Il-Papa ltaqa’ ma’ vittmi ta’ abbuż sesswali mill-kleru

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 18 ta’ Jannar 2018: Il-Papa Franġisku, nhar it-Tlieta ltaqa’ ma’ grupp żgħir ta’ vittmi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru fin-Nunzjatura Appostolika f’Santiago. Id-Direttur tas-Sala Stampa tal-Vatikan, Greg Burke, fi stqarrija qal li l-laqgħa kienet waħda strettament privata u ħadd ma kien preżenti għaliha ħlief il-Papa u l-vittmi. Dan seħħ biex huma setgħu jitkellmu dwar it-tbatijiet tagħhom mal-Papa li min-naħa tiegħu semagħhom u talab u beka magħhom ukoll.

Dakinhar filgħodu fid-diskors tiegħu lill-awtoritajiet fil-Palazzo della Moneda, il-Papa tkellem dwar il-bżonn li nisimgħu lit-tfal, li jiffaċċjaw lid-dinja b’għajnejhom mimlija stagħġib u innoċenza u jistennew mingħandna tweġibiet veru għal futur ta’ dinjità u ma nistax hawnhekk ma nesprimix l-uġigħ u l-mistħija, li nħoss minħabba l-ħsara irreparabbli li saret lit-tfal minn membri tal-Knisja. Nixtieq ningħaqad ma’ ħuti fl-episkopat għaliex huwa tajjeb li tintalab maħfra u appoġġ għall-vittmi bil-qawwa kollha filwaqt li rridu nikkommettu rwieħna biex niżguraw li dan ma jerġax iseħħ.

Matul il-laqgħa tiegħu mas-saċerdoti, ir-reliġjużi u s-seminaristi fil-Katidral ta’ Santiago nhar it-Tlieta wkoll il-Papa tkellem b’mod partikolari dwar l-uġigħ li jirriżulta minn każijiet ta’ abbuż tal-minuri fil-Knisja taċ-Ċilì li jġibu tbatija u ħsara lill-vittmi u lill-familji tagħhom, lill-komunitajiet ekkleżjali u wkoll lis-saċerdoti u r-reliġjużi infushom.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d