Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tas-Sibt, 13 ta’ Jannar 2018

L-Evanġelju tas-Sibt, 13 ta’ Jannar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 2, 13-17

Id-dixxipli m’għażilhomx kif ġie ġie. Lanqas ma għażilhom skont il-perfezzjoni tagħhom jew skont l-intenzjonijiet tajba tagħhom. Ma kienux l-iktar nies ta’ fama tajba u lanqas l-iktar irġiel qaddisin. Kienu nies li jgergru u jargumentaw u jindaħlu, ambizzjużi, kultant bl-aġenda moħbija tagħhom, beżżiegħa u kultant kapriċċċużi. Ġesù għażel nies li setgħu ikunulu għodda tajbin, imma mhux nies ippakkjati u lesti għax-xogħol; nies li ħaseb li seta’ jiffurmawhom biex ikomplu dak li beda hu. U għażilhom, l-ewwel u qabel kollox, kif jgħidilna San Mark stess, biex jibqgħu miegħu. Wara kellu biċċa xogħol għalihom.

Narawh mill-ġdid ma’ xatt il-baħar. In-nies resqu lejh, jekk hux biex jisimgħuh jew le ma nafux, iżda hu beda jgħallimhom. San Mark, probabilment b’informazzjoni li ħa mingħand San Piteru, li tradizzjonalment iktar ’il quddiem kien mgħallem tiegħu, ma jużax il-verb ‘ikellimhom’ iżda ‘jgħallimhom’. L-Evanġelista jrid jemfasizza li l-ħidma ewlenija ta’ Ġesù ken li jgħallem. Kull ħaġa oħra kienet aċċessorju. Id-dixxiplu li jilqa’ s-sejħa jeħtieġ li jitgħallem, jeħtieġ jixrob mhux biss biex jaqta’ l-għatx imma wkoll biex jisqi huwa stess. Ħadd ma jagħti milli m’għandux. Ma nistgħux ngħidu li Ġesù kien dejjem għalliem ta’ suċċess. Kien hemm drabi fejn falla u falla bl-ikrah.

Levi ta’ Alfew kien publikan; ġabbâr tat-taxxi għall-ħakkiem Rumani. Ma kien jaħmlu ħadd, lanqas Pietru in-negozjant. Minħabba l-mod kif kien jaqla’ x’jiekol, u jsir sinjur, kien bniedem ta’ ċertu livell ta’ skola. Nistgħu ngħidu li kien jaf jgħodd sew mill-wieħed sal-għaxra. Kien jitħallas b’kummissjoni fuq it-taxxi li jiġbor u allura iktar kemm jiġbor taxxi iktar ikollu qliegħ. Il-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn u l-fama ma kienetx ta’ b’xejn. Żgur li kien bniedem li japprezza. Ġesù jersaq lejh, u min jaf x’għadda minn moħħ Levi ta’ Alfew x’ħin rah riesaq lejh. Beċċun ieħor li qatt ma rajtu qabel u li minnu seta’ jisloħ kemxa iżjed mis-soltu.

Jista’ jkun ukoll li ġieli rah u semgħu qabel, sema’ b’dak li kien jgħid u ra dak li kien jagħmel. Bejn il-fama tiegħu u dik ta’ dan ir-rabbi kien hemm baħar jaqsam. Jista’jkun li Levi ma kienx kuntent bil-ħajja tiegħu; żgur li ma kienx jieħu gost bl-opinjoni ġustifikata tan-nies dwaru. Il-kumpannija li kien jagħmilha magħha kienu nies li l-fama kienu ħallewha x’imkien ’il bogħod. La n-nies jgħidu li aħna midinbin, mela ngħixu ta’ midinbin u ngawdu kemm nistgħu mill-fatt li aħna midinbin. Dawn kienu midinbin li d-dnub tagħhom jidher. Hemm ħafna oħrajn li d-dnubiet tagħhom ma jidhru mkien, mhux għax ma jeżistux imma għax mistura sewwa.

Ejja warajja! Żewġ kelmiet li jaħsdu, iqajmu emozzjonijiet, jagħtu tamiet, itellgħu fil-wiċċ il-ħsieb ta’ ħajja differenti. Għal darb’oħra San Mark jurina l-immedjatezza tat-tweġiba, donnu jagħtina l-impressjoni li dawk li wieġbu, wieġbu bla ħsieb ta’ xejn. Aħna nafu li, jekk dak lil-ħin ma ħasbuhiex, kellhom ħafna ħin biex jaħsbuha matul il-mixja tagħhom ma’ Ġesù, li kien iqishom bħala ħbieb. Dak li semgħuh jgħid, ir-rejazzjoni għal dak li kien jgħid u s-serjetà li kien hemm fil-messaġġ tiegħu, żgur li qanqlu emozzjonijiet differenti u iktar qawwija minn dawk li ħassew l-ewwel darba. Barra minn hekk, wara ż-żmien li damu miegħu, raw kif ġabu ruħhom sħabhom miegħu u bejniethom, raw x’waslu biex għamlu, ir-relazzjoni tagħhom miegħu u bejniethom ma kienetx mibnija fuq emozzjoni, iżda fuq stima u rispett u mħabba. Bejn l-irġiel l-istima u r-rispett huma aċċettabli anke biex titkellem dwarhom; l-imħabba hija ta’ sogru kbir. L-irġiel li jitkellmu fuq l-imħabba u jgħidu li jħobbu iżidu timbru mhux sabiħ dwarhom infushom.

Mattew jistieden lil Ġesù u lil sħabu għall-ikel. Kien kuntent u ried li jifraħ magħhom u ma sħabu. Fejn qatt xi rabbi daħal jiekol għand wieħed publikan. San Mark jintroduċilna is-‘social media users’ ta’ żmien Ġesù li kienu dejjem lesti biex jikkritikaw u jgergru u jissuġġerixxu x’għandu jagħmel dak lu x’għandu jagħmel l-ieħor. Dejjem lesti biex jaraw Ġesù x’jaħseb u x’jgħid biex ifittxu x-xagħra fl-għaġina u jsibu parrokka. Dawn ma stgaħġbux. Dawn tkażaw.ma skandaliżżawx ruħhom imma tkażaw. X’mistħija! Jiekol mal-midinbin. Bħal dak li qallu, li l-midinbin mhux bħall-ġusti jieklu. X’għarukaża!

Interessanti l-lewwel xrara bejn Ġesù u l-kittieba u l-fariżej seħħet minħabba l-fatt li Ġesù laqa’ lil dawk li ma kenux milqugħa u kien milqugħ minn dawk li ħadd ma ried ikun milqugħ minnhom. Issieħeb mal-midinbin biex ma jħallihomx jidinbu billi jurihom li huma wkoll għandhom ikunu f’saħħithom. It-tabib ma jeħtieġuhx dawk li huma f’saħħithom imma l-morda. Mhux lil ġusti ġie jsejjaħ, iżda lill-midinbin.

Hawn xi ħadd hawnhekk li qatt ma kellu bżonn tabib? Hawn xi ħadd illum li qatt ma dineb? Jekk m’hawnx, lilna lkoll qed isejjaħ biex niksbu saħħitna mill-ġdid.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: