“ĠESU’ MHUX BIŻŻEJJED? GĦALFEJN MARIJA?” (2)

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Mill-Evanġelji ma nafu xejn fuq it-tfulija ta’ Marija. Hemm tradizzjoni antika ħafna tgħid li l-ġenituri tagħha kien jisimhom Anna u Ġwakkin.
It-Tħabbira tal-Anġlu Gabrijel: (Lq 1,26-38).

Mgr Paul Cremona OP• L-ewwel darba fil-Vanġeli li tissemma’ Marija fl-Evanġelji hija meta ġie l-Anġlu Gabrijel għandha u ħabbrilha t-twelid ta’ Ġesu’ minnha. Hemm ħafna x’nitgħallmu minn din il-ġrajja, li aħna nfakkruha fil-Liturġija, bħala it-Tħabbira tal-Anġlu, jew In-Lunzjata.

• Marija kienet tgħix Nazaret, raħal ċkejken fil-Galilija. Hija kienet diġa’ mgħarrsa ma’ Ġużeppi. Għalkemm il-Mulej għażel lilha biex tagħti t-twelid lil Ġesu’, l-Iben ta’ Alla, huwa ħalla t-trobbija tiegħu f’idejn koppja. Meta il-Mulej għażel lilha, hu għażilha waqt il-mixja tagħha lejn iż-żwieġ. Ġużeppi kien magħżul ukoll għaliex Ġesu’ kellu jitwieled bħala Bin David (2 Sam 7,12; Salm 89, 4-5) u Ġużeppi kien mid-dar ta’ David. Ġesu’ kien jidher bħala min-nisel ta’ David.

• Il-Mulej bagħat l-anġlu Gabrijel għandha. It-tislima tiegħu kienet: “Sliem għalik mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. (Din ngħiduha fl-ewwel parti tas-‘Sliema’). Tul iż-żmien l-Ispirtu s-Santu wassal lill-Knisja biex tiddikjara (Piju IX, Kostituzzjoni Appostolika Ineffabilis Deus,: 8 Diċembru, 1854) li dawn il-kliem juru li l-Madonna ġiet meħlusa ukoll mid-dnub tan-nisel: lil Marija insejħulha wkoll: ‘Il-Kunċizzjoni Immakulata’ jew ‘It-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija”.

• L-aħbar li Gabrijel ħabbar lil Marija kienet din: “Ara, inti se tnnissel fil-ġuf u jkollok iben, u ssemmih Ġesu’. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli”. Marija ġiet iffaċċjata minn żewġ proposti kbar: li tkun omm allavolja ma kenitx taf raġel; it-tieni kien li dak li se twelled se jkun Bin l-Għoli. Qalet lill-anġlu li ma tistax tifhem kif dan jista’ jseħħ. L-anġlu ma fehmha xejn: kif seta’ jispjega misteru? Qalilha biss: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek. U l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha . U għalhekk daki li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin Alla”. Din kienet l-ewwel rivelazzjoni tat-Trinitaa’ Qaddisa. Saret lil Sidtna Marija biex il-Mulej idaħħalha iktar fil-misteru sħiħ tat-Twelid ta’ Ġesu’.

• Il-Madonna xorta ma fehmet xejn – emmnet biss: “Ara, jiena l-Qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek”. Il-Madonna ntagħżlet l-iktar mhux għax kienet mara li tista’ twelled -dik setgħet tkun kull mara – iżda għaliex emmnet fil-misteru. (Forsi nistgħu nieħdu wkoll tagħlima: kultant nersqu lejn il-Kelma ta’ Alla bir-raġuni, u allura nibdew nagħżlu aħna xi nżommu u xi nwarrbu fil-ġenb. It-tweġiba kultant tkun: “ma nistax nifhem bir-raġuni tiegħi” u għalhekk ngħidu: “Hekk jidhirli; Hekk inħoss”. Inkun qed nafda iktar fir-raġuni tiegħi milli f’Alla l-Imbierek. Kieku għamlet hekk il-Madonna, kieku forsi Ġesu’ l-anqas biss kien jitwieled!

San Mattew, fl-Evanġelju tiegħu jirrakonta wkoll it-twelid ta’ Ġesu’: Mt 1,1-25.

• San Mattew kiteb lil Lhud. Għalhekk lil Ġesu’jsejjaħlu: “bin David, bin Abraham”. Iniżżel l-arblu tar-razza biex juri dan. L-iktar ismijiet importanti li jissemmgħu huma Abraham u David. Jispiċċa dan bil-kliem: “Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesu’ li jsejjħulu l-Messija.”

