Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta, 12 ta’ Diċembru 2017

L-Evanġelju tat-Tlieta, 12 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 18, 12-14

Ġesù mhux sempliċiment jistaqsi opinjoni. Lid-dixxipli qed jistaqsihom dwar il-ġudizzju tagħhom li huma stess setgħu jaslu għalih mill-esperjenza personali tagħhom. Bil-malti, wara li nispjegaw jew niċċaraw xi ħaġa ngħidu: x’taħseb? Mhix mistosija li ma tinħtieġx tweġiba. Titlob tweġiba jekk mhux bil-kliem imma fil-qalb. Quddiem dan kollu li qed taraw u tisimgħu u ġġarbu, kif taħsbu li għandha tkun l-imġieba ta’ min, bħar-ragħaj, għandu mitt nagħġa li huma l-kollox tiegħu, kullma għandu? Fil-lingwa użata minn Ġesù, il-mistoqsija titqiegħed qabel l-ispjega, qabel l-argument.

Meta nappplikaw il-ħsieb li Ġesù huwa r-ragħaj, faċli ħafna naslu għal konklużjoni li wasal għaliha hu. Iħalli d-disgħa u disgħin l-oħra u jmur ifittex lil dik li ntilfitlu. Hu r-ragħaj it-tajjeb mela hu jagħmel it-tajjeb u jmur ifittex in-nagħaġa li ntilfitlu. Hekk tassew jagħmel Alla magħna mingħajr ma jabbanduna l-bqija, anzi jħallihom fuq l-għoljiet fejn jistgħu jirgħu u jsibu x’jieklu.

Iżda donnu Ġesù jrid imur lil hinn mill-ideja li hu jagħmel hekk. Id-dixxipli kienu jafu li hu hekk jagħmel. Kienu jgħixu miegħu, jagħmluha miegħu, mela kienu jafu il-metodu tiegħu x’kien, kemm kien iħobb ireġġa’ lura lil min jintilef. Ġesù qed jistedinhom biex anke huma jkollhom l-istess ħsieb u jġibu ruħhom bl-istess mod. Għal Ġesù kulħadd hu mportanti, għalih il-mija huma l-merħla sħiħa u fl-aqwa tagħha, waħda nieqsa tfisser li l-merħla m’għadhiex sħiħa kif għandha tkun.

Iżda aħna lkoll nafu, kif jaf hu, kif kienu jafu d-dixxipli, li l-mija mhux faċli żżommhom flimkien, u għalhekk, dejjem se jkun hemm waħda jew iżjed, jew disgħa u disgħin minnhom li jfittxu mergħat oħra. Għalhekk ukoll Ġesù donnu jitlob l-għajnuna tad-dixxipli, mhux biex ikunu rgħajja minfloku, iżda jagħmlu bħalu biex jgħinuh iżomm il-merħla magħquda, biex iħobbuha kif iħobbha hu bħala merħla għax hi l-ġid tiegħu u kull nagħġa jkunu jafuha b’isimha u jieħdu ħsiebha.

Hemm nagħaġ li jħobbu jqiegħedu lilhom infushom u lil oħrajn fil-periklu li jintilfu. Ħafna drabi napplikaw l-iskandli biss għall-abbuż sesswali jew fiżikament vjolenti. Dawn huma skandli, huma tfixkil ta’ min jikkundannahom u huwa meħtieġ li jsir minn kollox biex ma jseħħux. Iżda mhumiex biss.

Kullmin, b’mod jew ieħor, ifixkel il-fiduċja ta’ oħrajn fi Kristu u f’dak li hu tiegħu, għalkemm quddiem il-liġi tal-bnedmin, ma jidhirx li qed jiżbalja, quddiem Alla għandu responsabbiltà kbira. Ngħiduha kif inhi, kulħadd iħoss meta xi ħadd jipprovaw jxewxu kontra min hu għażiż għalih, kontra min jixtieqlu l-ġid. Kulħadd jagħraf il-ħsara meta xi għaref jipprova jdaħħal id-dubju f’relazzjonijiet ta’ mħabba u rispett, bejn l-ulied u l-ġenituri, bejn l-aħwa jew qraba, bejn miżżewġin u anke bejn ħbieb. Kulħadd jagħraf il-ħsara li sseħħ meta jiġri dan.

Jekk Ġesù lest li jagħmel minn kollox biex iġib lura nagħġa mitlufa, ara kemm hi kbira r-responsabbiltà ta’ min iħajjarha titlaq.

Id-dixxipli , mhumiex biss l-erba’ minn nies magħżula u maħtura, imma kullmin għandu imqar ftit influwenza fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor, fuq il-fiduċja li xi ħadd għandu f’Alla jew f’ħaddieħor, jiġifieri kulħadd, uħud iżjed minn oħrajn. It-tħajjir għall-mibgħeda, iż-żriegħ tad-dubji u s-suspetti li jżarmaw il-fiduċja tal-bnedmin, huma għemejjel ta’ min jistmerrhom u ħażin għalih min jogħxa fihom u bihom.

Alla stess, dan ma jridux.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: