GĦALFEJN IRRID INQERR GĦAND BNIEDEM BĦALI?


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

IL-Knisja mhijiex maqsuma bejn dawk li jqerru u dawk li jisimgħu l-Qrar- is-Saċerdoti. Kulħadd għandu l-ħtieġa li jqerr – mill-Papa sa kull nisrani li hu mgħammed, għax ilkoll neħtieġu l-maħfra ta’ Alla għax ilkoll nidinbu. Iżda mbagħad il-Mulej għażel lil xi wħud, immarkati mis-sagrament tal-Ordni Sagri, is-Saċerdoti, biex jisimgħu u jaħfru ukoll id-dnubiet tal-oħrajn.

Mgr Paul Cremona OPIl-Qrar huwa sagrament. Jiġifieri wara dak li jidher – is-saċerdot u l-assoluzzjoni – hemm il-maħfra u l-imħabba u t-tgħanniqa ta’ Alla.

Illum dan is-sagrament sirna nirreferu għalih bi tlett ismijiet differenti: Qrar, Penitenza u Rikonċiljazzjoni. Kull wieħed minn dawn l-ismijiet ifisser aspett wieħed minn dan is–Sagrament. Kull wieħed huwa importanti. Nistgħu ngħidu li dawn l-ismijiet flimkien jispjegaw is-Sagrament tal-Maħfra.

‘Il-Qrar’ jurina li hemm bżonn stqarrija tad-dnubiet tagħna. Din hija importanti mhux għax Alla ma jafhomx, jew għax is-saċerdot irid ikun jafhom. Huwa importanti għalina lkoll ħalli nagħarfu fejn irridu nindmu u allura nibdlu ħajjitna. Kultant jiġi xi ħadd – x’aktarx f’xi funeral jew qabel xi tieġ – u jgħidlek “Għamilt kollox minbarra qtilt!”. Kif tista’ tinbidel meta hu ċar li l-anqas għamilt sforz biex tkun taf fejn trid tfieq. Dan qiesu tmur għand tabib u ma tgħidlux fejn inti muġugħ: kif jista’ jfejqek?      

Ġieli nsemmuh bħala s-Sagrament tal-‘Penitenza’. Din il-kelma bil-latin tfisser li jiddispjaċik, li tindem. L-indiema tibda l-ewwelnett mill-kwalita’ ta’ ħbiberija li nixtiequ jkollna ma’ Alla (u anki ma’ ħaddieħor). Meta tkun  għamilt xi ħaġa li biha taf li weġġajt jew iddiżappuntajt lill-persuna l-oħra, f’dan il-każ lil Alla, biex tfieq trid jiddispaċik u ndimt minn dak li għamilt. U allura trid terġa’ tibda ħbiberija billi ma tħallix dan l-għemil jorqod, iżda tistqarr id-dnub jew l-iżball tiegħek. L-istqarrija kollha tad-dnubiet mingħajr indiema ta’ dak li għamilt ma tantx tiswa għax ma jkollokx ix-xewqa li tinbidel. Illum, iktar minn qabel, iktar niskużaw l-għemejjel tagħna, jew inwaħħlu f’ħaddieħor, anki fit-trobbija li qed nagħtu, milli nagħarfu l-ħtijiet tagħna biex ninbidlu.

Qed insemmu wkoll lil dan is-sagrament bħala s-Sagrament tar-‘Rikonċiljazzjoni’ Din il-kelma tissoponi li jiena dejjem nixtieq inkun ‘konċiljat’, jiġifieri ħabib, mal-Mulej.  Allura meta niżbalja inkun irrid kemm jista’ jkun nerġa’ nirrikonċilja – nerġa’ nitħabbeb mal-Mulej, u nkompli miegħu. Għalhekk dan is-sagrament ma jlaqqanhiex biss mad-dnubiet tagħna, iżda wkoll u iktar mat-tgħanniqa tal-Missier permezz tal-grazzja tiegħu tal-maħfra.

Is-saċerdot qiegħed hemm biex permezz tal-qawwa mogħtija minn Ġesu’ lill-Knisja tiegħu: “Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma’ (Ġw 20,22.33) jgħinna nagħmlu din il-laqgħa mal-Missier. Din ngħidulha l-‘Assoluzzjoni’ li tkun it-tweġiba tas-saċerdot għall-‘Att ta’ Ndiema’ (talba li l-Knisja għamlet biex tgħinna nesprimu l-indiema tagħna) li nagħmlu aħna. Il-‘penitenza’ li nirċievu mis-saċerdot hija l-ewwel pass għall-mixja tagħna lejn l-għemil it-tajjeb (per eżempju jekk wieħed jidgħi l-isbaħ penitenza li jista’ jirċievi hija li jibda jfaħħar ‘l Alla.

Niftakru li Alla l-Imbierek għamel dan kollu mhux għax ried hu għalih, izda għax kien jaf x’għandna bżonn bħala bnedmin. Nistgħu nispjegaw dan b’żewġ esperjenzi vera.

Darba kien hemm mara stranjiera li riedet titgħammed. Bgħattha għand katekista. Darba ġiet għandi u qaltli li xtaqet tqerr, allavolja ma kenitx mgħammda. Meta staqsejtha għaliex qaltli: “Jiena rrid neħles mill-imgħoddi tiegħi”. Alla kien jaf li min hu verament niedem ikun jixtieq jaqsam ma’ ħaddieħor l-imgħoddi tiegħu biex jeħles minnu. Din hija l-psikoloġija tal-Mulej. Meta nkunu verament imweġġa’ bid-dnubiet tagħna, nkunu nixtiequ noħorġuhom minna. Il-Mulej tana dan biex inkunu nistgħu nagħmluh ma’ saċerdot li huwa marbut bisi-sigriet tal-Qrar.

Darba oħra kien hemm persuna, li kienet qed tmur ma’ grupp ieħor mhux kattoliku. Hi qaltli li meta kienet tħossha fid-dnub kienet tmur fil-kamra tagħha u tħares ‘l fuq biex titlob maħfra. Imbagħad qaltli minn jeddha li qatt ma ħassietha daqshekk fil-paċi daqskemm meta kienet tisma’ b’widnejha it-talba tas-saċerdot li ħafrilha. Il-Mulej tana saċerdot biex inkunu ċerti li rċevejna l-maħfra billi nisimgħu b’widnejna it-talba tal-maħfra.

Dan is-sagrament huwa għajn kbira tal- paċi tal-qalb: irridu nersqu lejn dan is-sagrament għall-ġid tagħna stess.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.