• Hawnhekk l-emfasi hija fuq “żewġha Ġużeppi”. Hu kien raġel ‘ġust’. Ma fehemx x’kien qed jiġri f’Marija: ma setax imur kontra l-liġi u jżommha, iżda ma setax l-anqas jikkundannaha għax kien ‘ġust’ u kien iħobb lill-għarusa tiegħu.

• Il-Mulej ma riedx li tkun Marija li tispjegalu x’ġara. Ried li jkun l-anġlu li bagħatlu biex ikollu rivelazzjoni personali. Ġużeppi fil-ħolma (li tant iħobb il-Papa Franġisku) jidhirlu l-anġlu u jgħidlu “Ġużeppi Bin David… dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben u inti se ssemmiħ Ġesu’… ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben li ssemmuh Għimmanu-El’…. li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna”. (Is-silta li jsemmi l-anġlu hija minn Is 7,14).

• Xi wħud jitfixklu biex jgħidu li Marija hija ‘Omm Alla’, tant huwa misteru kbir. Iżda la kienet l-omm tal-Iben t’Alla li sar bniedem, mela kienet ‘Omm Alla’, inkella ikollna niċħdu li Ġesu’ huwa l-Iben ta’ Alla.Min qatt seta’ jobsor li “Alla magħna” tieħu din ix-xejra: li l-Iben ta’ Alla isir bniedem biex jgħammar ukoll fostna.

• Din hija l-missjoni ta’ Ġużeppi: li jiżżewweġ lil Marija ħalli t-tarbija Ġesu’ tkun tidher quddiem il-bnedmin li ġejja minn Ġużeppi li hu mid-dar ta’ David; li jsemmi hu, bħala missier, lit-tarbija. Isir missier ‘putattiv‘ li jieħu ħsieb it-tarbija Ġesu’ flimkien ma’ Marija.
San Luqa: Iż-Żjara ta’ Marija lil Elisabetta: 1,39-56.

• L-anġlu Gabrijel, qal lil Marija li se jagħtiha sinjal: li Eliżabetta, “fi xjuħitha hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal…”. Marija emmnet qabel ma rat is-sinjal, iżda xorta marret għand Eliżabetta, prinċipalment mhux biex tgħinha, għalkemm xorta għamlet tlett xhur tgħinha, iżda biex tiltaqa’ mas-sinjal li ta l-anġlu.

• Ġwanni qabeż bil-ferħ fil-ġuf ta’ Eliżabetta meta Marija sellmitilha. U Eliżabetta qalet dawk il-kliem li ngħidu fis-‘Sliema’: “Imbierka int fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” Marija ltaqgħet mas-sinjal li wegħdha Gabrijel.

• Minn mindu Marija aċċettat li tkun Omm Alla, hija fetħet il-bieb għall-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu beda jiltaqa’ magħha f’diversi persuni. Fil-fatt insibu li Eliżabetta “mtliet bl-Ispirtu s-Santu” meta sellmitilha b’dik it-tislima sabiħa. ‘Il-quddiem naraw li reġgħet ltaqgħet mal-Ispirtu s-Santu fit-Tempju meta ltaqgħet ma’ Xmuni.

• It-tweġiba ta’ Marija kienet dak il-kantiku li nafuh bħala il-‘Magnificat’. Dawn huma xi ftit mill-vrus li Marija tenniet biex tesprimi l-esperjenza ta’ dak li kien qed jiġri fiha: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej… għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu… għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar, qaddis hu l-isem tiegħu”. Għal Marija il-Misteru tal-Inkarnazzjoni huwa l-laqgħa tal-Qawwa ta’ Alla maċ-ċokon tagħha,li minnha ħarġu ħwejjeġ kbar: it-twelid ta’ Ġesu’. Hija ma tefgħetx l-attenzjoni fuqha: fl-umilta’ tagħha hija riditna niftakru fil-“ħwejjeġ kbar” li seħħu ġewwa fiha, jiġifieri t-tnissil u t-twelid tal-Iben t’Alla; u li hi “ħienja”, il-ferħ li ġab ġewwa fiha dan kollu. Tridna dejjem niftakru f’dan iktar milli fiha! Bħalma ġabet il-ferħ lil Eliżabetta għaliuex kellha lil Ġesu’ ġewwa fiha, hekk hi dejjem twasslilna l-ferħ meta ġġibilna lil Binha Ġesu’.

Leave a Reply

%d bloggers like this: