Lectio Divina għall-Ħadd fl-Ottava tal-Milied. Il-Familja Mqaddsa.

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Lq 2. 22-40): Meta koppja Lhud kien ikollhom tifel, kien meħtieġ jagħmlu żewġ riti: (a) Fil-Lvant Nofsani dak iż-żmien kienu jibżgħu li mal-ħruġ ta’ xi demm mill-ġisem (bħalma jiġri fi twelid) wieħed jiġi espost għal xi mard. Għalhekk kienet meħtieġa il-purifikazzjoni; (b) Fit-Torah kien hemm stipulat li l-ewwel wild kellu jiġi offrut lill-Mulej bħala sinjal li dan kien rigal t’Alla.  Naturalment ma setgħux joqtlu tarbija.  Minn flokha kienu jissagrifikaw annimal skond  il-mezzi li jkollhom.

  1. Għal ħames darbiet insibu lil Marija u Ġużeppi jobdu l-liġi Lhudija, għax għalihom din kient ir-rieda t’Alla. (i) L-ewwel messaġġ għalina llum hu li meta biex nagħmlu xi għażliet  kemm ħfief u kemm tqal, għandna nikkonsultaw il-kelma u r-rieda t’Alla. (ii) it-tieni: meta koppja jsiru ġenituri ma jridux jinsew li binhom hu rigal li ġie misluf lilhom minn għand Alla, biex jedukawh fil-ħajja Nisranija u biex, meta jikber, joffruh għas-servizz tal-bini tas-Saltna ta’ Kristu.  Din hi t-tifsira meta koppja jimxu mad-drawwa sabiħa li għandna aħna u jmorru jippreżentaw it-tarbija tagħhom fil-Knisja.  (iii) It-tielet: Marija u Ġużeppi offrew par ħamiem, li jfisser li Ġesu twieled f’familja fqira.  Mill-bidu nett ta’ ħajtu ġie jgħammar qalb il-fqar.
  2. Xmun idum ħajtu kollha jistenna l-miġja tal-Messija. Dan ix-xwejjaħ, meqjuż bħala profeta, jirrapreżenta l-istennija għal mijiet ta’ snin tal-poplu Lhudi. Meta l-familja Mqaddsa daħlu fit-tempju, minn tant nies u saċerdoti li kien hemm, żewġ persuni biss għarfu Ġesu minn kien: Xmun u Anna.  Anki llum, Ġesu għadu jiġi f’ħajjitna permezz tal-Kelma Tiegħu.  Imma kemm minna jilqgħu dil-Kelma bħala l-Messija li ġie biex jerfagħna mill-kundizzjoni mjassra tad-dnub, u jgħollina għall-ħajja ta’ ferħ, il-ħajja awtentika tal-liberta.  Xmun għaraf lill-Messija għax kellu dawn il-karatteristiċi: (a) “ġust”, i.e. sinċier, lejali u ta’ qalb safja. “Imberkin ta’ qalbhom safja, għax jaraw l-inviżibbli, ‘l Alla” (Beatitudni). Jekk aħna ma nkunux bħalu, jekk qalbna marbuta ma’ xi idolu ta’ did-dinja, mhux se nagħrfu ‘l Alla fil-Kelma li nisimgħu; (b) “tajjeb”, i.e. ma jiżvijjax mit-triq it-tajba;  (ċ) “Kien jistenna l-faraġ ta’ Israel”. Waqt li ħafna Lhud qatgħu qalbhom mill-Messija (bħalma jagħmlu xi wħud illum, jitilfu t-tama u jitilqu l-Fidi), Xmun baqa’ jippersevera; (d) “Kien immexxi mill-Ispirtu s-Santu”. Xmun kien dejjem attent biex jisma’ l-pariri tal-Ispirtu (Santu, i.e. qaddis, differenti mill-pariri u kriterji tal-bnedmin); (e) “Iħares ‘il quddiem bit-tama, lejn il-futur. “ Ma kienx igerger għax xiħ, jew għax kien hemm ħafna ħażen fid-dinja.  Billi kien f’qagħda li jkun imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, ta sens lil ħajtu;  (f) Xmun jilqa’ l-futur f’dirgħajh u b’hekk jirrapreżenta lil dawk il-Lhud li baqgħu fidili għall-Kelma t’Alla u baqgħu jittamaw fil-wegħdiet Tiegħu. Aħna wkoll jiħtiġilna nilqgħu l-Vanġelu f’dirgħajna biex ngħixuh u nwassluh lill-oħrajn.
  3. Xmun ikanta l-innu “Nunc Dimittis”: “issa li żammejt kelmtek miegħi, tista’ tħalli lil dan il-qaddej imur fis-sliem.” Xmun ibierek lill-Mulej li ta sens lil ħajtu. Xmun ma jibżax mill-mewt għax din se tħollu mill-irbit li jxekkel ħajjitna. Kien għex ferħan għax  bħala “qaddej tajjeb” wettaq dejjem ir-rieda t’Alla.  Issa li għajnejh raw is-salvazzjoni li Alla ħejja għall-popli kollha, ma kellhom xejn aktar x’jaraw.
