Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħadd, 3 ta’ Diċembru 2017. L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

L-Evanġelju tal-Ħadd, 3 ta’ Diċembru 2017. L-Ewwel Ħadd tal-Avvent


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php

Mk 13, 33-37

Għalaqna s-sena liturġika bi twissija biex noqgħodu attenti u l-Knisja tiftaħ is-sena liturġika bi twissija oħra. Iżda filwaqt li t-twissija tal-bieraħ għandha l-għan li ma tħalliniex naljenaw rasna waqt il-mixja, b’mod speċjali qrib it-tmiem li ma nafux meta jseħħ, it-twissija tallum biex nishru, darba tnejn tlieta, għandha l-għan li s-sahra tagħna tkun sfond għas-sejħat li Alla jagħmlilna f’kull żmien.

Iż-żmien tal-Avvent huwa mfassal biex aħna nħejju ruħna għal żewġ miġjiet. Waħda hija t-tifkira ta’ miġja li ġa seħħet u l-oħra hija t-tfakkira għall-miġja l-oħra li għandha sseħħ: it-tieni miġja, meta Ġesù stess jerġa’ jiġi fil-glorja u kull glorja oħra, miksuba jew ivvinitata, tisfa’ fix-xejn.

Li tkun moħħok f’li qed tagħmel hija l-bażi, il-pedament ta’ kull ma nagħmlu f’ħajjitna. Jista’ jkun faċli għal ħafna li jibqgħu b’għajnejhom miftuħa binhar, għalkemm hawn min jongħos matul il-jum ukoll, iżda billejl huwa iktar diffiċli. Ġesù jsemmi s-sigħat tad-dlam, filgħaxija, f’nofs illejl, meta jidden is-serduk u mas-sebħ (li bejn wieħed u ieħor huma d-disgħa tal-billejl, nofsillejl, it-tlieta u s-sitta ta’ filgħodu) is-sigħat li, minħabba l-għejja u n-nagħas, il-bniedem ikun iktar dgħajjef, ikun maħkum mid-dgħufijiet tal-imgħoddi u mhux ċert x’se jiġri wara s-sebħ; is-saħħa tkun dgħajfa, ir-rieda tkun imċajpra mill-għejja u d-dlam itellef il-viżjoni bil-biża’ u bl-inċertezzi.

Il-messaġġ ta’ Ġesù mhux kumplikat iżda konkret ħafna. Ma jitkellimx dwar imġieba waħda partikulari iżda dwar attitudni sħiħa tal-bniedem. F’li wieħed jorqod u jistrieħ m’hemm xejn ħażin, iżda jekk xi ħadd irid ikun attent ma jistax iċedi l-attenzjoni tiegħu imqar għal ħin wieħed, qasir kemm hu qasir. Għalhekk kliem Ġesù huwa parir biex ma nċedu qatt l-attenzjoni tagħna, iktar u iktar fil-mumenti tad-dlam.

Id-dlam mhux biss meta ngħaddu mit-tbatija, iżda jista’ jkun id-dlam tal-konfużjoni fil-ħsieb, fil-ħajra li ninġarru mal-kurrent, fid-dubji u s-suspetti li dak li nemmnu hu fantasija, fil-frustrazzjoni li dak li qed nagħmlu hu kollu għalxejn, fis-supett li l-eżistenza tagħna hija iżolata min Alla li donnu mhux hemm, fil-ħsieb li l-bnedmin l-oħra u Alla nnifsu qed jikkompetu magħna, biex jgħadduna u jumiljawna, fil-ħass tal-iżolament minn kollox u min kulħadd, fid-dgħufija tan-nuqqas ta’ ħila tagħna biex nibdlu l-ħajja għall-aħjar, fit-tentazzjoi li naħsbu li l-ħażen hu aqwa mit-tajjeb u għalhekk jaqblilna nissieħbu miegħu. Dan hu dlam. Din hi l-illużjoni ta’ bejn is-sens u n-nuqqas tiegħu.

Iżda Alla jsejjaħ f’kull ħin. L-istedina tiegħu ma tieqafx mal-għaxija tal-jum. Alla m’għandux serħan fis-sejħan tiegħu. Isejjaħ dejjem u lil kulħadd. Il-kelma tiegħu, biex tinstema’, tinħtieġ attenzjoni sensittiva li tagħraf mhux biss il-leħen, imma minn fejn ġej u għalfejn ġej, tagħfu minn ilħna oħra li jgħajtu u jwerżqu f’moħħna u fi qlubna. Għalhekk huwa ta’ siwi li nishru b’għajnejna miftuħa.

Illum din it-twissija tiswilna iżjed. Hija twissija biex, filwaqt li f’nofsllejl ta’ ftit jiem oħra nisimgħu bl-aħbar li l-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna, ma norqdux ftit wara u ninsew li għandu jerġa’ jiġi. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel miġja tiegħu fil-Milied, għandha timlilna qalbna bit-tama tat-tieni miġja tiegħu fl-aħħar taż-żmien.

J’Alla, biex tassew nistgħu nishru dejjem u l-ħin kollu, f’qalbna jkun hemm dejjem il-ħsieb u t-talba tal-Knisja mir-rit tat-tqarbin fil-Quddiesa: Eħlisna, nitolbuk, Mulej minn kull deni; agħtina, fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Il-paċi fi żmienna, biex inkunu ħielsa dejjem mid-dnub u mħarsa minn kull inkwiet, aħna u nistennew u nittamaw il-hena u l-miġja tas-Salvatur tagħna Ġesu’ Kristu.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: