Kif tista’ tiddiskuti l-qtil tal-innoċenti?

Print Friendly, PDF & Email

Desmond Zammit Marmara` – Mill-blog tan-Newbooks.com.mt – 18 ta’ Marzu 2018

Kieku kellu jiġi xi ħadd fuqek u jitolbok tiddiskuti l-qtil ta’ xi ħadd, int kif tieħdu? – Jew tibda tidħak għax taħsbu qed jiċċajta u forsi qed jitkellem metaforikament jew jekk tara li qed jitkellem bis-serjetà, tiksru u twarrab minn ħdejh. L-istess m’hemmx x’wieħed jiddiskuti ma’ min lest joqtol ħlejqiet totalment innoċenti fil-ġuf tal-omm.

Fuq din il-kwistjoni tal-abort hemm bżonn li nkunu sodi u nieqfu lil dawk li għax ħaddieħor fl-Ewropa waqa’ għal dan il-livell miskin, qed jitolbu li hawn Malta nagħmlu l-istess. Fatt wieħed irridu niftakru: li l-abort huwa qtil fi kwalunkwe ċirkostanza. Noqogħdu attenti min-nasba ta’ min irid idaħħal l-abort f’Malta, jiġifieri li jibda billi taparsi jsemmi ċirkostanzi speċjali bħal f’każ ta’ stupru. Tistgħu tibqgħu żguri li kieku nagħmlu xi eċċezzjoni ta’ dan it-tip, din tkun biss l-ewwel pass biex l-abort bla ebda xkiel jidħol f’pajjiżna aktar tard. Fuq kollox, l-ebda raġuni ma tiġġustifika l-qtil tal-innoċenti.

Ma nkunux liberali, ma nkunux progressivi billi noqtlu t-tarbija fil-ġuf. Dawk li huma favur l-abort ħafna drabi jippruvaw ipinġu lil min hu kontra b’ħafna titli bħal “konservattiv”, “bniedem moħħu magħluq”, “kontra l-liberta` u d-drittijiet tal-mara”, eċċ. Dan mhux veru. Min jipproteġi l-ħajja huwa l-aktar bniedem liberali u progressiv. Ikun hemm min jgħidlek: “allura l-maġġoranza tal-Ewropej żbaljati u aħna għandna raġun?”. Iva, għax ir-raġun ma tieħdux bis-saħħa tan-numri biss. Ejjew ma naqgħux fil-mentalita` ta’ żmien il-kolonjaliżmu meta konna nikkuppjaw u nimitaw f’kollox lil min kien iktar b’saħħtu minna.

U jekk jiġi xi ħadd minn barra minn xtutna li jindaħal fejn ma jesgħux u jipprova jgħidilna x’għandna nagħmlu, ma nibżgħux ngħidulu ma jindaħalx f’dak li nagħmlu f’darna. Il-Maltin huma nies intelliġenti biżżejjed biex jagħmlu l-għażliet tagħhom waħedhom. M’għandhom bżonn l-ebda “big brother” li jiggwidahom f’dak li għandhom jagħmlu.

Nittama li ż-żewġ partiti politiċi kbar li għandna f’Malta, jiġifieri l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, jibqgħu sodi fir-rieda li jgħidu le lid-dħul tal-abort f’pajjiżna fi kwalunkwe ċirkostanza. L-ebda partit politiku ma ngħata mandat biex idaħħal l-abort f’Malta. Tkun ġurnata tassew sewda fl-istorja ta’ dak il-partit politiku li jkun hu li meta jkun fil-gvern idaħħal f’pajjiżna l-qtil tat-trabi fil-ġuf tal-omm.

Hemm bżonn li fuq l-abort dawk kollha li għandhom xi kariga pubblika, sew fuq livell ta’ gvern lokali kif ukoll nazzjonali, ikollhom il-kuraġġ li jieħdu pożizzjoni pubblika kontra l-abort. Din kwistjoni serja wisq biex wieħed joqgħod gallerija u jara kif se tiżvolġi. Kulħadd irid isemma’ leħnu għax dawk favur l-abort qed jilagħbu logħba makakka ħafna fejn qed jippreżentaw l-abort bħallikieku hu xi dritt tal-mara u ċ-ċaħda tiegħu xi miżura rigressiva u li tmur kontra l-liberta` tal-bniedem.

Għalhekk, nappella’ lil min hu kontra l-abort biex isemma’ leħnu.

 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading