Home > Lectio Divina > Lectio Divina tat-Tieni Ħadd  tal-Avvent Sena B

Lectio Divina tat-Tieni Ħadd  tal-Avvent Sena B


Vanġelu (Mark: 1. 1-8): Fl-1 seklu u nofs tal-Knisja, il-kelma “Vanġelu” kienet tirreferi mhux għal xi ktieb imma għal kwalunkwe aħbar tajba: rebħa fuq l-għadu, rebħa f’tellieqa, twelid ta’ imperatur.  Naturalment, il-ferħ li jġibu aħbarijiet bħal dawn ma kellux ħajja twila.  B’hekk S. Mark jibda r-rakkont tiegħu bl-Aħbar (THE news) li se tibqa’ dejjem tajba. Il-Lhud fl-eżilju tal-Babilonja kienu jistennew l-aħbar tal-ħelsien tagħhom.  Meta waslet fil-qrib il-profeta jgħid: “Int (evanġelizzatur), li tagħti aħbarijiet tajba, mur Ġerusalemm u għidilha li uliedha dal-waqt se jerġgħu lura…. Kemm huma sbieħ ir-riġlejn ta’ dawk li jwasslu l-aħbar tajba” (Is. 52).  Din l-Aħbar bdiha Kristu, Bin Alla, u trid titkompla minn l-imgħammdin kollha. Ġesu msejjaħ  ‘Messija’ (7 darbiet), i.e. dak li kien mistenni li, meta jiġi, jagħti bidu għal dinja ġdida. Imsejjaħ ukoll ‘Bin Alla’, i.e. dak li Alla jixbhu. Mela, Alla jixbah lil Ġesu – in-nies se jagħrfu ‘l Alla f’Ġesu. Il-frażi ‘Bin Alla’ nisimgħuha fil-magħmudija ta’ Ġesu, fit-Trasfigurazzjoni u fuq il-Kalvarju fuq fomm iċ-ċenturjun.

  1. L-ewwel persunaġġ li jidħol fix-xena ta’ S.Mark mhuwiex Ġesu imma Ġwanni. “Jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi (anġlu) biex iħejji triqtek.” Bħalma Mose’ kien ‘l-anġlu’ mibgħut mill-Mulej biex iħejji t-triq tas-salvazzjoni mill-jasar tal-poplu Lhudi, hekk fis-silta tal-lum għandna anġlu ieħor, mibgħut mill-Mulej, biex iħejji t-triq għal Ġesu. F’dinja fejn ħafna kienu (u għadhom sal-lum) skjavi ta’ vizzju jew ieħor, jew fis-sakra tal-poter, eċċ, kien hemm bżonn ta’ xi ħadd li joħroġ lil dawn in-nies mill-iskjavitu għall-liberta.  Din ma tfissirx ‘nagħmel li rrid’ imma nagħmel għażliet li jixirqu d-dinjita ta’ bniedem uman mhux bhima salvaġġa.  Dan ix-xi ħadd hu l-Mulej, imma,  qabel jidħol f’did-dinja ta’ skjavitu, kellu bżonn lil min iħejjilu t-triq.  Ġwanni l-Battista wettaq din il-missjoni, u għadu jwettaqha sal-lum permezz ta’ dawk kollha li jwittu t-triq għall-miġja tal-Mulej.  Dan jagħmluh billi (a) jgħollu leħenhom (fid-deżert, fejn ħadd ieħor ma jagħmel hekk) kontra l-inġustizzji, l-immoralita u kontra dawk li jridu jifgaw il-kuxjenza tagħhom u tal-oħrajn; (b) jgħinu lill-oħrajn  jagħmlu eżami tal-kuxjenza ta’ kif qed jgħixu ħajjithom, biex jaraw humiex iħejju ruħhom sewwa għall-miġja ta’ Ġesu, jew għadhomx skjavi tal-egoiżmu u vizzji oħra; (ċ) ma jibqgħux indifferenti quddiem abbużi politiċi, soċjali u kulturali, u b’hekk iżommu ħajja x-xewqa tal-bidla għall-aħjar fid-dinja l-ġdida li waqqaf Kristu.
  2. “..hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert.” Ma nafu xejn fuq it-trobbija tiegħu. Naqraw mill-ewwel fuq il-missjoni tiegħu. Il-magħmudija kienet komuni dak iż-żmien. Il-proseliti li riedu jħallu l-paganiżmu u jissieħbu fil-Ġudeiżmu kienu jgħaddsuhom fl-ilma biex b’hekk ‘imutu’ għall-ħajja l-antika u jitwieldu għall-ġdida.  Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet biss tħejjija biex jilqgħu dik proprja ta’ Kristu li biha wieħed jiġi mgħaddas fil-Ħajja Divina.  Ġwanni kien ixandar “magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.” Il-kelma metanoia tfisser ‘bdil ta’ ras’ jew aħjar bdil tal-qalb, konverżjoni.  Wieħed kien jiħtieġlu jbiddel il-mod kif jaħsibha fuq Alla.  Jekk jaħseb li Alla hu mħallef sever li jikkastiga bla ħniena (bħalma għad hawn min jaħseb illum), issa jrid jikkonvinċi ruħu li dan hu idolu maħluq minna l-bnedmin. Min jadura lil dan alla, ikun qed jadura alla falz. Min irid iħalli lil Kristu jidħol f’ħajtu biex jeħilsu minn dan il-jasar, irid, mhux biss jimmodifika ftit dan il-ħsieb, imma jaqilbu ta’ taħt fuq.  B’hekk ikun jista’ jidħol f’moħħna Alla veru, Alla serv tal-bniedem għall-imħabba.  Din il-bidla fil-ħsieb hija neċessarja biex tkun tista’ tiġi t-tieni waħda, dik tal-imġieba morali.  Għax jekk l-ewwel waħda ma sseħħx, nibqgħu naħsbu fuq Alla mħallef li jiddomina u jikkastiga, u aħna nkunu rridu nagħmlu bħalu: niddominaw, niġġudikaw u nikkastigaw.
  3. L-imġieba morali tiegħi tiddependi fuq l-iskala tal-valuri. Jekk fil-quċċata tal-iskala npoġġi l-flus, nagħmel minn kollox biex nakkwista.  Min jgħinni nagħmel dan isir ħabib; min le, għadu. B’din l-imġieba, l-imħabba tal-proxxmu tispiċċa fil-qiegħ. Konverżjoni tal-imġieba morali titlob li jien naqleb dawn il-valuri ta’ taħt fuq.  Fuq nett irrid nagħżel li nagħmel minn kollox biex nara l-proxxmu servut u ferħan.
  4. “.. u kienet tmur il-Galilija kollha u n-nies ta’ Ġerusalemm.” Wara li l-poplu Lhudi kien għadda mid-deżert, qasam il-Ġordan u Ġożwe’ daħħlu fl-Art Imwiegħda, l-art tal-ħelsien.  Maż-żmien, tilfu l-ħelsien għax saru skjavi tad-dnub.  Mela Ġwanni ġibidhom lejh u ħajjarhom jerġgħu ftit lura fid-deżert in-naħa l-oħra tax-xmara, jindmu minn dnubiethom, jaħsluhom fix-xmara, u jitilgħu mill-ilma lejn l-Art Imwiegħda, did-darba ħielsa tassew mill-ktajjen tad-dnub.  Kienu jistqarru mhux id-dnubiet ta’ kuljum, imma d-dnub li bih daħlu fl-iskjavitu u li kien qed ifixkilhom milli jgħixu ta’ bnedmin umani.  Anki llum, min jaħseb li m’għandux bżonn jinbidel, ma jkunx qed iħalli lil Alla jidħol f’ħajtu biex jeħilsu mill-jasar. Dan ikollu bżonn imur lura ftit fid-deżert, għall-kwiet, biex jirkupra l-kalma u l-veru sens tal-ħajja.  Id-deżert hu wkoll il-post fejn wieħed isib biss l-essenzjal,’il bogħod mit-tlellix u l-ħela. Dan ifisser l-istess għal min irid imur fid-deżert illum.
  5. Ġwanni kien jilbes bħal profeta Elija, li l-missjoni tiegħu kienet li jġib il-paċi u l-armonija bejn l-ulied u l-ġenituri u bejn il-familji. Ġwanni kompla din il-missjoni billi qarreb l-ulied lejn il-Missier.  L-ikel ta’ Ġwanni ma kienx xi penitenza speċjali. Kien jiekol dak li kien joffri d-deżert. Din kienet tħejjija għal Esodu ġdid immexxi minn Kristu.
  6. “..ma jistħoqqlix inħollu l-qorq..” Dan mhux att ta’ umilta. Il-Lhud kellhom l-użanza li jekk raġel imutlu ħuh u ma jkollux tfal,  ikollu jiżżewweġ l-armla biex tkompli r-razza.   Jekk jirrifjuta, kellu jinża’ sandla waħda u jarmiha.  Kemm-il darba nsibu li l-armla tirreferi għall-poplu Lhudi, u għalkemm kienet tkun infidila, l-Għarus qatt ma abbandunaha.  Għalhekk l-Għarus qatt ma ried iħalli lil xi ħadd iħollu l-qfieli tal-qorq, l-anqas lil Ġwanni, li kien il-ħabib tal-Għarus.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: