Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Katekisti biex iddewqu l-imħabba

Katekisti biex iddewqu l-imħabba


Il-Ħamis 21 ta’ Settembru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, waqt Quddiesa għall-katekisti fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, organizzata mill-Uffiċċju Kateketiku Djoċesan ta’ Għawdex.

 

Kif wieħed jista’ jfisser ir-reazzjoni spontanja u immedjata ta’ Mattew meta Kristu jiltaqa’ miegħu? Mhux faċli tispjega l-bidla kbira li dakinhar seħħet f’Mattew. Is-soltu wieħed jieħu ż-żmien biex jibdel fehemtu jew l-għażla li jkun għamel; imma hawn għandna raġel li hekk kif iltaqa’ ma’ Kristu, għamel u-turn fil-ħajja tiegħu.

Jien naħseb li Ġesù ltaqa’ ma’ Matttew f’mument preċiż ta’ ħajtu: meta Mattew kien qed ifittex tweġiba għall-mistoqsijiet li kellu fil-qiegħ ta’ qalbu. Mattew kien jiġbor it-taxxi u għalhekkk kellu but fond u mimli; imma mid-dehra kien jonqsu xi ħaġa li sabha fil-persuna ta’ Ġesù. Kien għalhekk li meta ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Ġesù, huwa għamel bidla li ma tiftehimx.

Min jaf kemm hemm “Mattewijiet” fid-dinja tal-lum! Min jaf kemm niltaqgħu ma’ persuni, kbar u żgħar, li jidhru li huma stabbli u li rnexxew fil-ħajja, imma qegħdin ifittxu u jistaqsu għax f’qalbhom hemm dak li Santu Wistin isejjaħlu “nuqqas ta’ serħan”! Dawn qegħdin jistennew dak il-mument fl-istorja fejn jiltaqgħu ma’ xi ħadd li jimlilhom qalbhom.

Fid-dawl ta’ din l-esperjenza jien nara li l-missjoni tagħna bħala katekisti hija dik li niffaċilitaw il-laqgħa bejn Ġesù u l-bniedem tal-lum, li għandu kollox imma fl-istess waqt iħossu battal u għalhekk huwa mxennaq biex isib lil xi ħadd li joffrilu sens fil-ħajja. Għeżież katekisti, nixtieqkom tkunu medjaturi biex il-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù. Aħna konvinti li meta l-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù, ħajtu tieħu kulur u tifsira differenti.

Għalhekk il-ministeru tagħna bħala katekisti ma jistax ma jkunx imħeġġeġ b’passjoni u entużjażmu. Ċerta telqa u apatija fina l-katekisti ma tirriflettix tajjeb, għax dan ikun ifisser li aħna stess inkunu għadna ma skoprejniex lil Kristu. Ħadd ma jista’ jagħti minn dak li ma għandux.

Meta nirriflettu dwar il-mod kif seħħet il-laqgħa bejn Ġesù u Mattew, naraw li għall-ewwel Ġesù tefa l-ħarsa kollha mħabba fuqu, imbagħad beda jitkellem miegħu u jfissirlu. Għalhekk l-azzjoni kateketika ta’ Ġesù għandha żewġ livelli: l-ewwel huwa ħabb lil Mattew, imbagħad xħin l-imħabba tiegħu sabet triqtha fil-qalb ta’ Mattew u dan fetaħ qalbu, imbagħad Kristu seta’ jkompli jgħaddilu l-“Kelma”.

Hemm ir-riskju li bħala katekisti aħna naqbżu l-ewwel pass u ngħaddu d-“duttrina” jew il-kontenut mingħajr ma nkunu qabbadna l-qalb ta’ dawk fdati fil-kura tagħna. Huwa minnu li biex tasal għall-qalb, trid ħafna sabar, imħabba u mogħdrija. Hekk għamel Ġesù ma’ Mattew – miserando atque eligendo – b’ħarsa kollha miżerikordja huwa sejjaħlu! Ġesù jħoss għal Mattew, u Mattew iħoss din l-għożża. Mattew intebaħ li Kristu għandu qalb tħabbat għalih – qalb li għandha interess ġenwin fih. Għalhekk huwa nħall u fetaħ qalbu għall-Kelma.

Dan huwa li nawguralkom, għeżież katekisti: li fit-twettiq tal-missjoni tagħkom tfittxu li l-ewwel tkellmu lill-qalb ta’ dawk li l-Mulej qiegħed jafdalkom. Qabel ma intom “għalliema”, intom persuni li ddewqu l-imħabba. Għinuhon jintebħu li intom tħobbuhom tassew. Meta dawn jikkonvinċu ruħhom li aħna qegħdin hemm għalihom – li aħna tagħhom – imbagħad il-proċess kateketiku jeħfief.

Ma nixtieqx li jkun hemm xi ħadd li jaqta’ qalbu minn dan il-mandat ta’ katekisti li l-Knisja qiegħda tafdalkom. Il-kappillani, li napprezza l-impenn tagħhom għat-tiġdid f’qasam daqshekk vitali bħalma hija l-katekeżi, jgħiduli li ħafna drabi jkun hemm min jibqa’ lura milli jaċċetta l-uffiċċju ta’ katekista; huma jgħiduli wkoll li jkollhom jiddedikaw ħafna enerġija biex jakkumpanjawkom ħalli ma taqtgħux qalbkom bħala katekisti.

Ma ninsewx li San Mattew huwa katekista. Huwa kiteb il-Vanġelu għax kien katekist għall-komunità ekkleżjali tiegħu. Imma Mattew ma twelidx katekista; anzi, huwa kien dak li għalih Ġesù qal li t-tabib jeħtiġuh il-morda u mhux dawk b’saħħithom. Mattew kien imqareb. Imma minkejja kollox, il-Mulej lilu sejjaħ u fdalu l-missjoni ta’ katekista.

Għalhekk, tħallux lit-Tentatur ifixkilkom xħin tiġu konxji tal-limitazzjonijiet tagħkom, kemm dawk didattiċi u kemm spiritwali. Ħallu l-grazzja ta’ Alla taħdem fikom. Anzi, inħeġġiġkom biex fl-impenn tagħna biex ikollna Knisja ministerjali tgħinuna biex din is-sejħa ssir lil ħafna lajċi oħra. Jien naf b’mara li llum għandha tmenin sena u għandha dispjaċir għax meta kienet żgħira fl-età ħadd fil-Knisja ma stedinha biex tkun katekista. Ma nixtieqx li nittraskuraw dawn is-sejħat fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna.

Fil-bidu ta’ din is-Sena Kateketika ġdida, inqiegħed lilkom, katekisti, taħt il-ħarsien tal-Madonna Ta’ Pinu. Marija hija l-mara li laqgħet il-Kelma u għaddietha lill-oħrajn. Marija hija l-katekista mhux biss tal-Appostli imma saħansitra ta’ Ġesù nnifsu. Nitlobha tieqaf magħkom fil-missjoni li għandkom biex twasslu lil Ġesù għand il-bniedem tal-lum.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: