Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 10, 11-18
Min jipprova jinterpreta l-kliem ta’ Ġesù għall-għanijiet tiegħu qed jissogra ħafna. Mhux jissogra li jiġbed fuq l-korla tiegħu, għax huwa wkoll wieħed minn nagħaġ li Ġesù jrid jiġbor biex jieħu ħsieb, iżda jissogra ħafna li ma jilqax l-għotja li Ġesù qed jagħmel minn rajh, għax irid, l-għotja tiegħu innifsu.
Ġesù jsemmi ir-ragħaj it-tajjeb, jew is-sabiħ, il-lupu u l-mikri. Jiddefinixxi lilu nnifsu bħala r-ragħaj is-sabiħ, li jiġbdek u jżommok miegħu għax fih m’hemmx tebgħa, m’hemmx qerq, m’hemmx id-dlam tal-konfużjoni. Isemmi l-mikri li jagħti l-impressjoni li qed jieħu ħsieb il-merħla, imma l-għan tiegħu huwa l-flus li jaqla għall-kirja tiegħu, il-ġid li jista’ jiggwadanja hu biss, li jaħseb biss għal ġildu. Jitkellem dwar il-lupu li jattakka l-merħla, li jifred li jkisser, li jaħtaf, li jħarbat, li jattakka lir-ragħaj, għax fi kliem Ġesù stess, nidrob ir-ragħaj u n-nagħaġ jitferrxu.
Dak li jitkellem dwaru mhux ħolm u lanqas fantasija. Ġesù jitkellem dwar ir-rejaltà li aħna lkoll nagħrfu għax nafu, rejaltà li hija parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum.
L-ewwel u qabe kollox hemm ir-rejaltà tal-ħtieġa li l-merħla tkun waħda u ħaġa waħda. Aħna nogħxew nifirdu u nkissru, inkeċċu lil xulxin bi skuża jew oħra. Kellu raġun biex ibiegħ il-filosfu kittieb li, żmien mhux twil ilu, kiteb li ngħożżu l-ħsieb ta’ ‘aħna’ u ‘intom’ taħt bandiera jew oħra, ħsieb li jwassalna biex nobgħodu lil min ma jaqbilx magħna u ma jxejjirx il-bandiera tagħna imma la qatt ma għamlilna ħsara, li qatt ma sibna xi ngħidu fih, li, jista’ jkun ukoll, xi darba medd idu biex jgħinna u aħna lqajna dik l-id, li llum insammruha mal-preġudizzji tagħna, mal-idejat li jitimawna u li jnisslu bejnietna l-firda. Min se jkun fil-bżonn u qabe jaċċetta għajnuna jistaqsi dik l-għajnuna jekk hix ta’ ħsieb jew ieħor, opinjoni jew oħra! Il-bluha li jiżra l-lupu tinbet malajr imsoqqija mill-ilma li jisqiha l-mikri. Merħla waħda, ragħaj wieħed għax fejn hemm l-għaqda hemm l-attenzjoni, is-senisitività għall-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor, is-solidarjetà, l-imħabba bla kundizzjonijiet u bla fruntieri. Mini irid ikisser lill-bniedem jifirdu mill-bnedmin l-oħra. Merħla waħda, ragħaj wieħed u, għal dan il-għan, Ġesù juża s-setgħa tiegħu biex jagħti lilu nnifsu.
Il-mikri juża l-merħla biex jistana hu. Il-mikri fdat u għax fdat, imħallas, iżda l-merħla ma jgħoddhiex b’tiegħu, jgħodda bħala meżż biex bih iħaxxen butu u x’ħin iħoss is-saram ġej, ilebbet ifittex il-kenn. Il-mikri jaf li xi darba jew oħra jista’ jinqabad fil-fatt jittradixxi l-fiduċja li għaliha qed ikun imħallas u għalhekk ma jiskruplax jigdeb u jqarraq biex ikompli jgħatti l-għemil qarrieqi u kapriċċuż tiegħu. Mikri hu. Ma tħabatx għall-merħla, ma batiex biex ġabarha, jiġi jaqa’ u jqum minnha.
Il-lupu jattakka meta hemm il-mikri għax jaf li l-mikri jaħrab mingħajr ma jaħsibha darbtejn. Il-lupu jattakka l-merħla imma jattakk wkoll lir-ragħaj għax jaf li jekk jidrob lir-ragħaj in-nagħaġ m’għandhomx kif jif jiqbgħu ħaġa waħda; ifred u saltan. Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala r-ragħaj is-sabiħ veru, għax il-lupu wkoll għandu l-ħila jidher sabiħ. Imma Ġesù mhux biss ir-ragħaj is-sabiħ iżda t-tajjeb. Biex iżomm il-merħla magħquda u sħiħa mhux jattakka iżda jagħti lilu nnifsu, jagħti ħajtu u hemm tidher is-setgħa tiegħu, hemm tidher il-qawwa li mhix ġejja mill-frustrazzjoni tal-ħażin jew mill-għira tas-supperv, iżda mill-imħabba li għandu għal kull bniedem, imħabba li hi ordni tal-Missier.
Min qed jissogra tassew? Il-lupu, li m’għandux x’jitlef, il-mikri li jiġi jaqa u jqum, jew in-nagħaġa li tagħti kashom?