“ĦADD MA MAR U REĠA ĠIE”.


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Mingħajr forsi ma nkunu konxji tagħha, din il-frażi tindika nuqqas ta’ twemmin fil-Qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu u allura anki fil-Qawmien tagħna. Inkunu niċħdu li Ġesu’ Kristu mar bil-mewt tiegħu u reġa’ ġie għaliex qam mill-mewt  (Ġw 20,11-18). Inkunu qegħdin niċħdu r-rakkont tal-Vanġeli fuq il-Qawmien tiegħu.

Mgr Paul Cremona OPAħna ħafna drabi nitkellmu fuq il-weġgħa ta’ Ġesu’ fuq is-Salib. Iżda hemm weġgħa oħra. Hu kien personalment għażel tnax l-appostlu, u dam tlett snin jgħallimhom u jħarriġhom. U meta ġie ż-żmien tal-prova kulħadd ħallieh waħdu: Ġuda ttradih, Pietru ċaħdu tlett darbiet, l-oħrajn ħallewh waħdu. Ġwanni biss, flimkien mal-Madonna u xi nisa kienu ħdejn is-Salib.

Iżda mhux din biss kienet il-weġgħa tiegħu. Huwa kellimhom kemm il-darba li kellu jbati u jkun maqtul. Iżda kull darba li kien ikellimhom fuq hekk, dejjem qalilhom li kellu jqum mill-mewt (Mk 9,30-32), jirxoxta. Tant ried iħejjijhom li fit-triq tiegħu lejn Ġerusalemm fejn kellu jiġi msallab, li hu tella’ tlieta minnhom – lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni – fuq il-muntanja Tabor biex ikunu xhieda tiegħu quddiem l-oħrajn, u hemm inbidel quddiemhom, it-Trasfigurazzjoni (Mt, 17,1-8). Hu deher fil-glorja tiegħu biex jikkonvinċihom li kellu jqum bħala l-Iben ta’ Alla wara li jarawħ mejjet fuq is-Salib.

Il-weġgħa tiegħu kienet li wara dan kollu ħadd ma kien emmen li kellu jqum. Din id-darba mhux l-appostli biss, iżda anki dawk in-nisa kuraġġjużi li kienu ħdejn is-Salib. Huma marru ħdejn il-qabar il-Ħadd filgħodu kmieni biex jidilku l-ġisem tiegħu u stagħġbu għax ma sabuhx (Mt 28,1-10). (Dak il-Ħadd il-Madonna biss ma marritx ħdejn il-qabar: forsi għaliex hi biss kienet emmnet li qam?)

L-istess bħas-soltu, minflok irrabja magħhom, beda jidhrilhom biex jgħinhom jemmnu. Dam għal erbgħin jum magħhom, bil-paċenzja jikkonvinċihom. Id-dehriet tiegħu ma kenux privileġġ iżda att ta’ mħabba fihom. Kif setgħu jippridkaw lil Ġesu’ mingħajr l-esperjenza tal-Qawmien tiegħu? Kieku xtaq li kienu bħal ma qal lil Tumas l-Appostlu: “Imberkin dawk li ma jarawx  (li ma kellhomx bżonn jaraw) u jemmnu” (Ġw 20,24-29).

Ejjew nibdlu dik il-frażi li semmejna fil-bidu ma’ stqarrija ta’ Fidi fil-Qawmien ta’ Ġesu’ u tagħna.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.