Minn fuq il-pont


Kien jum mill-isbaħ. Eżattament kif taf tagħmel ix-xitwa Maltija. Kien jum ta’ viżibiltà mill-aqwa.

Kelli qadja għal għajnejja. Imsieken! Anki huma qed iħossu l-piż tal-għejja tax-xogħol li nwettaq! Allura m’għandix nagħtihom tort li ġibuli l-attenzjoni hux! U nifimhom tafux! L-għaliex ma jfissirx li għax huma daqshekk żgħar m’għandix nagħtihom l-importanza li tistħoqqilhom! U tixirqilhom! Allura, misjuq minn dan il-bżonn daqshekk meħtieġ, kelli iva nċedi għall-eżiġenzi urġenti tagħhom. Li, u bir-raġun kollu, ma jifilħux jistennew aktar!

X’ħin spiċċajt mill-quddiesa ta’ filgħodu ippruvajt nakkwista lift. Madankollu, il-Mulej, li, bil-mod il-mod, qed jagħllimni x’ħobż jiekol, riedni nagħmel esperjenza oħra. Għalhekk dort b’imħabba lejn riġlejja u għedtilhom: “Għeżież riġlejja. Jiena f’idejkom issa! Ħuduni intom ħalli ħuti għajnejja jiġu ftit f’posthom. Imsieken!” U hekk seħħ! L-għaliex, ħuti idejja, fittxew mill-ewwel il-pappoċċ tal-mixi. Filwaqt li ħuti s-swaba’ għenuni bis-sħiħ biex ilibbsuli l-pappoċċ tal-mixi f’ħuti riġlejja. L-ewwel f’ħija riġli tax-xellug. Imbagħad, f’ħija, riġli tal-lemin. U viva San Franġisk!

Minħabba li l-kesħa ta’ dak il-jum kienet għadha xxoqq l-għadam mhux ħażin, għalkemm kienet fina fina, ma ridtx nagħmilha tal-hero u naqbad u noħroġ nitbellaħ mingħajr ma nkun liebes sewwa minn taħt iċ-ċoqqa! Għax jekk nispiċċa nieħu riħ fil-pulmun imbagħad x’ħa nagħmel? Wara kollox hemm l-impenn ta’ Mater Dei li qisu s-suffara tar-referee. Dejjem isaffarli! Kemm biex nidħol fil-ground u anki minn fejn nagħti l-corners, il-free kicks, it-thrown-ins, u l-bqija. U s-suffara tar-referee iġġagħlni nifhem ukoll li biex naħdem f’Mater Dei irrid nieħu ħsieb saħħti. Għax hemm xogħol bir-rimi x’jitwettaq! U xogħol li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu li jkollu. L-għaliex huwa dritt sagrosant tiegħu li jkollu minn jakkumpanjah fis-sodda tal-mard.

Għalhekk, misjuq minn dawn il-ħsibijiet kollha, ilbist żewġ flokkijiet isaħħnu issemmiex taħt iċ-ċoqqa. U mbagħad ilbist ukoll il-ġakketta tas-suf bl-iscarf b’kollox. U kollox lewn kannella jekk jogħġbok. Għalkemm, ħlief għad-dublett twil li nilbes u għall-kurdun ta’ fuq żaqqi, kont taħsibni xi spija tal-KGB! Sintendi, la kien jum sabiħ u mimli xemx ridt ukoll nipproteġi lil għajnejja minn nar il-kbir. Jiġifieri mix-xemx ħanina Maltija u Għawdxija!

Mela tfajt ix-shutters fuq in-nuċċali, ilbist il-berita ta’ Medjugorje, li tant hija għall-qalbi, u … Vrum … Għall-għonq it-triq. Ħriġt minn Triq Balbi, it-triq tal-kunvent tiegħi, u ġbidtha lejn it-triq fejn hemm il-pont. Kemm ħadt gost nimxi fuqu. L-ewwel ħarist lejn in-naħa tax-xellug. U rajt triq mill-isbaħ. Irranġata bl-akbar professjonalità. Tafu li l-karozzi li bdew isuqu fuqha ħassejthom qishom għaddejjin minn fuq it-tajjar? Kemm dehru komdi! U anki meta ħarist lejn in-naħa tal-lemin tafux! Dehra oħra mill-isbaħ! Bit-traffiku għaddej qisu m’hux hu! U mbagħad, fl-aħħar nett, ħarist ‘il quddiem. Għoġobni l-paviment sabiħ tal-pont. Anki l-prekawzjonijiet ta’ sigurtà li saru fuqu. Tafu li bdejt ngħir għal dan il-pont? U taf x’għedtlu lill-Mulej dak il-ħin? Mulej għamilni utli fil-ħajja bħal dan il-pont. Iva! Bħal dan il-pont tal-Marsa!

Għax xi tfisser nkun pont ħbieb? Li nkun pont ifisser li nsir naf ħafna nies u li ma niddejjaqx inlaqqagħhom flimkien. Li nkun pont ifisser li nisma’, b’attenzjoni, lil kulħadd. U li nkun sinċerament interessat u interessata kif int sejjer u sejra f’ħajtek. Li nkun pont ifisser li nistaqsi l-mistoqsijiet biex nara kif nista’ ngħinek. Li nkun pont ifisser li norganizza festini ta’ għaqda. Li nkun pont ifisser li niffaċilita l-laqgħa tan-nies bejniethom. Li nkun pont ifisser li nitħaddet b’mod pożittiv fuq il-persuni l-oħra. Li nkun pont ifisser li nagħmel minn kollox biex nies oħra jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien. Li nkun pont ifisser li nħeġġeġ lin-nies fil-kapaċitajiet li l-Mulej żejjinhom bihom. U anki li nkun minn tal-ewwel li ngħin persuni jikbru permezz tal-kapaċitajiet tagħhom. Li nkun pont ifisser li hija l-għaxqa tiegħi meta nara n-nies jaħfru u jerġgħu jsiru ħbieb ta’ xulxin. L-aktar meta nkun jien stess li, bil-għajnuna tal-Mulej, inkun servejt biex jagħmlu ħbieb bejniethom mill-ġdid.

Il-magħruf filosfu Ġermaniż, Fredrich Nietzche, kien iħobb jgħid: “Dak li hu kbir fil-bniedem hu li hu pont u mhux għan”. Il-bniedem huwa dejjem f’mixja! Fil-mixja tal-imħabba! U għalija, li tkun pont, ifisser dak li tgħid it-talba attribwita lil San Franġisk, Mulej għamilni strument tal-paċi tiegħek. Għalija, li nkun pont ifisser, li fejn hemm il-mibegħda nġib l-imħabba, fejn hemm il-ħtija nferrex il-maħfra, fejn hemm id-dubju ndaħħal il-fidi, fejn hemm il-qtigħ il-qalb nqawwi t-tama, fejn hemm id-dlam nkebbes id-dawl u fejn hemm in-niket nxerred il-ferħ.

Mulej, għamilni pont. Bħal dak tal-Marsa. Għamilni Mulej strument tal-paċi tiegħek! Amen.

 

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.