Ħtieġa ta’ Djalogu Responsabbli


STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ĠUSTIZZJA U PAĊI

Il-Ġimgħa 27 ta’ April 2018: Fid-dawl tad-diskussjonijiet preżenti dwar l-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, il-Kummissjoni Ġustizzja u l-Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta qed issejjaħ għal djalogu responsabbli li jmur lil hinn minn pożizzjonijiet polarizzati, u li jkun iffukat fuq il-ġid komuni ta’ kulħadd mingħajr ma jiġu attakkati personalment dawk li għandhom fehmiet opposti.

Mhijiex l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi li tirrepeti dak li l-Knisja diġà espremiet b’mod ċar dwar dawn il-proposti. Madanakollu, il-Kummissjoni tixtieq tikkummenta dwar il-proċess li bih qed titwettaq azzjoni politika fis-soċjetà tagħna. Ma hemmx kliem aħjar biex nikkummentaw dwar il-ħtieġa għal djalogu miftuħ u bbilanċjat minn dawk li lissen il-Papa Franġisku stess f’Ottubru li għadda lill-parteċipanti tal-konferenza (Re)Thinking Europe, fil-Vatikan. L-Insara jista’ jkollhom rwol li jsawru l-futur tal-Ewropa billi jippromwovu d-djalogu politiku “speċjalment fejn dan hu mhedded u fejn donnu qed jerfa’ rasu l-kunflitt”.1 Minflok tippromwovi d-djalogu, il-politika “qed tinbidel f’forum ta’ skontru bejn forzi li jeħduha kontra xulxin. Flok il-leħen tad-djalogu għandna l-għajat ta’ min ifittex id-dritt tiegħu.”2 Il-Papa stieden lill-mexxejja politiċi biex jippromwovu l-Ewropa bħala “komunità inklużiva”, fejn id-differenzi jingħataw valur u jitqiesu “bħala wirt komuni u li minnu jistagħna kulħadd.”3

Il-Papa Franġisku spjega kif l-Insara jistgħu jikkontribwixxu sabiex isolvu kunflitt politiku billi jgħinu biex jiġi rkuprat sens ta’ komunità u jippromwovu d-djalogu politiku. Hu enfasizza li l-Ewropa mhijiex biss “ġabra ta’ istituzzjonijiet u numri, imma hi
magħmula mill-persuni. B’dispjaċir naraw kif ta’ spiss kull kwistjoni faċilment jispiċċa jsir diskussjoni ta’ ċifri. Ma hemmx iċ-ċittadini, hemm biss il-voti. Ma hemmx l-immigranti, imma l-persentaġġi. Ma hemmx il-ħaddiema, hemm biss l-indikaturi ekonomiċi. Ma hemmx il-foqra, hemm biss il-marġini tal-faqar.”4

Soċjetà li tqis lilha nnifisha bħala soċjetà ġusta mhijiex soċjetà li tpinġi lilha nnifisha bħala waħda li tħabrek għall-ugwaljanza, filwaqt li fl-istess ħin toħnoq il-vuċi ta’ dawk li ma jaqblux ma’ dak li qed jiġi propost f’isem l-istess ugwaljanza. Barra minn hekk, kwalunkwe diskussjoni li ssir f’tali soċjetà ma tistax tkun ġusta sakemm ma tkunx imsejsa fuq it-tfittxija għall-verità.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi hija mħassba bil-mod mgħaġġel li bih qed jitressqu l-emendi proposti mill-Parlament fi ftit jiem, u dan billi tiġi eliminata kompletament kull forma ta’ konsultazzjoni u dibattitu pubbliku strutturat, u bħala riżultat iwassal għal
konfużjoni mifruxa dwar x’qed jipproponi fil-fatt l-abbozz tal-Liġi. L-għadd kbir ta’ persuni li attendew il-mixja favur il-ħajja li saret nhar il-Ħadd li għadda hija prova ċara tal-fatt li dan huwa suġġett għal qalb ħafna ċittadini, u li jqajjem tħassib wiesa’ li jaffettwa firxa kbira tas-soċjetà.

Għalhekk, il-Kummissjoni tixtieq tingħaqad mal-President ta’ Malta u titlob għal diskussjoni aktar dinjituża dwar dawn il-kwistjonijiet ferm kontroversjali. Huwa d-dmir tal-klassi politika li tiżgura li diskussjoni bħal din isseħħ b’mod li jiżgura li l-partijiet kollha kkonċernati u l-pubbliku jingħataw spazju bbilanċjat biex jesprimu l-opinjonijiet u t-tħassib tagħhom, u li jingħata ż-żmien adegwat sabiex din il-leġiżlazzjoni proposta tiġi studjata u emendata kif meħtieġ għall-ġid komuni.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.