L-Isqof Mario Grech fil-Funeral ta’ Dun Ġwann Attard, fir-Rotunda parrokkjali tax-Xewkija


It-Tnejn, 2 ta’ April 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-okkażjoni tal-Funeral ta’ Dun Ġwann Attard, fir-Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.

IMG_1925

 

Omelija fil-Funeral ta’ Dun Ġwann Attard – Fir-Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija

INŻURU L-GALILIJA TA’ ĦAJJITNA

Il-fatt li ninsabu maħsuda bit-telfa ħabta u sabta ta’ dan is-saċerdot forsi jgħinna nifhmu ftit kif kienu qegħdin iħossuhom l-Appostli wara l-mewt ta’ Kristu. Kienu għajjenin, qalbhom tqila, iddispjaċuti, imnaffra u dubjużi. Lil dawn l-Appostli u lilna, permezz tal-Vanġelu tal-lum (Mt 28:8-15), Ġesù jibagħtilna messaġġ man-nisa li marru ħdejn il-qabar tiegħu. Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija: lili jarawni hemmhekk”.

Ġesù bagħathom il-Galilija biex hemmhekk jiftakru fl-ewwel esperjenza li huma kellhom tiegħu. Indikalhom il-Baħar ta’ Tiberija biex jerġgħu jiftakru kemm ferħu meta Ġesù sejħilhom u għażilhom għalih. Bagħathom il-Galilija biex jerġa’ jkebbes f’qalbhom dak l-entużjażmu li huma kienu ġarrbu meta bdew “jinnamraw” ma’ Ġesù. F’dak l-ambjent primordjali għall-ministeru tagħhom huma setgħu jiftakru fil-kliem li kien jafdalhom il-Mulej! Fi kliem ieħor, Ġesù jistedinhom imorru lura minn fejn kienu telqu biex hemm jiftakru meta l-ħarsa tiegħu strieħet fuqhom u huma ħallew kollox biex imorru miegħu.

Kemm hija sabiħa l-memorja li tgħinna mmorru lura fiż-żmien u niftakru fl-ewwel laqgħa tagħna ma’ Ġesù! Hija din il-memorja li fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tgħinna nieqfu fuq riġlejna. Għalina l-ewwel laqgħa tagħna ma’ Ġesù seħħet dakinhar li tgħammidna. Għalhekkk tajjeb li nirritornaw lejn dak l-ilma, mhux tal-Galilija imma tal-Fonti tal-Magħmudija. Jekk imbagħad infittxu fil-garigor tal-memorja tagħna, insibu ġrajja, persuna jew kelma li tkun nebbħitna min hu Ġesù. It-twemmin tagħna mhux damma ta’ duttrina, imma laqgħa personali ma’ Ġesù li huwa l-isbaħ fost ulied il-bnedmin. Il-Papa Benedittu XVI jgħidilna li fil-bidu tal-esperjenza Nisranija ma hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja jew persuna li tagħti orizzont ġdid u direzzjoni deċiża lil ħajjitna (ara Deus caritas est, 1).

Illum bħal donni nisma’ lil Dun Ġwann, li kien mgħallem tat-Teoloġija spiritwali, qed jgħidilna: “Jekk intom imnikktin, ftakru x’seħħ dakinhar tal-Magħmudija tagħkom. Stħarrġu min kienet dik il-persuna jew ġrajja fil-familja, fost il-ħbieb jew fil-parroċċa li minħabba fiha intom iltqajtu ma’ Kristu”. Għax fl-istorja tagħna hemm waqt partikulari fejn bl-għajnuna ta’ xi ħadd aħna għażilna li nimxu wara Ġesù u, għax inħobbuh, minħabba fih għamilna deċiżjonijiet importanti!

L-istedina biex immorru l-Galilija nagħmilha wkoll lis-saċerdoti għax aħna wkoll ikollna t-toqol tagħna, negħjew, naħbtu nitilfu l-ħeġġa pastorali… Lilna s-saċerdoti l-Galilija tfakkarna meta l-ġmiel ta’ Kristu saħħarna u ħallejna kollox biex inkunu tiegħu.

Meta d-dixxipli semgħu li Ġesù xtaqhom imorru l-Galilija huma kienu konxji li ma kinux għadhom l-istess ta’ dakinhar li ltaqgħu ma’ Ġesù għall-ewwel darba. Huma qabdu t-triq lejn il-Galilija, imma qalbhom kienet tferfer bil-biża’. Għax maż-żmien huma kienu għamlu l-frejjeġ tagħhom! Kien hemm min ċaħdu, min telqu waħdu, min ittradieh… Nistħajjilhom f’qalbhom bdew jgħidu: “Ġejja tagħna!”.

Imma meta mbagħad iltaqa’ magħhom, lil dawk li ttradewh Ġesù għamilhom xhieda tiegħu u lil dawk li ħarbu minn ħdejn is-salib tiegħu bagħathom fid-dinja biex ixandru l-Bxara t-tajba (ara Mt 28:18-20). Ġesù bagħathom il-Galilija biex ibattlu l-bagalji mid-dnub tagħhom u jerġa’ jirriabilitahom. Għalhekk, anki jekk aħna konxji li minn dakinhar li tgħammidna aħna responsabbli ta’ ċertu taħwid, ma għandniex nibżgħu nersqu fil-preżenza ta’ Kristu. Ġesù ma jimpurtahx mix-xkora tal-għeltijiet tagħna, imma hu kollu ħniena, miżerikordja u mogħdrija.

Dun Ġwann kellu ħafna għal qalbu l-ministeru tal-qrar. Għal ħafna snin, fi żmien il-Milied u żmien il-Għid, huwa kien “jeħodna” Prato jew Como fl-Italja biex ngħinu fil-qrar. Illum, f’din l-aħħar laqgħa tagħna miegħu, nistħajjel lil Dun Ġwann jagħmlilna kuraġġ biex ma nibżgħux immorru għand Ġesù fis-sagrament tal-Qrar, għax jekk l-istorja tagħna hija mżewqa bl-iżbalji, il-Mulej Ġesù li qam mill-mewt huwa kollu mogħdrija, iħobbna u jaħfrilna.

Dawk in-nisa li raw lil Ġesù Rxoxt xtaqu ħafna jmissuh b’idejhom, imma Ġesù ma ħallihomx. Imma mbagħad huma messew lil Ġesù Rxoxt huma u sejrin fit-triq iħabbru l-Kelma. Ġew f’kuntatt ma’ Kristu Rxoxt huma u jiltaqgħu man-nies tal-Galilija. Dawn kienu nies imqarbin, imma Ġesù pprefera lilhom flok dawk ta’ Ġerusalemm. Huwa fatt li San Mattew qatt ma jgħid li wara l-qawmien Ġesù deher f’Ġerusalemm, jiġifieri fejn kien hemm it-Tempju; id-dehriet seħħew fil-Galilija, art pagana. Ġesù Rxoxt deher f’żona tal-periferija, huwa deher f’dak l-ambjent li fil-fehma tal-Lhud osservanti kien kundannabbli. Kien f’dan il-kuntest ta’ taħlit kulturali u reliġjuż li Ġesù Rxoxt bagħat lin-nisa jxandru l-Kelma. Waqt li kienu jxandru f’dan l-ambjent pagan (Galilija tal-ġnus), huma messew b’idejhom lill-Irxoxt.

Dun Ġwann Attard, li kellu qalb u moħħ miftuħa, illum qed jgħidilna biex ma nibżgħux minn dawk l-ambjenti pluralistiċi u ma naħarbux lil dawk li ma tantx huma simpatiċi mal-Knisja jew li għadhom ma laqgħux lil Ġesù għalkollox. Għall-kuntrarju, aħna għandna nakkumpanjawhom u nitkellmu magħhom, għax din il-qrubija toffrilna l-opportunità biex immissu lil Kristu.

B’dawn il-ħsibijiet, insellem il-memorja ta’ Dun Ġwann Attard u nħeġġiġkom biex toffru talb b’suffraġju tiegħu u tas-saċerdoti mejtin kollha li lilna għaddewlna l-fidi fi Kristu Rxoxt.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.