Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Il-Klarissi huma Nazaret f’Għawdex

Il-Klarissi huma Nazaret f’Għawdex


It-Tlieta 22 ta’ Awwissu 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fis-sitt anniversarju mill-ftuħ tal-Monasteru tal-Klarissi, Kappella tal-Monasteru tal-Klarissi, il-Belt Victoria.

Wara li dakinhar tat-Tħabbira tal-Anġlu seħħ id-djalogu bejn l-Anġlu u Marija f’Nazaret, id-dar ta’ Marija nbidlet f’santwarju. Nilmaħ tliet karatteristiċi partikulari f’dan is-santwarju.

Din id-dar saret post ta’ dixxerniment fejn Marija baqgħet tfittex u tistħarreġ x’ried Alla minnha u kif kellha twieġbu. Kif għidt fl-aħħar Ittra Pastorali tiegħi, “meta wieħed jittama, ma jfissirx li dan joqgħod jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu! It-tama hija frott ta’ dixxerniment għaqli li wieħed jagħmel biex isib triqtu… Id-dixxerniment, li huwa eżerċizzju li jieħu ż-żmien, huwa meħtieġ, għax ir-realtà mhix dejjem dik li tidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn”.

Wara l-ġrajja tal-Anġlu, id-dar ta’ Nazareth saret santwarju tal-preżenza ta’ Alla. Dakinhar l-Iben ta’ Alla sar bniedem fil-ġuf ta’ Marija u beda jgħammar magħna l-bnedmin. Permezz ta’ Marija, Alla waqqaf it-tinda tiegħu fostna u hekk ġiet imxejna d-distanza li kienet tifred lil Alla mill-umanità.

Wara ż-żjara tal-Anġlu, id-dar ta’ Marija saret santwarju tal-bniedem. Għax meta Ġesù sar bniedem, hu ngħaqad ma’ kull bniedem u hekk kull bniedem seta’ jfittex il-kenn tiegħu f’dan is-santwarju. Id-dar ta’ Ġesù li ġie biex ifittex in-nagħġa l-mitlufa ta’ Iżrael saret id-dar li għandha l-bibien miftuħa beraħ għal kulħadd, imma b’mod partikulari għal dawk li jħossuhom mitlufin.

2017-08-22-PHOTO-00000015Bħal-lum sitt snin ilu, is-sorijiet Klarissi meddew riġlejhom f’Għawdex. Għandna tassew għaliex irroddu ħajr lil Alla għax din il-komunità kontemplattiva hija rigal imprezzabbli għalina. F’dan il-jum nawgura li dan il-monasteru ċkejken ikun “Nazaret” f’Għawdex, u għalhekk ikun:

Santwarju ta’ dixxerniment, billi intom is-sorijiet toffru akkumpanjament lil dawk li qegħdin jistaqsu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalihom. Ħasra li hawn Insara li huma ħerqana biex ikunu jafu l-pjan li Alla ħejja għalihom u ma jsibux min jgħinhom. Nifhem li dan mhux qadi ħafif, għax Alla jaf jikteb dritt fuq linji mgħawġin; Santwarju tal-preżenza ta’ Alla, tant li min jgħaddi minn dawn l-inħawi jxomm il-fwieħa ta’ Alla ħierġa minn dan il-monasteru. Nixtieq li dawk li jiġu jħabbtu fuq il-bieb tagħkom ma jiġux biss biex jitolbukom tinterċedu għalihom quddiem Alla, imma li huma stess jixxennqu biex jissieħbu fil-ħajja kontemplattiva tagħkom, partikularment waqt it-talb u l-adorazzjoni lil Ġesù Sagramentat; Santwarju tal-bniedem, fejn kull min għandu bżonn tal-faraġ, tas-sapport u tat-tama jħossu milqugħ u maħbub. F’soċjetà li saret selettiva u tiskarta lil min hu bla sura, ħa jkun dan il-monasteru oasi ta’ serħan uman u spiritwali għal kulħadd mingħajr ebda għażla; anzi, jekk ikun meħtieġ, nissuġġerilkom li tagħmlu diskriminazzjoni pożittiva favur dawk li tilfu kull sura, anki spiritwali.

Bl-interċessjoni ta’ Marija Reġina, illum, festa tagħha, nitlob lil Alla jkompli jseddaq lil dan il-monasteru b’aktar vokazzjonijiet.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: