Il-Papa Franġisku fl-Angelus tal-bieraħ ħeġġiġna biex infittxu fejn jgħix Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 15 ta’ Jannar 2018: Il-Papa Franġisku talab l-Angelus ilbieraħ il-Ħadd mal-pellegrini u t-turisti fi Pjazza San Pietru u rrifletta dwar il-qari tal-Quddiesa u dwar il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati. Il-Papa qal li l-Vanġelu idaħħalna fiż-żmien liturġiku ordinarju, żmien li jservi biex janima u jivverifika l-mixja tagħna ta’ fidi fil-ħajja tas-soltu, għaliex ifakkarna fis-sejħa tagħna li nimxu wara Ġesù. Huwa żied jgħid li dan iż-żmien iservi biex janima u jikkonferma l-vjaġġ tagħna tal-fidi fil-ħajja ta’ kuljum, f’dinamika li timxi bejn l-epifanija u d-dixxipulat, bejn il-manifestazzjoni u l-vokazzjoni.

Il-Papa żied jgħid li għal dan il-vjaġġ hemm bżonn ta’ gwida u Ġwanni l-Battista għandu dan l-irwol għal Indrì u d-dixxiplu l-ieħor u wera lil Ġesù bħala l-Ħaruf t’Alla. Meta jistaqsu lil Ġesù fejn jgħix huwa jgħidilhom “Ejjew u taraw!” u minn dak il-ħin ħajjithom ma baqgħetx l-istess. Huwa kompla jgħid li nistgħu nagħmlu ħafna esperjenzi, nibnu rabtiet ma’ bosta persuni, imma huwa biss l-appuntament ma’ Ġesù, f’dak il-ħin li Alla jrid, li jista’ jagħti sens sħiħ lil ħajjitna u li jwassal lill-proġetti u l-inizjattivi tagħna biex jagħmlu l-frott.

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li mhux biżżejjed li wieħed jibni xbieha t’Alla fuq dak li sama’ mingħand xi ħadd; jeħtieġ li nfittxu lill-Imgħallem divin u mmorru fejn jgħammar. Il-mistoqsija li ż-żewġ dixxipli għamlu lil Ġesù: “Fejn toqgħod?” (v.38), għandha sens spiritwali qawwi: turi x-xewqa li jsiru jafu fejn jgħammar l-Imgħallem ħalli jkunu jistgħu joqogħdu miegħu.Il-ħajja ta’ fidi tikkonsisti fix-xewqa li nkunu mal-Mulej u allura li nfittxu l-ħin kollu l-post fejn jgħammar. Dan ifisser li aħna msejħa negħlbu r-reliġjożita’ li ssir drawwa u nkebbsu l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù bit-talb, bil-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla u billi nieħdu sehem ta’ spiss fis-Sagramenti, ħalli nkunu nistgħu noqogħdu miegħu. U grazzi għaliH, għall-għajnuna u l-grazzja tiegħu l-ħajja tagħna tkun tista’ tagħmel il-frott.

Wara t-talba tal-Angelus il-Papa Franġisku fakkar fiċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati li ġie ċċelebrat ilbieraħ. Qabel l-Angelus iċċelebra quddiesa ma’ għadd sabiħ ta’ immigranti u refuġjati li joqogħdu fid-djoċesi ta’ Ruma. Il-Papa kkwota mill-messaġġ tiegħu stess għal din il-ġurnata fejn saħaq li l-immigrazzjoni hi sinjal taż-żmenijiet. “Kull barrani li jħabbat biebna hu okkażjoni li tlaqqagħna ma’ Ġesù Kristu li jidentifika ruħu ma’ dak il-barrani li nilqgħuh jew inwarrbuh f’kull żmien. Dwar dan nixtieq nerġa’ nisħaq li t-tweġiba komuni tagħna tista’ tinġabar f’erba’ verbi: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw, li huma bbażati fuq il-prinċipji tad-duttrina tal-Knisja”.

Il-Papa ħabbar li minn issa ‘l quddiem, minħabba raġunijiet pastorali, il-Ġurnata Dinjija tal-Immigrant u r-Refuġjat ser tibda tkun ċelebrata fit-tieni Ħadd ta’ Settembru. Dik li jmiss, il-mija u ħames waħda, ser tkun fit-8 ta’ Settembru 2019.

Fl-aħħar il-Papa fakkar li llum se jibda l-vjaġġ tiegħu fiċ-Ċile u l-Peru u talabna nkunu miegħu f’dan il-vjaġġ appostoliku bit-talb.

Tista’ ssib id-diskors kollu tal-Papa Franġisku fil-Laikos … http://www.laikos.org/Papa_Frangisku_Angelus_14012018.htm

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading