Home > Minn Fr Michael Bugeja > Evanġelju tat-Tlieta, 26 ta’ Settembru 2017

Evanġelju tat-Tlieta, 26 ta’ Settembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja

Luqa 8, 19-21

“Ommu u ħutu ma setgħux jarawh minħabba l-folla.” Kien hemm ieħor li ma setax jarah minħabba l-folla: Żakkew. Biex tgħaqqadha, dak kien qasir ukoll. Żakkew għeleb id-diffikultà u mhux biss irnexxilu jarah, iżda sar il-protagonosta tal-Kelma li sema’ u laqa’. Sar ommu u ħuh. Sar il-familja tiegħu.

San Luqa ma jagħtiniex ir-raġuni għalfejn ommu u ħutu marru jfittxu li jarawh. L-Evanġelista Marku jgħidilna li mhux biss marru biex jaraw, iżda biex iżommuh, forsi biex jieħdu ħsiebu għax semgħu li tilef moħħu. Donnu ommu u ħutu għall-ewwel iktar taw kas tal-kelma tal-bnedmin, tal-opinjonijiet u l-konklużjonijiet dwaru milli ta’ Ġesù nnifsu. Kienu mħassbin għalih għax ma kienx qed iġib ruħu skont il-kriterji tan-nies li għaddewh barra minn sensih.

Il-frażi “ma setgħux jarawh minħabba l-folla” għandu mnejn għandha żewġ tifsiriet. Kien fiżikament impossibli jaraw lil Ġesù għax tant kien hemm nies li ma setgħux jersqu lejh. Imma ista’ jkun li l-fatt li iktar taw kas tal-opinjoni tal-folla, bena sur bejnhom u bejn Ġesù.  Il-folla għandha influwenza kbira fil-ħajja tal-bniedem. Il-folla tissettja r-regoli, toħloq in-normi, tifforma l-opinjonijiet, tperreċ l-impressjonijiet; il-folla toħloq verità li tkun aċċettata minnha u tneżża lill-individwu mill-ħila li jara, josserva, jirrifletti u jasal għal konklużjoni li twasslu biex jieħu deċiżjoni.

Fil-vrus ta’ qabel Ġesù kien għadu kif saħaq: “oqgħodu attenti kif tisimgħu”. L-emfasi ta’ Ġesù huwa dejjem fuq żewġ verbi, meta seta’ faċilment juża wieħed. Seta’ kieku ried juża biss dak li nużaw aħna fil-mod kif nitkellmu: tagħmel ir-rieda ta’ Alla, tobdi. Iżda Ġesù jagħfas fuq l-esperjenza personali: tisma’ u mbagħad tagħmel dak li tisma’. Il-periklu tagħna fuq ħafna livelli ta’ ħajjitna, tista’ tgħid kważi kollha, jinbena fuq dak li nisimgħu lil ħaddieħor jgħid dwar xi ħaġa jew xi ħadd. Imma l-parir ta’ Ġesù huwa: isma lil Alla u agħmel dak li jgħid hu, mhux isma dwaru u imxi mal-kurrent tal-folla. Il-folla ma tħallikx tara l-verità ta’ Alla. Il-folla turik il-verità tagħha mibnija fuq il-ħtiġijiet, l-opinjonijiet u kultant il-kapriċċi tagħha u lesta tiġġustifika b’kull mezz anke l-iżbalji tagħha.

Il-verità ta’ Alla mhix riżultat ta’ referendum fejn tirbaħ il-maġġoranza. Il-verità ta’ Alla hija mibnija fuq l-imħabba li kontinwament toħroġ mingħandu mmirata lejn il-bniedem. Ma tinbidilx għax illum l-2017. F’kull żmien tagħti lill-bniedem mhux dak li ħaqqu jew dak li hu moda, imma dak li jeħtieġ. Għalhekk min jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jagħmel dak li jgħid hu ma jiżbalja qatt u ma joħloq inġustizzja qatt u għalhekk isir il-familja, it-tempju u l-ġisem ta’ Kristu fuq din l-art. Isir il-persuna, joħloq is-sitwazzjoni, isib ż-żmien u jkun preżenza ta’ Kristu li jgħajjex fost il-bnedmin, mal-bnedmin u għall-bnedmin. Il-folla tista’ tgħoddok b’miġnun jew moħħok magħluq, iżda ebda folla ma tista’ żżommok milli tisma’ il-parir ta’ min tassew iħobbok u timxi fuqu.

Ara ftit x’qed tisma’ jew taqra bħalissa u kif qed jinfluwenzalek ħsibijietek, għemilek u ħajtek u r-relazzjonijiet tiegħek mal-oħrajn u qabblu mal-parir li qed jagħtik Alla. Min hu tassew f’sensih? Ara u qis min iridek tinġarr mill-folla jew tkun maħbub u ħieles biex tħobb.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: