Is-Sorijiet Agostinjani f’Għawdex fakkru l-Fundatriċi tagħhom.

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt: 7 ta’ Ottubru 2017: Illum is-Sorijiet Agostinjani f’Għawdex fakkru lill-Venerabbli Maria Teresa Spinelli, Fundatriċi tagħhom. Waqt quddiesa għal din l-okkażjoni Mons Mario Grech qal li għalkemm il-Qaddejja ta’ Alla Madre Maria Teresa Spinelli, il-Fundatriċi tas-Sorijiet Agostinjani, kienet Taljana, hija benefattriċi tal-gżejjer Maltin u f’dawn il-wieħed u sebgħin sena l-preżenza tas-Sorijiet Agostinjani fid-Djoċesi kienet barka mis-Sema.

Huwa kompla jgħid li l-fatt li dan l-aħħar il-Papa Franġisku rrikonoxxa lil Madre Maria Teresa Spinelli bħala Venerabbli għandu jistimulana biex insiru nafuha aktar mill-qrib. Madre Spinelli hija mara oħra fid-damma kbira ta’ dawk in-nisa Nsara li għamlu ġid kbir lis-soċjetà. Hija ħasra li ħafna llum ma aħniex konxji ta’ kemm mal-medda tas-snin fil-Knisja kien hemm nisa, fosthom Madre Spinelli, li kienu strumenti ta’ bidla. F’diversi każi, il-moviment ta’ tiġdid li qabdu snin ilu dawn in-nisa għaddu għaddej.

L-edukazzjoni tat-tfajliet foqra kienet appostolat ħafna għal qalb Madre Spinelli. Kif insibu fil-bijografija tagħha, Spinelli kienet “tqis it-tagħlim kulturali, ċivili, morali u reliġjuż, b’mod partikulari tal-mara, il-karità l-aktar urġenti tas-soċjetà ta’ żmienha. Kienet temmen li l-formazzjoni tlibbes lill-bniedem bid-dinjità morali u b’ħila professjonali u tagħmlu aktar kapaċi jifhem l-ogħla ħidma li għaliha hu msejjaħ: li joqrob dejjem aktar lejn ix-xbieha tal-Ħallieq tiegħu”.

Mons Grech temm jgħid li għalkemm għaddew is-snin u nbidlu ż-żminijiet, il-kariżma tal-Ordni tas-Sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesù u Marija mwaqqaf minn Madre Maria Teresa Spinelli għadha valida llum ukoll. Huwa talab lill-Mulej ibierek din l-opra ta’ Madre Spinelli b’aktar vokazzjonijiet biex dawn is-sorijiet jissuktaw bl-appostolat tagħhom fil-qasam tat-tagħlim u l-formazzjoni Nisranija tat-tfal u ż-żgħażagħ. L-Isqof Grech talab ukoll biex il-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ Madre Spinelli ma jdumx ma jiġi fit-tmiem tiegħu.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading