Belt tal-Vatikan: Aktar kmieni din il-ġimgħa bdiet iż-żjara ta’ kull ħames snin “ad limina apostolorum” (f’riġlejn l-Appostli) tal-11-il isqof tal-Honduras.
Fi kliem l-arċisqof ta’ Tegucigalpa, il-Kardinal Oscar Rodrigues Maradiaga, il-laqgħa tagħhom mal-Papa kienet waħda li fiha l-Qdusija Tiegħu ried jaf mingħand il-prelati x’inhi r-realtà tal-Knisja fil-Honduras.
Din l-ewwel laqgħa kienet kordjali ħafna, afferma l-Kardinal waqt intervista mal-ġurnalista Patrizia Ynestroza, okkażjoni li fiha deher stil ġdid ta’ kif isiru dawn il-laqgħat “ad limina”.
L-ewwel ma sar kien li kull isqof qatta’ ftit minuti jitkellem personalment mal-Papa Franġisku. Din id-darba, qal il-Kardinal Maradiaga, il-11 li aħna kellna diskursata fraterna, sabiħa, dwar ir-realtà tal-Knisja tagħna. Kull isqof ma tkellimx biss dwar id-djoċesi tiegħu imma dwar il-Knisja kollha.
Fil-Knisja tagħna, kompla jgħid, hemm ħafna sinjali pożittivi li żviluppaw żjara “ad limina” tagħna, li konna għamilna mal-Papa Emeritu Benedittu XVI, fl-2008.
Minn dak iż-żmien kien hemm tkabbir sħiħ fil-ħajja tal-Knisja, twieldu wkoll tliet djoċesijiet ġodda. Dan ifisser li kien hemm żvilupp fil-Knisja tagħna tant li żdied ukoll l-għadd tas-seminaristi.
Fiż-żewġ seminarji li għandna fil-pajjiż, bħalissa hemm jitħejjew għall-ordni sagri 200 seminarist.
Minbarra dan, issokta jgħid il-Kardinal Maradiaga, żdiedet ukoll il-parteċipazzjoni tal-lajċi. Dan l-aħħar kellna wkoll iż-żjara tar-relikwija tal-Liżar ta’ Kristu. Kien avveniment nazzjonali li qanqal ħafna lill-poplu kollu.
Bosta pellegrini żaru l-postijiet differenti kull fejn kienet esposta s-Sindone: f’San Pedro Sula, it-tieni l-akbar belt u f’Tegucigalpa, fil-Bażilika tas-Sinjura Tagħna ta’ Suyapa, l-għadd ta’ pellegrini kien kbir bħal meta jkollna l-festa tal-Madonna., qal il-Kardinal Oscar Rodrigues Maradiaga.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija