L-Evanġelju tal-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 14, 1 – 15, 47

Kważi 1800 kelma fi ġrajja mimlija b’kull xorta ta’ emozzjoni. Hekk għallinqas tidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn. Dan probabilment huwa l-ewwel rakkont li nkiteb mill-Evaġleji kollha għax dan kien il-qofol tat-twemmin li l-ewwel dixxipli ħassew li kellhom jgħaddu; kienu jemmnu li hu l-iktar importanti għax iwassal għall-ġrajja l-kbira li aħna ħafna drabi nippruvaw naħbu fil-festa l-kbira. Festa tiċċelebraha u tieqaf sakemm tiġi festa oħra filwaqt li ġrajja kbira tibdeillek ħajetk bil-kbir; aħna dan niuppruvaw nevitawh.

L-appostlu missierna stqarr li li kieku Ġesù Kristu ma qamx mill-imwiet kieku l-fidi tagħna hija fiergħa, bla sens. Il-qawmien mill-imwiet li ġie wara t-tbatija u l-mewt u mingħajrhom ma setax iseħħ, seħħ tassew, imma jekk ma nemmnux fih u f’dak li jfisser, il-fidi mhux fiergħa, iżda fidi ma hemmx. L-għan ta’ Marku u l-ewwel dixxipli ma kienx li jqanqlu l-qlub iżda li jnisslu l-fidi. Riedu jibdlu lill-bnedmin fix-xbieha ta’ Alla mill-ġdid, imfassla fuq dak li għex Ġesù nnifsu, li ħabb u ta ħajtu b’imħabba bla tarf li tat tifsira ġdida lill-kliem ‘xbieha ta’ Alla’.

Jista’ jkun li Marku ħalla l-firma tiegħu f’dan ir-rakkont u qalilna min tassew kien. ‘Wieħed żagħżugħ mar warajh imgeżwer b’liżar biss fuq xejn, u qabduh; imma hu telqilhom il-liżar f’idejhom u ħarab għeri.’ Jekk dan hu Marku, kif hawn min jaħseb li hu, jurina l-ħeġġa u l-entużjażmu ta’ żgħażugħ li ħalla lil dan il-persunaġġ rivoluzzjonarju ta’ żmienu iqanqal fih sens ta’ avventura li jwassal għad-dixxipulat. Kif jiġri dejjem, iż-żgħażagħ huma ħafna iktar disposti li jaċċettaw idejat ġodda u jħallulhom jinfluwenzawlhom u jagħrtuhom direzzjoni fil-ħajja. Hemm min jgħid li Marku kien iben il-familja li mingħandhom Ġesù kien jikri l-kamra ta’ fuq biex fiha jagħmel l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħu, li f’din l-ikla mhux bilfors kienu t-tnax biss, iżda anke dawk li kienu jkunu magħhom u jaqduhom. Din l-istess familja seta’ wkoll kienet sidt il-parti tal-ġnien taż-żebbuġ fejn Ġesù u sħabu kienu jgħaddu l-lejl meta kienu jkunu Ġerusalemm għall-festa tal-għid; għalhekk Ġuda kien jafu tajjeb il-post u dan ukoll jista’ jispjega l-preżenza taż-żgħażugħ imleflef f’liżar li mar warajhom, forsi mqanqal mill-kurżità dwar dak li seta’ jiġri.

Iżda meta ġie biex iwassal dan ir-rakkont, Marku, iktar ’il quddiem f’ħajtu jinduna li din ma kienetx il-ġrajja tal-bniedem Ġesù waħdu. Fiha kien hemm minsuġa l-ġrajjiet ta’ bnedmin oħrajn li bid-deċiżjonijiet tagħhom taw sura lil din il-ġrajja u għamluha dak li fil-fatt kienet: Alla, li ċarrat is-smewwiet u nieżel u daħal fl-istorja tal-bniedem, ingħaqad mal-bnedmin biex magħhom niseġ l-istorja tal-imħabba mniżżla fl-art u mgħixha fil-milja tagħha.

Hemm il-ġrajja tat-tlitt dixxipli magħżula, li jddeċiedu li ma jishrux u jorqdu, il-ġrajja ta’ Ġuda li bidel l-allejanza tiegħu għal ftit flus u biegħ lill-imgħallem tiegħu u lil sħabu; il-ġrajja tal-qassis il-kbir u sħabu li ddeċiedew li jwasslu għat-temma tal-pjan tagħhom f’nisġa bejn qerq u opportuniżmu; hemm ix-xhieda folox li ddeċiedew li jigdbu biex jinħabbu; hemm Pilatu li ddeċieda li ma jiddeċiedix għa xl-interessi personali tiegħu kienu fil-quċċata tal-prijoritajiet tiegħu; hemm il-manigoldi li obdew id-deċiżjonijiet ta’ ħaddieħor iktar milli kien ġust bla ma qiesu jew xtarru x’kienu qed jagħmlu bl-iskuża tal-ubbidjenza militari; barabba li gawda mid-deċiżjoni żbaljata tal-għadu tiegħu; il-ġrajja ta’ Xmun iċ-Ċirinew u wliedu li fit-triq iltaqgħu ma saram u tgħabbew bil-piż tat-toqol ta’ salib ħaddieħor; il-ġrajja taċ-ċenturjun li, tard wisq, għaraf min kien tassew l-imsallab; in-nisa, żgħar fl-istatura soċjali tagħhom li ddeċiedew li jikbru quddiem kulħadd bil-preżenza siekta tagħhom; hemm Ġużeppi u Nikodemu li ddeċiedew li wasal iż-żmien li jagħmlu xi ħaġa wara li għaddew is-snin ta’ qabel jisktu u jinħbew.

Id-deċiżjonijiet ta’ dawn kollha u mijiet magħhom intisġu mad-deċiżjoni ta’ Ġesù li jagħti lilu nnfisu skont kif il-Missier xtaq minnu. In-nisġa, li minkejja id-dlelijiet tad-dgħufija tal-bniedem, wasslet bie xl-għotja tal-imħabba sseħħ u titwettaq għal kollox, biex it-tempju jiġġarraf ħalli fi tlitt ijiem jerġa’ jitla qawi u sħiħġ iktar minn qatt qabel, rebbieħ fuq il-qobra u fu qkull deċiżjoni żbaljata tal-bniedem; nisġa li wasslet biex iseħħ dak li hi stess dejjem meriet li seta’ jseħħ; dak li dejjem qalet li kien impossibli wasslitu biex ikun ir-rejaltà li setgħet tgawdi minnu hija stess.

l-istorja ta’ Ġesù illum infakkruha, ma tista qatt terġa sseħħ, għax meta seħħet, seħħet fil-milja tagħha, iżda n-nisġa tad-deċiżjonijiet għada sseħħ sa issa u tibqa’ sseħħ għal dejjem. Forsi ma twassalx biex Kristu jerġa jmut, imma twassal biex oħrajn bħalu jgħaddu mit-tiġrib tiegħu.

Ħaġa waħda toħroġ minn dan kollu. Id-deċiżjoni ta’ Alla ttieħdet u tibqa’ titwettaq dejjem, u minħabba f’hekk id-deċiżjonijiet ta’ dawk li jsawru n-nisġa, jistgħu jinbidlu dejjem. Din hija x-xewqa ta’ Alla huwa u jfakkarna f’dak li għadda minnu Ibnu għalina.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.