LIVE-IN TAL-KAPPILLANI 2018
Il-Ġimgħa, 12 ta’ Jannar 2018: Fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar “Iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali” li sejjaħ il-Papa Franġisku f’Ottubru li ġej, il-kappillani tas-70 parroċċa ddiskutew ir-realtà taż-żgħażagħ waqt il-live-in annwali tal-kappillani. Dan sar bejn it-Tlieta, 9 ta’ Jannar u l-Ħamis, 11 ta’ Jannar 2018, fis-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù.
Matul il-live-in, li għalih kien preżenti l-Arċisqof Charles J. Scicluna, il-kappillani kellhom
l-opportunità jisimgħu miż-żgħażagħ stess il-ħidma li qed issir mill-kummissjoni tal-Knisja għaż-żgħażagħ: Malta Catholic Youth Network (MCYN). Huma ddiskutew kif il-Knisja għandha twassal il-Bxara t-Tajba liż-żgħażagħ illum, b’mod speċjali dawk li mhumiex involuti fid-diversi għaqdiet tal-Knisja. Preżentazzjoni oħra kienet dwar il-ħidma pastorali li qed issir mill-Uffiċċju Żvilipp Spiritwali fl-Iskejjel, mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ fl-iskejjel sekondarji.
Il-kappillani qasmu l-esperjenzi tagħhom fil-parroċċi dwar il-ħidma pastorali maż-żgħażagħ, u tkellmu dwar l-importanza li tinbena relazzjoni awtentika maż-żgħażagħ biex isibu min jakkumpanjahom matul dan il-perijodu sabiħ u ta’ tfittxija fil-ħajja. Dawn it-tliet ijiem pprovdew ukoll ħin ta’ talb bejn il-kappillani u l-Arċisqof li għalaq il-live-in bil-messaġġ tiegħu biex f’ismu u f’isem il-Knisja jxandru l-ferħ tal-Evanġelju u jkunu dejjem aktar qrib in-nies.
Ara paġna ta’ riżorsi dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ li ser isir fil-Vatikan f’Ottubru 2018 … http://www.laikos.org/Sinodu_Zghazagh_2018.htm