  4. Marija u Ġużeppi stagħġbu meta semgħu li Ġesu kellu jġib is-salvazjoni għall-popli kollha. Issa Xmun idur fuq Marija: “Sejf jinfidlek ruħek.” Ejjew nisnew l-immaġini tas-7 stalletti li jinfdu qalb Marija, għax dan is-sejf li semma’ Xmun mhux dulur, imma simbolu tal-mod effikaċi ta’ kif taħdem il-Kelma t’Alla, kif insibu tant drabi fil-Bibbja, e.g. “Xabla li taqta’ b’żewġt ixfar,” i.e. li tippenetra l-qalb tal-bniedem u tqalliblu ħajtu ta’ taħt fuq.  Ġesu wkoll darba qal: “Il-Kelma tiegħi mhux se ġġib il-paċi għax se titlob li l-bniedem jagħmel għażliet kull tant ibsin.  Min jisma’ dil-kelma jista’ jkollu bżonn jagħmel xi għażla drammatika meta jiġi f’konfront ma’ xi ħbieb jew tal-familja.”  Ma ninsewx li Marija omm il-Messija hija simbolu ta’ Israel.  Meta l-Kelma se tasal għand il-poplu, dan se jinqasam bejn dawk li jaċċettawha, u l-oħrajn li ma jilqgħuhiex.  Din hi qasma tal-biki.  Pawl mhux l-ewwel darba li juri d-diżappunt tiegħu fuq dawk li ma ridux jafu bi Kristu.  Anki Marija nnifisha mhux dejjem setgħet tifhem it-tagħlim ta’ Ġesu billi dan kien ikun f’konflitt mat-tagħlim li ħadet hi mir-Rabbini. B’hekk, f’ċerti mumenti ta’ ħajjitha ħasset din il-qasma f’qalbha, e.g. (a) dak li qal Xmun illum; (b) fit-Tempju meta Ġesu qal: “Ma tafux li rrid nieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieri?” (ċ) meta Marija u qraba oħra marru Kafarnaum biex iżommu lil Ġesu għax qalu li tilef moħħu (Mk 3. 21).  Anki aħna, meta taslilna l-Kelma, inħossu din il-qasma f’qalbna, għax (a) inkunu għadna marbutin mat-tagħlim ta’ tfulitna, u mad-drawwiet u t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna; (b) dil-Kelma tistedinna nagħmlu għażliet ibsin.
  5. Il-profetessa Anna: Aser kien l-iżgħar tribu u l-inqas wieħed importanti. Kien jgħix fit-Tramuntana fejn l-art fertili kienet trendi ġid kbir. Dal-ġid materjali ġab miegħu faqar spiritwali.  Ftit nies bħal Anna baqgħu fidili lejn Alla.  Din tgħallimna li meta nkunu mdawrin b’ħafna materjaliżmu, xorta nistgħu nibqgħu fidili għat-twemmin tagħna.  Israel ġieli kien imxebbaħ ma’ armla, i,e, ma tistax tagħmel frott għax ma tħalliex l-Għarus preħenti f’ħajjitha.  B’kuntrast, Anna tibqa’ tistenna il-miġja tal-Messija b’fedelta’ għal 84 sena (7 snin miżżewġa – in-numru 7 juri xi ħaġa kompluta. Tnax –in-numru li jindika lill-poplu Lhudi.  12  X  7 = 84). Anna hija l-figura ta’ dawk il-Lhud li ma qatgħux jieshom mill-wegħda t’Alla li jibgħat il-Messija. Ma titħarrikx mit-Tempju. Ma marritx tfittex raġel ieħor. Ma kinitx titlef żmien tpaċpaċ fil-vojt. Iż-żmien tagħha prezzjuż, u riedet tgħixu fid-dar tal-Għarus, f’sintonija u intimita miegħu.  Ta’ dan, l-Għarus fdalha l-missjoni li titkellem fuqu, għax, min iħobb, ma jistax jagħmel mod ieħor ħlief jitkellem fuq il-maħbuba tiegħu. Anki min f’did-dinja jħossu insinifikanti, imma jiqa’ fidil lejn l-Għarus, jista’ jħabbru u jxandru lill-oħrajn. Anna tieħu t-tarbija f’dirgħajha, imbagħad tippreżentah lill-umanita.
  6. “It-tifel baqa’ jikber u jitqawwa u jintela’ bl-għerf.” Ġesu trabba bħat-tfal l-oħra ta’ Nazaret ħlief li intela’ bl-għerf u l-grazzja t’Alla. L-għerf hawn mhux xi tagħlim tal-professuri, imma l-għarfien ta’ kif wieħed jgħix ħajja awtentika li twassal għall-perfezzjoni tal-bniedem uman. Il-grazzja (ħaris=sbuħija) i.e. Ġesu kiber f’raġel li kien jidher sabiħ f’għajnjen il-bnedmin.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading