L-Evanġelju tas-Sibt 10 ta’ Marzu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 18, 9-14

San Luqa jsemmi li kienu ‘uħud’ li jmaqdru lill-oħrajn għall-ħażen tagħhom u jafdaw fihom infushom għall-ġustifikazzjoni tagħhom. Naħseb li llum dawk l-‘uħud’ żdiedu mhux ftit. Ġesù jiftħilna għajnejna mill-ġdid.

Il-kelma ‘Fariżew’ illum tfisser ipokrita, xi ħadd ta’ wiċċ b’ieħor. Il-kelma ‘publikan intilfet mill-użu u baqgħet tfisser dak li kienet, u ħafna drabi ma tifthiemx jekk xi ħadd ma jispjegahiex.

Il-Fariżew kien dak li josserva l-liġi sa l-inqas tikka, għallinqas hekk kien jidher li jagħmel. Kien jaħseb li l-osservanza tal-liġi tagħmlu perfett. Il-qawwa u l-ħila tiegħu, is-sagrifiċċji u s-sawm tiegħu, it-talb u x-xeni tiegħu kienu jagħmluh tajjeb f’għajnejh u f’għajnejn in-nies. It-tjubija tagħhom kienet tant kbira li kienu jiskandaliżżaw ruħhom wisq meta jaraw lil ħaddieħor jikser sfaċċatament il-liġijiet ta’ Alla u tal-bnedmin. L-iktar kelma li kienet toħroġ minn fommhom donna kienet ‘x’għarukaża!’ Imma lanqas kienu jieqfu hemm. Jekk jista’jkun, dawn kellhom jitwarrbu minn nofs. U min jagħmilha magħhom kien jistħoqqlu l-istess kastig tagħhom.

Il-Publikan kien wieħed fost ħafna li l-ħajja tagħhom kienet meqjusa mill-bqija tan-nies bħala midinba. Dawn kienu dawk li d-dnub tagħhom kien jidher, il-ġabbara tat-taxxi, l-iktar, dawk li kienujiġbru t-taxxi għall-ħakkiema rumani u jisolħu kemm jifilħu biex jaqilgħu iżjed; magħhom ukoll kien jingwalawha ħafna n-nisa tat-triq, u fl-evanġelji jissemmew kważi dejjem flimkien. Ma kienux il-midinbin, imma kategorija ta’ midinbin li d-dnub tagħhom ma kienx wisq għax jiksru l-liġi ta’ Alla, imma għax kienu jgħixu ’l barra min-normalità imfassla minn dawk li jqisu lilhom infushom ġusti bil-ħila tagħhom. Dawn ma kienux juru li huma perfetti; kienu jaċċettaw il-fatt li ma kienux ‘normali’ mingħajr ma jagħtu kas wisq ta’ dak li jgħidu n-nies.

Iżda lkoll nafu, li, tgħid kemm tgħid li ma tagħtix kas dak li jgħidu n-nies, fil-fond ta’ qalbna lkoll inħossu weġgħa meta ħaddieħor ikasbarna jew jidwi d-dgħufijiet tagħna u jperriċhom quddiem kulħadd. F’dak il-mument, il-weġgħa xxennaqna għall-ħniena u għall-mogħdrija għa xħadd ma jaf eżatt minn xhie xinkunu għaddejjin.

Ġesù ma jfaħħarx lill-publikani għall-għemil żbaljat tagħhom. Lil ħadd qatt ma qal, mur u kompli idneb. Il-ħniena li juri mal-midneb mhix ġustifikazzjoni tal-ħażin li jkun wettaq imma garanzija li l-għemil ħażin tal-bniedem mhux se jinfluwenza l-imħabba ta’ Alla lejh, jekk hu jammetti u jiddispjaċih minn dak li jkun għamel. Minn naħa l-oħra lanqas jinfluwenza l-ġudizzju rett ta’ Alla l-għemil tajjeb tal-bniedem jekk minn barra juri għemil tajjeb imma l-ħin kollu lest li jikkundanna u jmaqdar lil min mhux rett daqsu. Wara kollox, kif jgħid tant tajjeb l-għerf malti, kulħadd jaf x’jiġri meta jgħolli jdejh.

Il-ħniena ta’ Alla hija wisq ikbar mid-dnub tal-bniedem; il-grazzja ta’ Alla għandha ħila tifdi l-bniedem li jrid il-fidwa bil-ħniena u l-mogħdrija.

Il-karità, l-imħabba, mhix biss li tgħin lil min hu fil-bżonn materjali. Hemm opri tal-ħniena li jmissu r-ruħ ukoll. Agħti parir tajjeb lill-ħosbien, għallem lil min ma jafx, widdeb lill-midinbin, farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet, ħu sabar b’min idejqek, itlob lil Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Dawn naqra iktar faċli ninsewhom mill-oħrajn.

Żgur li bil-ġudizzji u bil-kundanni ma nikkonvertu lil ħadd, anzi bihom inkun qed nitfgħu lilna nfusna f’sitwazzjoni ħafna agħar minn ta’ dawk li niġġudikaw u nikkundannaw, għax il-ġudizzju u, jekk hemm bżonn, il-kundanna huma biss ta’ Alla.

Meta niġġudika u nikkundanna jien, inkun qed neħodlu postu. Hemm ħażen ikbar minn dan?

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.