bżonn l-imħabba, l-impenn u l-attenzjoni. Dal-kliem minn fomm persuna żgħażugħa għandu jgħinna nirriflettu serjament dwar l-importanza tal-protezzjoni u l-ħarsien tal-familja u tal-valuri li jiġu mgħallma fi ħdanha. Ejjew nikkultivaw, ngħixu u nkunu xhieda ta’ dawn il-valuri anki meta dan jitlob minna sagrifiċċju jew meta l-ġudizzji, il-preġudizzji u l-istereotipi jidhru qed inaqqsu l-valur tagħhom, kif qalu Jaime Antonio u Purificación. Familja li taf tilqa’ u tħobb issir sors ta’ dawl u għożża. Rigward dan, il-Papa Franġsiku ħallielna kliem mill-isbaħ dwar il-familja. Kien qal: “ il-koppja tal-missier u l-omm bl-istorja ta’ mħabbithom … il-koppja li tħobb u tnissel il-ħajja hi ikona vera u ħajja … mera ta’ Alla Ħallieq u Salvatur” (cfr Eż. App. Amoris laetitia 9,11).
Għeżież żgħażagħ, ġenituri u intom ilkoll preżenti, inħallu s-sbuħija tal-imħabba tispirana; ejjew inkunu xhieda tal-imħabba li ħallielna u għallimna Ġesù! Ejjew ta’ kuljum nuru kemm hu sabiħ li tħobb – li l-akbar ferħat, f’kull sitwazzjoni, jitnisslu mill-fatt li nagħrfu kif nagħtu u kif ningħataw, speċjalment meta nnewlu jdejna lil min hu l-aktar fil-bżonn. Id-dawl tal-karità, imrawwem fi djarna, mantnut bil-fidi, jista’ verament jittrasforma d-dinja – anki l-istrutturi u l-istituzzjonijiet tagħha – ħalli kull persuna ssib rispett u ħadd ma jitħalla barra (cfr Franġsiku, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Ikel, 14 ta’ Ottubru, 2022). Ħuti, ejjew ilkoll flimkien nagħmlu riżoluzzjonni soda, impenn ferrieħ sabiex Kristu mislub u rxuxtat – id-dawl tal-Guinea Ekwatorjali – imexxina lkoll lejn ġejjieni mimli tama. Kristu, id-dawl tal-Guinea Ekwatorjali!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber