“GĦALIEX NGĦAMMDU T-TRABI” (2)

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Iżda kien hemm żmien meta l-familji nsara xtaqu li anki t-tfal u t-trabi tagħhom jeħdu l-grazzja tal-magħmudija flimkien mal-familja kollha. Forsi dan l-episodju li se naraw jagħtina ndikazzjoni ta’ dan: “tgħammed hu u niesu kollha” (Atti 16,30-33; ara wkoll 16,15). Jista’ jkun li dan ifisser li tgħammdu hu u l-familja kollha, inklużi t-tfal u t-trabi, għaliex il-missier xtaq jaqsam il-grazzja tiegħu tal-Magħmudija m-al-familja kollha?

Mgr Paul Cremona OPU fil-fatt din għada d-drawwa l-iktar komuni tal-Knisja fost il-ġenituri nsara. Iżda bħalma jiġri f’bosta ħwejjeġ oħra, tibqa’ l-qoxra u nitilfu l-iskop veru tagħhom. Kultant il-magħmudija titqies bħala ‘short-cut’: issa għammidtu u serraħt rasi, daqshekk, qisu xi rit maġiku..

Inkunu qegħdin nitilfu l-iskop kollu tal-magħmudija. Il-Knisja ma tistax tneħħi dak li semmejna hawn fuq: jiġifieri li l-imgħammed ikun jaf lil Kristu, u li jagħżel personalment lil Kristu. Allura lill-ġenituri li jixtiequ verament li t-tfal tagħhom jitgħammdu biex jimxu wara Kristu, hi tgħidilhom dawn il-kliem: “Id-dmir … li trabbu ‘l din it-tarbija fil-fidi mqaddsa, biex hija tħares il-kmandamenti ta’ Alla, u tħobb lill-Mulej u l-proxxmu tagħha kif għallimna Kristu”. U l-missirijiet f’isem il-koppja jixgħelu x-xemgħa li ħadu mill-blandun, (dik ix-xemgħa kbira li tirrapreżenta lil Kristu Rxoxt), biex jgħadduha fil-fidi tagħom lit-trabi.

Minbarra id-dlik biż-żejt tal-griżma u x-xemgħa mixgħula hemm żewġ sinjali oħra li jsiru wara li ssir il-magħmudija: il-libsa l-bajda, li tfisser il-mixja wara t-tagħlim ta’ Ġesu, u l-‘Effetah’, biex spiritwalment jinfetħu l-widnejn u l-fomm tat-tarbija biex hija tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tlissinha bil-fomm.

Sfortunatament xi ġenituri ma jkomplux iwettqu fit-tfal tagħhom dak li wegħdu. Xi katekisti (li mhux qegħdin hemm biex il-ġenituri jitfgħu r-risponsabbilta’, li hija tal-ġenituri fuqhom,: huma qegħdin hemm biex ‘jgħinu’ lill-ġenituri) jgħidu li ġieli jiġu tfal li meta jibdew jiġu għall-katekiżmu, qatt ma semgħu lill-ġenituri jgħallmuhom jitolbu magħhom, jew isemmulhom lil Alla, lil Ġesu, jew lil Ommna Marija (xi tfal jitgħallmu jsemmu l-isem ta’ Alla u ta’ Marija mill-ġenituri, iżda bil-kontra, b’mod ħażin: x’risponsabbilta’ quddiem Alla; “Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin…u jgħarrquh f’qiegħ il-baħar” (18,6). F’dan il-każ, it-tfal se jitgħallmu jitkellmu ħafna fuq footballers u kantanti, għax jisimgħu lill-ġenituri jitkellmu fuqhom, iżda mhux fuq Ġesu’: qiesu Ġesu’ se jagħmlilhom xi ħsara lit-tfal jekk ikellmuhom fuqu!.

Fil-Magħmudija t-tfal diġa’ jirċievu l-Ispirtu s-Santu (id-dilka biż-żejt imqaddes fuq ġbin it-tarbija), iżda biex tgħin lill-ġenituri fil-missjoni tagħhom il-Knisja ħasbet biex tagħti sagrament ieħor li mhu xejn għajr it-tkomplija tal-Magħmudija. Din id-darba iż-żgħażagħ stess jikkonfermaw dak li sar fil-magħmudija bl-għotja tal-Ispirtu s-Santu. Dan hu s-sagrament GRIŻMA TAL-ISQOF (biex juri li issa qiegħed jieħu l-Ispirtu s-Santu mhux biss quddiem il-familja, iżda pubblikament quddiem iil-Knisja) jew tal-KONFIRMAZZJONI (biex turi li ż-żagħżugħ qiegħed iġedded l-Ispirtu s-Santu li diġa’ rċieva fil-Magħmudija). Hekk il-Knisja tkun qed tgħin lill-ġenituri tagħhom biex ikomplu l-wegħda tagħhom, li jwasslu lit-tfal tagħhom biex jagħmlu għażla konvinta għal Kristu. Hawn ukoll l-ikbar għajnuna liż-żgħażagħ mhuwiex biss li jibagħtuhom l-katekiżmu, iżda l-mod kif il-ġenituri jgħixu l-fidi tagħhom, ħalli jkunu jistgħu jgħixu bħalhom, mhux ikollhom imorru kontra dak li qed jgħixu l-ġenituri biex isiru nsara vera!

Bħal f’kull sagrament, il-magħmudija hija xitla. Jekk il-ġenituri jekk ma jsaqquhiex bit-tajjeb, (anki jekk ma jkunux qalu hekk bil-kliem), inkunu qed noqtluha (anki jekk ma jkunux qalu hekk bil-kliem): il-qawwa tal-Magħmudija jħalluha tispiċċa fix-xejn.

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: