Home > Aħbarijiet > Il-Papa Franġisku maż-żgħażagħ Ċileni.

Il-Papa Franġisku maż-żgħażagħ Ċileni.


Il-Ħamis, 18 ta’ Jannar 2018: Ilbieraħ waranofsinhar il-Papa Franġisku ltaqa’ maż-żgħażagħ Ċileni fis-Santwarju ta’ Maipù, fil-belt kapitali tal-pajjiż. Dan hu mkien għażiż għaċ-Ċileni għax fil-post fejn hemm is-santwarju, kienu għelbu lill-armata Spanjola li kienet qed thedded l-indipendenza tagħhom.

fr1-zghazzagha.jpegWara li sema’ lil wieħed minnhom jindirizzah, il-Papa qalilhom: F’qalbkom Alla jqiegħed sentimenti ta’ libertà, ħolm ta’ glorja u ta’ futur aħjar flimkien max-xewqa li tkunu protagonisti tat-tibdil.

Il-fidi tqanqal fiż-żgħażagħ sentimenti ta’ avventura u intom tħobbu l-avventuri u l-isfidi. Iż-żgħażagħ m’għandhomx kwiet, ifittxu, huma idealisti. Il-kbar jgħidu: dalwaqt jimmaturaw, jew inkella, agħar minn hekk, għad jikkorrompu ruħhom, qiesu li l-maturità tfisser li taċċetta l-inġustizzji, li temmen li ma tista’ tagħmel xejn, li kollox kien hekk minn dejjem.

U b’dan f’moħħi, dis-sena ridt inlaaqa’ Sinodu u qabel is-Sinodu, laqgħa maż-żgħażagħ, ħalli huma jħossuhom protagonisti fil-qalba tal-Knisja, biex jgħinuna ħalli l-Knisja tikseb wiċċ żgħażugħ, mhux minħabba xi intervent mediku iżda biex fil-qiegħ ta’ qalbha tikkonsulta, tħalli lil uliedha jagħmlu l-mistoqsijiet sabiex tkun dejjem aktar fidila lejn il-Vanġelu.

Il-Knisja Ċilena għandha bżonnkom bil-kbir, qalilhom il-Papa Franġisku, biex tqum fuq tagħha u tkun eqreb ta’ Ġesù.

Iż-żgħażagħ tal-lum, kompla jgħid il-Papa, huma dejjem imqabbdin mal-internet, bil-batterija tal-mowbajl dejjem iċċarġjata sew. Inkella jħossuhom maqtugħin mid-dinja, diżorjentati, bil-geddum. Fil-fidi l-istess, afferma, meta din il-konnessjoni li tagħti l-ħajja lill-ħolm tagħna, tkun nieqsa, il-qalb tibda’ titlef is-saħħa.

Mingħajr konnessjoni ma’ Ġesù nispiċċaw biex l-ideat tagħna jegħrqu, il-ħolm, il-fidi tagħna, kollox jispiċċa biex jimliena burdati ħażiena. Bħala protagonisti, kif nixtiequ nkunu, nistgħu naħsbu li ħaġa tista’ ssir jew le, nagħmlux ħaġa jew le. Iħassibni meta nies jitilfu das-sinjal u jaħsbu li m’għandhom xejn x’jagħtu u jħossuhom mitlufin. Qatt taħsbu li m’għandkomx kontribut x’tagħtu, wissihom il-Papa, jew li intom tgħaddu mingħajr bżonn ta’ ħadd.

Ħobbu lil artkom, ħobbu liċ-Ċili; agħtu l-aħjar tagħkom għal pajjiżkom.
Iż-żgħażagħ Ċileni għandhom qaddis li jista’ jmexxihom, żied il-Papa: San Alberto Hurtado, saċerdot Ġiżwita li kellu regola sempliċi biex iżomm qalbu dejjem imkebbsa. Il-Papa talab liż-żgħażagħ jitgħallmuha u jżommhua f’moħħhom bħalma jżommu l-“password” tal-kompjuter.

Il-“password” ta’ Hurtado, (nieħu gost jekk intom iddaħħluha fil-mowbajls tagħkom), hi: X’kien jagħmel Kristu kieku kien hawn minfloki? Fl-iskola, l-università, fit-triq, id-dar, mal-ħbieb, fuq ix-xogħol, quddiem min jagħmilha tal-bully magħkom: X’kien jagħmel Kristu kieku kien hawn minfloki?

Meta tmorru d-disco, tipprattikaw l-isports jew tmorru taraw xi logħoba: X’kien jagħmel Kristu kieku kien hawn minfloki? Hija l-“password”, iċ-“charge” li tkebbes il-qalb, tixgħel il-fidi u tilma f’għajnejna. Dan hu l-mod li bih għandna nkunu protagonisti tal-istorja.

Il-Papa stieden liż-żgħażagħ biex ikunu kuraġġużi, jirriskjaw u biex jersqu lejn min hu tamparhom, kullimkien, mingħajr biża, ħalli ħadd ma jibqa’ waħdu.

Għeżież żgħażagħ, temm jgħidilhom il-Papa Franġisku, kunu sammaritani li qatt ma tħallu lil xi ħadd mitluq mal-art fit-triq. Kunu ċ-Ċirenew li jgħinu lil Kristu jġorr is-salib tiegħu u ma sħabkom aqsmu t-tbatijiet tagħhom. Kunu bħal Żakkew li bidel qalbu u minn materjalista għamilha waħda solidali. Kunu bħaż-żgħażugħa Maddalena, li fittxet l-imħabba b’ħerqa li ma bħalha, li ssib it-tweġibiet li teħtieġ f’Ġesù biss.

Kunu lesti biex bħal Marija tkunu disponibbli biex tkantaw il-ferh u tagħmlu r-rieda tiegħu.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Categories: Aħbarijiet
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: