Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Tarbija Mfisqija fil-faxex

Tarbija Mfisqija fil-faxex


Il-Ħadd 24 ta’ Diċembru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech,
fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Quddiesa ta’ Nofsillejl, Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

 

Meta jirrakkonta t-twelid ta’ Ġesù Bambin, l-Evanġelista San Luqa għal darbtejn isemmi li t-tarbija kienet imfisqija. L-ewwel jgħid li meta Marija wildet l-ewwel iben tagħha, hi “fisqietu u medditu f’maxtura” (2:7); imbagħad ikompli li meta l-anġlu deher lir-ragħajja fir-raba’, dan ħabbrilhom: “Fil-belt ta’ David tweldilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej, u bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (2:11-12). Il-mistoqsija li nagħmel f’dan il-lejl qaddis hija din: Għaliex iċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna f’dan il-lejl hija t-tarbija mfisqija – tarbija nfaxxata?

Meta l-anġlu deher lir-ragħajja, l-għelieqi ddew bil-glorja ta’ Alla. Għalhekk, għaliex fl-għar ta’ Betlehem, meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna, hu li hu l-istess glorja, il-glorja tiegħu nħbiet taħt il-fisqija jew il-faxex? Kważi kważi jiġini li nirrabja ftit mal-Madonna u ngħidilha: Għaliex dan il-ġmiel tas-Sema għattejtu bil-faxex għal għajnejna? Imma kif jgħid il-profeta Isaija, Alla tagħna hu Alla mistur (ara 45:15). Alla jirrivela lilu nnifsu billi jinħeba. Hu jixtieq li nħobbuh bħala wlied u mhux noqogħdu għalih bilfors. Kieku kellna naraw il-ġmiel tiegħu, kien ikollna nemmnu bilfors. Kieku narawh kif inhu, il-ġmiel tiegħu li jgħammex l-għajnejn jaħtafna, u hekk ma nkunux nistgħu ngħidu li nkunu lqajnieh b’mod ħieles. Imma billi hu jirrispetta r-rieda ħielsa tagħna, ried iħallina fil-libertà nagħżlux li mmorru warajh jew le. Għalhekk it-tarbija hija nfaxxata, biex taħbi l-qdusija ta’ Alla, u hekk dak li jrid iterraq it-triq tal-fidi jibqa’ dejjem ifittex u jistaqsi. It-tarbija nfaxxata tistedinna biex nagħmlu att ta’ fidi – li wieħed jemmen ma jfissirx li dan jikkonvinċi ruħu bl-argumenti tar-raġuni, imma li hu jintelaq kollu kemm hu fil-misteru ta’ Alla li jħobb. Għalhekk nagħmel il-qalb lil dawk li għandhom id-dubji tal-fidi jew iħossuhom iduru fid-dlam fir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla. F’kull bniedem hemm taħlita ta’ mumenti ta’ fidi u mumenti ta’ nuqqas ta’ fidi. Il-dubji huma prova ta’ qalb profonda! Huma d-dubji u l-inċertezzi li jimbuttawna biex insibu l-verità. Alla tagħna llum jinħeba taħt il-faxex tal-umanità biex ma nehdewx infittxuh, partikularment fit-talb u l-meditazzjoni, sakemm fl-aħħar ikollna s-sodisfazzjon li nagħmlu l-qabża tal-fidi u nittamaw li narawh wiċċ imb wiċċ. Min jemmen f’Alla, jintelaq f’idejh, minkejja li ma jarahx. “Imberkin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 28:29).

IMG_1686

It-tarbija nfaxxata li għandna quddiemna llejla hija l-Feddej tagħna: “Illum tweldilkom is-Salvatur”. Għalkemm għandu l-ġisem teneru ta’ ħlejqa li għadha qed titwieled, dan il-ġisem huwa ddestinat biex jimtela bil-ġrieħi li Ġesù jġarrab fil-passjoni u l-mewt tiegħu fuq is-salib biex jifdina. Għalhekk, meta nħarsu lejn il-Grotta ta’ Betlehem u naraw it-tarbija mfisqija, niftakru li hawnhekk għandna tarbija li ħadet fuqha l-feriti tal-umanità biex tfejjaqna minnhom. Fl-Iskrittura nsibu li “bil-pjagi tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Is 53:5), li hu “mlibbes bid-dgħufija tagħna” (Lhud 5:2), u kif itenni Pietru, “bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu” (1 Pt 2:24).

Kif Alla għażel il-maġisteru tal-feriti ta’ Ibnu biex jgħallem lil San Tumas, hekk jagħmel magħna llum mill-għar ta’ Betlehem. Għax il-feriti ta’ Ġesù jikxfu l-paradoss tal-imħabba ta’ Alla li tant ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih isalva. Meta l-bniedem ma sar għandu ebda passjoni lejn xejn u lejn ħadd, il-passjoni li Alla għandu għall-bniedem twasslu biex jibgħat lil Ibnu għall-Passjoni li twassal għall-mewt u hekk jifdi lill-umanità mid-dnub.

Il-Knisja tal-Lvant torbot flimkien il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù mal-ġrajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-Missirijiet tal-Knisja jaraw fil-maxtura (ara Lq 2:7) profezija siekta tal-qabar vojt imħaffer fil-blat (ara Lq 23:50-53). Jekk Marija fisqietu u poġġietu fil-maxtura, Ġużeppi minn Arimatija “mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù, niżżlu mis-salib, keffnu f’liżar u qiegħdu f’qabar maqtugħ fil-blat”. Il-faxex li Marija ħarġet bil-ferħ biex tfisqi lit-tarbija u l-faxex tal-kefen li Ġużeppi minn Arimatija b’għafsa ta’ qalb ħa miegħu fuq il-Golgota, jikkumplimentaw u jfissru lil xulxin. Is-sinjal li twieled Ġesù kienu “maxtura b’tarbija mfisqija”, u s-sinjal li Kristu qam mill-mewt kienu “l-faxex tal-għażel mixħutin u l-maktur li kien madwar rasu li ma kienx mal-faxex, imma mgeżwer u mixħut għaih” (Ġw 20:7). Wieħed mis-Santi Padri, Ruman il-Melodi, iqiegħed dan il-kliem fuq fomm dawk li kienu sejrin jidilku l-ġisem mejjet ta’ Kristu fil-qabar: “Ejjew immorru kif għamlu l-Maġi, nadurawh u neħdulu r-rigal tal-fwejjaħ, lilu li mhux aktar imfisqi fil-faxex imma f’liżar”.

Il-Mulej Ġesù, dakinhar li jqum mill-mewt u joħroġ mill-qabar, jinża’ l-faxex li fihom fisqietu Ommu Marija f’Betlehem. Meta aħna ninsew il-feriti glorjużi ta’ Ġesù, il-feriti tagħna jibqgħu jdennu u jikkankraw. Kieku ma hemmx il-feriti ta’ Kristu, il-feriti tagħna jikkundannawna għall-pessimiżmu, itellfuna kull xorta ta’ tama u ma jħalluniex niktbu storja sabiħa.

Meta Marija fisqiet lil Ġesù tarbija, hija kienet qed tagħmel ġest profetiku biex tgħinna nikkontemplaw lil Alla li jrid jinfaxxa l-pjagi tagħna. Meta nara lil Marija qed tinfaxxa lil Ġesù, nara lil Alla jinfaxxa l-ġrieħi ta’ kull bniedem – għax meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem, huwa twaħħad ma’ kull bniedem – huwa għamel tiegħu l-feriti tagħna. Alla kellu bżonn par idejn ta’ bniedem biex jidlek bil-balzmu u jinfaxxa l-feriti tagħna; kellu bżonn ukoll fomm li jlissen kliem ta’ faraġ. Kien għalhekk li bagħat lil Ibnu fid-dinja, biex b’idejh u b’fommu jidlek u jinfaxxa kull xorta ta’ ġerħat. Min minna ma jafx x’inhuma l-feriti? Għandna pjagi fil-ħajja personali tagħna, fil-familji tagħna, fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna, fil-presbiterju tagħna, kif ukoll fis-soċjetà ċivili.

Għalhekk, nagħmlu l-qalb. Santu Wistin jgħidilna biex ma naħbux il-feriti lil Alla, għax “Hu t-tabib, aħna l-morda; Hu l-Mulej u aħna l-foqra”. Imbierka l-feriti tagħna, għax minħabba fihom nistgħu nagħmlu esperjenza tal-imħabba li tfejjaq ta’ Alla li dehret fi Kristu. F’dan il-Milied dan huwa li jien nawgura lill-Knisja li tagħha l-Mulej għamilni Isqof: it-Tarbija ta’ Betlehem imfisqija tixprunana biex inkomplu napprofondixxu l-fidi tagħna u nsaħħu l-għaqda tagħna ma’ Ġesù. Ħa napprezzaw li din it-tarbija fil-maxtura hija Kristu li qiegħed fuq is-salib – ma hemmx qasma bejn il-Misteru tal-Inkarnazzjoni u dak tal-Fidwa. Dan huwa Ġesù li bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu jinfaxxa u jfejjaq il-ġrieħi tagħna.

Ritratt: Betty Bugeja.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: